Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/10/683

Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2010

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE)

I. Mistoqsijiet u Tweġibiet Ġenerali dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

1. Xi jgħid it-Trattat ta' Lisbona dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej?

2. Bħalissa huwa diġà possibbli li titressaq inizjattiva taċ-ċittadini? Meta ser ikun possibbli li jinbdew l-ewwel inizjattivi taċ-ċittadini?

3. X'jiġri f'każ bħal dak tal-petizzjoni tal-Greenpeace ta' ftit ta' żmien ilu? Dik tkun tista' terġa' titressaq ladarba jibda japplika r-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini?

4. X'inhu l-valur miżjud tal-IĊE?

5. X'inhi d-differenza bejn EĊI u petizzjoni?

6. Jeżistu xi skemi ta' inizjattivi taċ-ċittadini fl-Istati Membri?

7. Tista' titressaq IĊE dwar is-sede tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu?

8. Iċ-ċittadini ser ikunu jistgħu jniedu reviżjoni tat-Trattati permezz ta' IĊE?

9. IĊE tista' tinkludi wkoll il-firem ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu fl-UE?

II. Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-Regolament: kif se tiffunzjona l-IĊE?

1. Min jista' jorganizza inizjattiva?

2. L-inizjattivi taċ-ċittadini jistgħu jiġu organizzati minn organizzazzjonijiet?

3. Sejrin ikun hemm dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-finanzjament?

4. L-organizzaturi ta' IĊE ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn xi sura ta' finanzjament tal-UE?

5. Iċ-ċittadini kif ser ikunu jistgħu jafu bl-inizjattivi li jkunu għaddejjin?

6. Il-Kummissjoni kif ser tivverifika li l-gruppi li jibdew l-inizjattivi jkunu gruppi serji?

7. Hemm xi modi kif il-Kummissjoni tkun tista' twaqqaf lil estremisti milli jużaw din l-għodda bħala pjattaforma għall-fehmiet tagħhom?

8. X'sejrin ikunu r-rekwiżiti biex tiġi rreġistrata inizjattiva li tiġi proposta?

9. Liema huma l-ilsna li ser ikunu jistgħu jintużaw mill-organizzaturi biex jirreġistraw l-inizjattiva li jkunu qegħdin jipproponu?

10. Il-Kummissjoni ser tittraduċi l-inizjattivi li jiġu proposti?

11. L-organizzaturi potenzjali kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li l-idea tagħhom taqa' taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni?

12. Il-Kummissjoni dejjem qalet li hija tixtieq li jkun hemm stadju ta' reġistrazzjoni u stadju ta' test tal-ammissibbiltà aktar tard fil-proċedura. Din l-idea għaliex ma baqgħetx tiġi kkunsidrata?

13. X'jaħsbu l-firmatarji dwar il-fatt li inizjattiva għandha tiġi minn kwart tal-Istati Membri? Għaliex mhux Stat Membru wieħed biss?

14. Għaliex qiegħed jintuża multiplu tal-għadd ta' Membri fil-Parlament Ewropew bħala l-limitu għall-għadd minimu ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal kull Stat Membru?

15. Xi jsir mid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ li jinġabru fl-Istati Membri fejn ma jintlaħaqx il-limitu minimu?

16. X'għandha tkun l-età taċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jieħdu sehem f'inizjattiva?

17. Iċ-ċittadini li jissieħbu f'inizjattiva għandhom ikunu rreġistrati għall-vot?

18. Jekk persuna tkun ċittadin ta' Stat Membru wieħed iżda tgħix fi Stat Membru ieħor, id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħha f'liema pajjiż tiġi kkunsidrata?

19. Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirresjedu barra mill-UE ser ikunu jistgħu jipparteċipaw f'inizjattiva? Liema Stat Membru ser jikkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ tagħhom?

20. Ser ikun possibbli li persuna tirreġistra għal IĊE onlajn?

21. Iċ-ċittadini kif jistgħu jiżguraw ruħhom li meta jirreġistraw għal inizjattiva onlajn ikunu jistgħu jagħmlu dan b'mod sikur?

22. Iċ-ċittadini li jagħtu l-appoġġ tagħhom għal inizjattiva kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li d-dejta personali tagħhom ma tintużax għal kwalunkwe skop ieħor?

23. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kif ser jiġu vverifikati?

24. Il-Kummissjoni kif biħsiebha twieġeb għall-inizjattivi li jirnexxu?

25. X'jiġri jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni dwar inizjattiva taċ-ċittadini? In-nies xi dritt għal rimedju għandhom?

26. Ser ikun possibbli li tiġi ppreżentata inizjattiva li tmur kontra inizjattiva oħra li tkun tinsab għaddejja? Ser ikun possibbli li inizjattiva partikolari titressaq għal diversi drabi?

27. X'inhi r-raġuni għaliex l-Istati Membri ser idumu sena biex jimplimentaw l-IĊE?

28. Ftehim bħal dan ma jittrasformax l-IĊE f'għodda burokratika wisq?

I. Mistoqsijiet u Tweġibiet Ġenerali dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

1. Xi jgħid it-Trattat ta' Lisbona dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej?

It-Trattat ta' Lisbona jintroduċi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Jipprovdi li "Ċittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati." (l-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea)

Jipprovdi wkoll li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali inizjattiva taċ-ċittadini, inkluż l-għadd minimu ta' Stati Membri b'ċittadini li jipparteċipaw fl-inizjattiva, għandhom jiġu stabbiliti f'Regolament li għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni Ewropea (l-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha fit-31 ta' Marzu 2010. Issa l-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim finali dwar ir-Regolament.

2. Bħalissa huwa diġà possibbli li titressaq inizjattiva taċ-ċittadini? Meta ser ikun possibbli li jinbdew l-ewwel inizjattivi taċ-ċittadini?

Ir-regoli tal-inizjattiva taċ-ċittadini ġew miftiehma, iżda skont ir-Regolament, l-ewwel inizjattiva taċ-ċittadini ser tkun tista' tinbeda biss wara sena mid-dħul fis-seħħ tiegħu. L-Istati Membri għandhom bżonn iż-żmien biex jadattaw il-liġi nazzjonali tagħhom qabel ma jibdew l-ewwel inizjattivi.

3. X'jiġri f'każ bħal dak tal-petizzjoni tal-Greenpeace ta' ftit ta' żmien ilu? Dik tkun tista' terġa' titressaq ladarba jibda japplika r-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini?

Petizzjonijiet bħal dik li ressqu l-Greenpease dan l-aħħar ma jistgħux jitqiesu bħala inizjattiva taċ-ċittadini. Billi t-Trattat jispeċifika li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom jiġu deċiżi mir-Regolament adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, l-inizjattivi li jinbdew qabel ma r-Regolament jiġi adottat u jkun applikabbli ma jistgħux jitqiesu bħala "inizjattivi taċ-ċittadini" kif previst mit-Trattat għaliex ir-regoli u l-proċeduri għadhom mhumiex fis-seħħ. Il-firem li jinġabru qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ma jistgħux jintużaw wara; ir-Regolament jipprvedi li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jistgħu jinġabru biss wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta mal-Kummissjoni, li ser ikun possibbli biss ladarba r-Regolament jibda japplika. Sadanittant, il-Kummissjoni ser teżamina bir-reqqa l-fehmiet murija fil-petizzjoni tal-Greenpeace.

4. X'inhu l-valur miżjud tal-IĊE?

Skont it-Trattat ta' Lidbona, il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jibqa' msejjes fuq "demokrazija rappreżentattiva" u, fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini Ewropej ser jibqgħu jiġu rrapreżentati direttament fil-Parlament Ewropew. It-Trattat ta' Lisbona jfakkar dawn il-prinċipji fundamentali kif inhu xieraq.

Madanakollu, b'rabta mal-IĊE, it-Trattat il-ġdid qiegħed iwessa' l-isfera tad-dibattitu pubbliku, u jippermetti li ċ-ċittadini jipparteċipaw b'mod aktar intensiv fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' din l-għodda ta' "demokrazija parteċipatorja".

Filwaqt li l-Kummissjoni żżomm id-dritt ta' inizjattiva, u għaldaqstant mhijiex ser tkun marbuta li tressaq proposta abbażi ta' inizjattiva taċ-ċittadini, hija timpenja ruħha li teżamina l-inizjattivi kollha li jaqgħu fil-qafas tas-setgħat tagħha sabiex tikkunsidra jkunx xieraq li titressaq proposta għal politika ġdida.

