Navigation path

Left navigation

Additional tools

Dikjarazzjonijiet mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso u Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima dwar il-Ftehim ta’ Kankun dwar it-tibdil fil-klima

European Commission - MEMO/10/673   11/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/10/673

Kankun, il-11 ta’ Diċembru 2010

Dikjarazzjonijiet mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso u Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima dwar il-Ftehim ta’ Kankun dwar it-tibdil fil-klima

Il-President Barroso qal: "Il-Ftehim ta’ Kankun dwar it-tibdil fil-klima li seħħ illum jirrappreżenta pass importanti lejn qafas komprensiv u legalment vinkolanti għal azzjoni globali dwar il-klima. Aħna nifirħu lill-presidenza Messikana għall-konferenza dwar il-klima f'Kankun għal dan is-suċċess.

L-Ewropa ħadmet matul is-sena biex issalva l-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti lejn ħidma dwar it-tibdil fil-klima u l-prospett ta' ftehim globali dwar il-klima. Il-Ftehim ta’ Kankun juri li l-proċess multilaterali jista’ jħalli l-frott.

L-UE stabbilixxiet miri ambizzjużi għaliha nnifisha dwar il-klima u l-enerġija għall-2020 iżda issa qed inħarsu lejn azzjoni fit-tul. Fir-rebbiegħa li jmiss il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta strateġija lejn it-tlestija tat-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell tal-karbonju baxx sal-2050. Dan se jistimula tkabbir ekonomiku, ħolqien tal-impjiegi u innovazzjoni ġodda filwaqt li se jsaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE."

Il-Kummissarju Hedegaard żiedet: "Il-Komunità internazzjonali ħadet l-ewwel passi lejn ftehim globali dwar il-klima sena ilu ġewwa Kopenħagen. Illum, bil-Ftehim ta’ Kankun, ħadna l-passi li jmiss. Saħħaħna r-reġim internazzjonali dwar il-klima b'istituzzjonijiet ġodda u fondi ġodda. L-Ewropa rnexxhiela titkellem b’vuċi waħda.

Madankollu, in-negozjati diffiċli ta’ Kankun urew li għandna vjaġġ twil u mimli sfidi quddiemna biex nilħqu ftehim globali dwar il-klima li huwa legalment vinkolanti. Il-partijiet kollha issa għandhom jieħdu azzjoni domestika biex inaqqsu jew jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom biex iżommu t-tisħin globali taħt iż-2°C. L-Ewropa hija lesta tagħmel is-sehem ġust tagħha lejn dan l-isforz globali.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website