Għaldaqstant il-Kummissjoni temmen li din l-għodda ġdida ser tagħti kontribuzzjoni pożittiva ferm mhux biss għad-demokrazija Ewropea iżda wkoll għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE.

5. X'inhi d-differenza bejn EĊI u petizzjoni?

Id-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li diġà kien jeżisti taħt Trattati preċedenti, huwa sostanzjalment differenti mill-inizjattiva taċ-ċittadini introdotta għall-ewwel darba mit-Trattat ta' Lisbona. Il-petizzjonijiet jistgħu jitressqu miċ-ċittadini tal-Unjoni u kif ukoll minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirresjedu jew b'uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, kemm fuq bażi individwali jew flimkien ma' ċittadini jew persuni oħrajn u għandhom jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' attività tal-Unjoni li jolqtuhom direttament (eż. ilment). Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li dawn ikunu jikkonċernaw proposti ta' politiki ġodda. Il-petizzjonijiet għandhom ikunu indirizzati lill-Parlament Ewropew fir-rwol tiegħu ta' rappreżentant dirett taċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni.

L-inizjattiva taċ-ċittadini, fuq in-naħa l-oħra, tippermetti li mill-anqas miljun ċittadin jagħmlu sejħa diretta biex il-Kummissjoni tressaq inizjattivi ġodda ta' politika.

6. Jeżistu xi skemi ta' inizjattivi taċ-ċittadini fl-Istati Membri?

L-inizjattivi taċ-ċittadini diġà jeżistu fil-maġġoranza tal-Istati Membri, kemm fil-livell nazzjonali, reġjonali jew dak lokali. L-Istati Membri li ġejjin għandhom inizjattivi taċ-ċittadini fil-livell nazzjonali: l-Awstrija, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi. L-Awstrija, l-Ġermanja, Spanja, l-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi jippermettu inizjattivi taċ-ċittadini fuq bażi reġjonali. Il-Belġju, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, is-Slovenja, Spanja u l-Isvezja jippermettu inizjattivi taċ-ċittadini fuq bażi lokali. L-inizjattivi taċ-ċittadini jinsabu wkoll barra mill-UE (l-Isvizzera, l-Istati Uniti tal-Amerika...). Dawn l-inizjattivi jvarjaw b'mod konsiderevoli fir-rigward tal-ambitu tagħhom u ġeneralment joperaw skont proċeduri differenti.

7. Tista' titressaq IĊE dwar is-sede tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu?

Le, proposta fuq dan ir-rigward ma taqax taħt il-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni. Ir-Regolament jispeċifika li l-proposti għal inizjattivi taċ-ċittadini li b'mod ċar ikunu jaqgħu lil hinn mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati mhumiex ser jiġu rreġistrati. Deċiżjoni dwar is-sede tal-istituzzjonijiet għandha tkun deċiża bi ftehim komuni tal-gvernijiet tal-Istati Membri.

8. Iċ-ċittadini ser ikunu jistgħu jniedu reviżjoni tat-Trattati permezz ta' IĊE?

Le. Skont it-Trattat u kif ukoll kif inhu ddikjarat fir-Regolament, l-inizjattivi taċ-ċittadini jistgħu jikkonċernaw biss proposti dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li tkun meħtieġa azzjoni legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

9. IĊE tista' tinkludi wkoll il-firem ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu fl-UE?

Le. Skont it-Trattat, il-firem ta' ċittadini ta' pajjiżi ma jgħoddux għal IĊE. Fil-fatt, it-Trattat jiddikijara biċ-ċar li huma biss iċ-ċittadini tal-Istati Membri li jistgħu jipparteċipaw f'inizjattiva.

II. Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-Regolament: kif se tiffunzjona l-IĊE?

1. Min jista' jorganizza inizjattiva?

L-inizjattivi taċ-ċittadini għandhom jiġu organizzati minn kumitati taċ-ċittadini magħmula minn tal-anqas 7 ċittadini li jirresjedu f'tal-anqas 7 Stati Membri differenti. Il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni b l-età li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej (18-il sena fl-Istati Membri kollha għajr fl-Awstrija, 16-il sena fil-każ tal-Awstrija). Huma ser ikollhom jaħtru rappreżentant wieħed, u sostitut tiegħu, li jkollhom il-mandat li jitkellmu u jaġixxu f'isem il-kumitat taċ-ċittadini matul il-proċedura. Il-membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux jingħaddu għall-finijiet li jintlaħaq l-għadd minimu meħtieġ biex jiġi ffurmat kumitat taċ-ċittadini.

2. L-inizjattivi taċ-ċittadini jistgħu jiġu organizzati minn organizzazzjonijiet?

L-inizjattivi taċ-ċittadini ma jistgħux jiġu organizzati minn organizzazzjonijiet. Madanakollu, kwalunkwe entità tista' tippromwovi jew tappoġġja proposti għal inizjattivi sakemm tagħmel dan bi trasparenza sħiħa.

3. Sejrin ikun hemm dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-finanzjament?

Fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika, matul il-proċedura l-organizzaturi ta' inizjattivi ser ikunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni aġġornata fuq bażi regolari fir-rigward tal-organizzazzjonijiet li jappoġġjaw inizjattiva u dwar il-finanzjament ta' tali inizjattivi. Dan huwa fl-interess taċ-ċittadini li jkunu qegħdin jikkunsidraw li jiffirmaw għal inizjattiva. dan ikun konformi wkoll mal-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza tal-Kummissjoni.

4. L-organizzaturi ta' IĊE ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn xi sura ta' finanzjament tal-UE?

Mhu previst l-ebda finanzjament tal-UE għal dan l-iskop.

5. Iċ-ċittadini kif ser ikunu jistgħu jafu bl-inizjattivi li jkunu għaddejjin?

L-inizjattivi kollha li jkunu għaddejjin ser jiġu rreġistrati u jkunu disponibbli għall-pubbliku minn fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Dan ser jippermetti segwitu dwar inizjattivi li jkunu għaddejjin u jipprovdi għodda għall-komunikazzjoni u t-trasparenza.

6. Il-Kummissjoni kif ser tivverifika li l-gruppi li jibdew inizjattivi jkunu gruppi serji?

Ir-Regolament jipprevedi li l-inizjattivi proposti li jkunu biċ-ċar li mhumiex serji (eż. dawk li jkunu frivoli, abużivi jew vessatorji) ma jiġux irreġistrati. Madanakollu, billi l-organizzatur ta' inizjattiva taċ-ċittadini għandu jkun kumitat taċ-ċittadini, l-għadd ta' proposti għal inizjattivi mhux serji għandu jkun limitat.

7. Hemm xi modi kif il-Kummissjoni tkun tista' twaqqaf lil estremisti milli jużaw din l-għodda bħala pjattaforma għall-fehmiet tagħhom?

Ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' proposti għal inizjattivi taċ-ċittadini li manifestament imorru kontra l-valuri tal-Unjoni biex b'hekk jiġi evitat li jiġu rreklamanti fehmiet estremisti fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

8. X'sejrin ikunu r-rekwiżiti biex tiġi rreġistrata inizjattiva li tiġi proposta?

L-organizzaturi ta' inizjattiva ser ikollhom jitolbu lill-Kummissjoni biex tirreġistralhom il-proposta tagħhom. Huma ser ikollhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja f'waħda mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni fuq reġistru onljan li ser jiġi pprovdut mill-Kummissjoni:

  • it-titolu tal-inizjattiva taċ-ċittadini li tiġi proposta;

  • is-suġġett tal-inizjattiva;

  • id-deskrizzjoni tal-għanijiet tal-proposta li dwarha l-Kummissjoni tintalab tieħu azzjoni;

  • id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li l-organizzaturi jħossu li jkunu rilevanti għall azzjoni proposta;

  • l-isem sħiħ, l-indirizz tal-posta, iċ-ċittadinanza u d-data tat-twelid tas-seba' membri tal-kumitat taċ-ċittadini, b'indikazzjoni speċifika dwar min huwa r-rappreżentant tagħhom u s-sostitut tiegħu, u kif ukoll l-indirizzi elettroniċi tagħhom;

  • l-għejun kollha ta' finanzjament u appoġġ.

L-organizzaturi ser ikollhom ukoll il-possibbiltà li jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata f'anness, inkluż abbożż tat-test leġiżlattiv.

Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tirreġistra l-inizjattiva proposta, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament, partikolarment il-fatt li l-inizjattiva proposta ma tkunx taqa' 'l barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

9. Liema huma l-ilsna li ser ikunu jistgħu jintużaw mill-organizzaturi biex jirreġistraw l-inizjattiva li jkunu qegħdin jipproponu?

L-organizzaturi jistgħu jitolbu li jirreġistraw inizjattiva bi kwalunkwe lsien uffiċjali tal-Unjoni.

10. Il-Kummissjoni ser tittraduċi l-inizjattivi li jiġu proposti?

Le. L-organizzaturi ser ikunu responsabbli mit-traduzzjoni tal-inizjattiva li jipproponu fl-ilsna kollha li jixtiequ. Wara l-konferma tar-reġistrazzjoni f'waħda mill-ilsna uffiċjali, l-organizzaturi ser ikollhom il-possibbiltà li jżidu lsien uffiċjali ieħor mar-reġistru. Qabel ma inizjattiva tittella' fir-reġistru, il-Kummissjoni ser tivverifika li ma jkollha l-ebda inkonsistenza sinifikanti li tidher b'mod ċar mal-verżjoni oriġinali tat-titolu, is-suġġett u l-għanijiet.

11. L-organizzaturi potenzjali kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li l-idea tagħhom taqa' taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni ser tipprovdi informazzjoni dwar il-kompetenzi tagħha fuq il-websajt tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Din l-informazzjoni għandha twassal biex l-organizzaturi potenzjali jsiru jafu jekk ikunx hemm dispożizzjoni partikolari fit-Trattat li tippermetti lill-Kummissjoni taġixxi fil-qasam ikkonċernat.

12. Il-Kummissjoni dejjem qalet li hija tixtieq li jkun hemm stadju ta' reġistrazzjoni u stadju ta' test tal-ammissibbiltà aktar tard fil-proċedura. Din l-idea għaliex ma baqgħetx tiġi kkunsidrata?

Il-Kummissjoni riedet li t-test tal-ammissibbiltà jsir wara li jinġabar għadd sinifikanti ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ biex jiġi żgurat li l-organizzaturi jkunu serji dwar ir-rieda li jiġbru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u li jkunu diġà jgawdu minn appoġġ sostanzjali għall-inizjattiva li jkunu ser jipproponu, biex jiġi evitat ir-riskju ta' abbuż.

Matul id-diskussjonijiet, il-Parlament ippropona l-idea li l-kumitat taċ-ċittadini jwieġeb għall-istess tħassib. Fil-fatt, dan il-kumitat magħmul minn tal-anqas 7 ċittadini minn tal-anqas 7 Stati Membri ser jiżgura li l-inizjattivi jkunu serji u tassew Ewropej mill-bidu nett.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu deċiżjoni formali dwar l-ammissibbiltà kif kien previst fil-proposta tagħha, iżda ser tkun tista' tirreġistra l-inizjattivi proposti biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament, partikolarment il-fatt li jkun jidher biċ-ċar li l-inizjattivi proposti jaqgħu 'il barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni skont it-Trattati li tressaq proposta għall-att legali mitlub.

13. X'jaħsbu l-firmatarji dwar il-fatt li inizjattiva għandha tiġi minn kwart tal-Istati Membri? Għaliex mhux Stat Membru wieħed biss?

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit l-għadd minimu ta' Stati Membri li ċ-ċittadini tiegħu jiffirmaw għal inizjattiva sabiex jiġi żgurat li l-inizjattiva taċ-ċittadini tkun fl-interess tal-Unjoni u għaliex it-Trattat jgħid li ċ-ċittadini għandhom ikunu minn "għadd sinifikanti ta' Stati Membri".

L-għadd li ntlaħaq ftehim dwaru mill-Parlament u l-Kunsill huwa ta' ¼ tal-Istati Membri, li bħalissa jfisser seba' pajjiżi.

14. Għaliex qiegħed jintuża multiplu tal-għadd ta' Membri fil-Parlament Ewropew bħala l-limitu għall-għadd minimu ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal kull Stat Membru?

Fil-Green Paper tagħha l-Kummissjoni ssuġġeriet li l-limitu jiġi stabbiliti għal 0.2% tal-popolazzjoni ta' kull Stat Membru. Madanakollu, ħafna minn dawk li wieġbu għall-Green Paper qiesu li l-limitu ta' 0.2% tal-popolazzjoni kien wieħed għoli wisq biex tassew jinkiseb l-għan li tiġi żgurata r-rappreżentanza ta' interess Ewropew. Oħrajn qiesu li perċentwal bħal dan ma jkunx ekwu, għaliex huwa ferm aktar faċli li, pereżempju, jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ mingħand 1.000 ċittadin (li jirrapreżentaw 0.2% tal-popolazzjoni) fil-Lussemburgu milli 160.000 fil-Ġermanja, u għaldaqstant huwa aktar faċli li tiettiħed kunsiderazzjoni tal-Istat Membri ż-żgħar milli tal-kbar.

Għalhekk l-approċċ li ntgħażel jirrefletti dawn iż-żewġ kwistjonijiet. Ir-Regolament jipprovdi għal limitu fiss għal kull Stat Membru, li huwa digressivament proporzjonali għall-popolazzjoni ta' kull Stat u li jistabbilixxi limitu minimu u kif ukoll limitu li ma jistax jinqabeż.

Sabiex jiġi żgurat li dawn il-limiti jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, dawn ġew imsejsa fuq multiplu tan-numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti għal kull Stat Membru. Il-multiplu magħżul huwa 750 biex, fuq naħa, jirrifletti t-talbiet ta' ħafna partijiet interessati li l-limitu minimu jkun anqas minn 0.2% tal-popolazzjoni u, fuq in-naħa l-oħra, biex jikkunsidra t-tħassib li l-limitu fl-Istati l-Membri ż-żgħar ma jkunx baxx wisq.

Għalhekk din is-sistema ser tippermetti numru proporzjonalment aktar baxx ta' firmatarji għall-pajjiżi l-kbar u numru proporzjonalment akbar għall-pajjiżi ż-żgħar.

L-għadd minimu ta' firmatarji għal kull Stat Membru jinsab imniżżel fl-Anness I tar-Regolament.

15. Xi jsir mid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ li jinġabru fl-Istati Membri fejn ma jintlaħaqx il-limitu minimu?

Dawn id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ ċertament li jinżiedu mal-għadd totali ta' firem iżda l-Istati Membri kkonċernati ma jingħaddux fil-kwart ta' Stati Membri li huma meħtieġa.

16. X'għandha tkun l-età taċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jieħdu sehem f'inizjattiva?

Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkollhom l-età li jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej ser ikunu jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-inizjattiva. Dan ifisser li l-età minima hija ta' 18-il sena fl-Istati Membri kollha għajr fl-Awstrija (16).

17. Iċ-ċittadini li jissieħbu f'inizjattiva għandhom ikunu rreġistrati għall-vot?

Le. L-uniku rekwiżit huwa li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom l-età li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej.

18. Jekk persuna tkun ċittadin ta' Stat Membru wieħed iżda tgħix fi Stat Membru ieħor, id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħha f'liema pajjiż tiġi kkunsidrata?

Dan ser jiddependi fuq id-dejta li jipprovdi l-firmatarju/a u għaldaqstant fuq l-Istat Membru li ser jivverifika d-dikjarazzjoni ta' appoġġ tal-persuna. Jekk il-persuna tipprovdi d-dejta meħtieġa li tikkorrispondi għall-Istat Membru ta' residenza tagħha, hija titqies fl-Istat Membru ta' residenza tagħha. Bl-istess mod, jekk il-persuna tipprovdi d-dejta meħtieġa li tikkorrispondi għall-Istat Membru ta' ċittadinanza tagħha, hija titqies fl-Istat Membru ta' ċittadinanza tagħha. Pereżempju, ċittadin Awstrijak li jgħix fl-Estonja jista' jew jimla l-formola li tiġi vverifikata fl-Estonja u għaldaqstant jitqies fl-Estonja, billi jipprovdi ismu, kunjomu, l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid u ċ-ċittadinanza, jew jimla l-formola li tiġi vverifikata u titqies mill-Awstrija, u minbarra d-dejta li ssemmiet qabel jintalab ukoll numru ta' identifikazzjoni personali fil-lista aċċettata mill-Awstrija u disponibbli fil-Parti C tal-Anness III tar-Regolament.

Fi kwalunkwe każ, iċ-ċittadini jistgħu jiffirmaw għal inizjattiva darba waħda biss.

19. Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirresjedu barra mill-UE ser ikunu jistgħu jipparteċipaw f'inizjattiva? Liema Stat Membru ser jikkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ tagħhom?

Il-possibbiltà li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirresjedu barra mill-UE li jiffirmaw għal inizjattiva ser jiddependi fuq l-Istat Membru li huma jkunu ċittadini tiegħu. Fil-fatt, xi Stati Membri ma humiex f'pożizzjoni li jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ taċ-ċittadini tagħhom li jgħixu barra mill-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni offriet il-possibbiltà li tirreġistra ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jirresjedu barra mill-UE. Minħabba r-rekwiżiti ġodda li ntlabu mill-Istat Membri, hemm il-possibbiltà li xi ċittadini ma jkunux jistgħu jirreġistraw. Dawk li ser ikollhom il-possibbiltà, ser jitqiesu fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom.

20. Ser ikun possibbli li persuna tirreġistra għal IĊE onlajn?

Iċ-ċittadini ser ikollhom il-possibbiltà li jirreġistraw onlajn. L-organizzaturi ser ikollhom joħolqu sistema ta' ġbir ta' firem onlajn li tkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi u ta' sigurtà stabbiliti fir-Regolament. Il-Kummissjoni ser tiżviluppa standards tekniċi u open source software biex tgħin lill-organizzżturi jibnu s-sistema tagħhom.

21. Iċ-ċittadini kif jistgħu jiżguraw ruħhom li meta jirreġistraw għal inizjattiva onlajn ikunu jistgħu jagħmlu dan b'mod sikur?

F'kull każ (inkluż meta l-organizzaturi jużaw open souce software stabbilit mill-Kummissjoni), qabel ma jibdew jiġbru l-firem onlajn l-organizzaturi ser ikollhom jitolbu għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistema ta' ġbir ta' firem onlajn tagħhom lill-awtorità nazzjonali kompetenti fejn tkun ser tinżamm id-dejta. L-awtoritajiet nazzjonali ser jivverifikaw li l-aspetti tekniċi u tas-sigurtà tas-sistema ta' ġbir ta' firem tagħhom tkun konformi mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-Regolament. Dan ser jiżgura li l-proċess ta' reġistrazzjoni jkun wieħed sikur.

22. Iċ-ċittadini li jagħtu l-appoġġ tagħhom għal inizjattiva kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li d-dejta personali tagħhom ma tintużax għal kwalunkwe skop ieħor?

Ir-Regolament jiżgura li l-protezzjoni tad-dejta tkun aċċertata bis-sħiħ, fl-organizzazzjoni u s-segwitu ta' inizjattiva taċ-ċittadini, mill-atturi rilevanti kollha - l-organizzatur, l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta' dejta personali li tnsab fis-seħħ ser tapplika għall-ipproċessar ta' dejta personali li jsir għal inizjattiva taċ-ċittadini. L-organizzaturi ta' inizjattiva taċ-ċittadini, fir-rwol tagħhom ta' kontrolluri tad-dejta, ser ikunu responsabbli minn kwalunkwe dannu li jikkawżaw f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u suġġetti għal sanzjonijiet xierqa għal kwalunkwe ksur tar-Regolament.

23. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kif ser jiġu vverifikati?

Fid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ tagħhom, iċ-ċittadini ser ikollhom jimlew l-informazzjoni li tintalab skont l-Istat Membru tagħhom (l-Istat Membru ta' residenza jew l-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu), li tista' tinkludi isimhom, kunjomhom, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza u, għal xi Stati Membri, in-numru tal-identifikazzjoni personali taħhom.

Parti minn din l-informazzjoni (eż. l-indirizz sħiħ, il-post u d-data tat-twelid) mhijiex ser tintalab minn xi Stati Membri. Id-dettalji tad-deta meħtieġa issa huma disponibbli f'żewġ mudelli għall-formola tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ li jinsabu fl-Anness III (Parti A u B) tar-Regolament. Fil-każ tal-Istati Membri li jitolbu n-numru tal-identifikazzjoni personali, il-lista ta' dokumenti/numri aċċettati minn kull wieħed minnhom hija disponibbli fil-Parti C tal-Anness III.

L-organizzaturi ser ikollhom jiġbru dawk il-firem ta' firmatarji vveritifikati mill-istess Stat Membru fuq l-istess formola. Imbagħad huma jkollhom jibagħtu dawn id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ lill-awtorità nazzjonali tal-Istat Membru. Fi stadju sussegwenti l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-verifiki xierqa sabiex jiċċertifikaw l-għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ validi li jkunu ġabru.

24. Il-Kummissjoni kif biħsiebha twieġeb għall-inizjattivi li jirnexxu?

Il-ftehim jipprovdi li l-Kummissjoni ser ikollha skadenza ta' tliet xhur biex teżamina l-inizjattiva taċ-ċittadini li tkun ġabret l-għadd meħtieġ ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kif inhu previst fir-Regolament li jkunu ntagħtulha. Qabel tistabbilixxi l-konklużjonijiet tagħha f'komunikazzjoni, il-Kummissjoni ser tirċievi lill-organizzaturi f'livell xieraq biex b'hekk huma jkunu jistgħu jfiehmu l-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva tagħhom fid-dettall. Barra minn hekk, jiġi organizzat smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew.

25. X'jiġri jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni dwar inizjattiva taċ-ċittadini? In-nies xi dritt għal rimedju għandhom?

L-inizjattiva taċ-ċittadini hija inizjattiva li tistabbilixxi aġenda u għaldaqstant ma tolqotx id-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni. Madanakollu, din tobbliga lill-Kummissjoni biex, bħala kulleġġ, tikkunsidra t-talbiet li jsiru permezz tal-inizjattivi taċ-ċittadini b'mod serju. Jekk tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni fuq inizjattiva taċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha tispjega r-raġunijiet tagħha b'mod ċar. L-analiżi politika tal-Kummissjoni dwar is-sustanza tal-inizjattiva ma tistax tkun suġġetta għal proċedura ta' appell.

Mhux talli hekk, id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-inizjattivi proposti li tkun ibbażata fuq bażijiet legali ma tistax tiġi kkontestata. Fil-każ li reġistrazzjoni partikolari tiġi rrifjutata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi dwar ir-raġunijiet u dwar ir-rimedji ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji kollha possibbli li jkunu disponibbli għalihom.

26. Ser ikun possibbli li tiġi ppreżentata inizjattiva li tmur kontra inizjattiva oħra li tkun tinsab għaddejja? Ser ikun possibbli li inizjattiva partikolari titressaq għal diversi drabi?

Ir-Regolament ma jimponi l-ebda regoli fir-rigward tal-preżentazzjoni suċċessiva tal-istess inizjattivi taċ-ċittadini, jew ta' inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu simili għal xulxin. Bl-istess mod, ir-Regolament jippermetti li jitnedew inizjattivi li jmorru kontra xulxin.

27. X'inhi r-raġuni għaliex l-Istati Membri ser idumu sena biex jimplimentaw l-IĊE?

Jeħtieġ li bosta mill-Istati Membri jadattaw il-liġi nazzjonali tagħhom biex ikunu jistgħu jwettqu l-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u/jew biex jiżguraw li l-organizzaturi jkunu suġġetti għal sanzjonijiet xierqa f'każ li jinkisru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

28. Ftehim bħal dan ma jittrasformax l-IĊE f'għodda burokratika wisq?

L-inizjattiva taċ-ċittadini mhijiex ser tkun suġġetta għal regoli burokratiċi bla bżonn. Ir-regoli li ġew miftiehma jiksbu l-aħjar bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi żgurat li dan ikun strument kredibbli u l-ħtieġa li jinżamm faċli biex jintuża miċ-ċittadini.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni biħsiebha tħejji abbozz ta' gwida komprensiva u faċli biex tintuża bil-għan li tiffaċilita l-komprensjoni tal-istadji differenti tal-proċedura u ser tipprovdi assistenza lill-organizzaturi kull fejn ikun hemm bżonn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website