Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tibdil fil-klima: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Konferenza tan-NU dwar il-klima li saret f’Kankun

European Commission - MEMO/10/627   29/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/10/627

Brussell, id-29 ta’ Novembru 2010

It-tibdil fil-klima: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Konferenza tan-NU dwar il-klima li saret f’Kankun

1. Għaliex konferenza oħra dwar it-tibdil fil-klima?

Il-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC)1 u l-Protokoll ta’ Kjoto2 jiltaqgħu darba fis-sena f’livell għoli biex jiddiskutu kif imexxu l-quddiem il-ħidma internazzjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Messiku qiegħed jospita l-konferenza ta’ din is-sena f’Kankun mid-29 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru. Din sejra tkun is-16-il 'Konferenza tal-Partijiet' (COP 16) tal-UNFCCC u s-sitt 'Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala 'Laqgħa tal-Partijiet' (CMP 6) tal-Protokoll ta’ Kjoto.

Il-konferenza tal-2007 f’Bali nediet in-negozjati biex titfassal sistema globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għaż-żmien li jiġi wara l-2012, meta jintemm l-ewwel perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto. Dawn in-negozjati kienu intenzjonati li jintemmu fil-konferenza ta' Kopenħagen f'Diċembru 2009, iżda rriżulta li dan ma kienx possibbli. Madankollu, il-konferenza ta’ Kopenħagen ipproduċiet il-Ftehim ta’ Kopenħagen, li ġie approvat minn 140 pajjiż, inkluża l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

Għaldaqstant, in-negozjati dwar sistema għat-tibdil fil-klima għal wara l-2012 se jkomplu f’Kankun. Hija meħtieġa azzjoni globali bikrija biex id-dinja jkollha ċans iżżomm it-tisħin globali f'livell ta' inqas minn 2°C 'il fuq mit-temperatura preindustrijali, kif il-Ftehim ta’ Kopenħagen irrikonoxxa li huwa meħtieġ.

2. X’tista’ tikseb il-konferenza ta’ Kankun? Sejra tipproduċi l-ftehim dwar il-klima globali li ma rnexxilux jintlaħaq f'Kopenħagen?

F’Kopenħagen, l-UE kienet lesta taqbel fuq qafas ambizzjuż, komprensiv u legalment vinkolanti dwar it-tibdil fil-klima globali, u għadha lesta tagħmel dan f’Kankun. Madankollu, huwa ċar li għadd ta’ ekonomiji maġġuri oħra mhumiex lesti jagħmlu dan.

Għaldaqstant, għall-UE huwa importanti li Kankun isir pass intermedju sinifikanti li permezz tiegħu jittieħdu deċiżjonijiet fuq għadd ta’ kwistjoniiet sostanzjali li jwasslu għal azzjoni immedjata u li jqarreb lid-dinja lejn l-istabbiliment ta’ qafas globali u komprensiv legalment vinkolanti malajr kemm jista’ jkun. Il-pakkett ta’ deċiżjonijiet għandu jibni fuq il-Protokoll ta’ Kjoto u għandu jinkorpora l-gwida politika mogħtija mill-Ftehim ta’ Kopenħagen. Dan għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-progress miksub sa issa fin-negozjati u jistabbilixxi xi elementi maġġuri tal-‘arkitettura’ tas-sistema tal-klima globali tal-ġejjieni.

3. ‘Ibbilanċjat’ xi tfisser hawnhekk?

In-negozjati fuq sistema globali għal wara l-2012 qed iseħħu fuq żewġ ‘binarji’ paralleli. Wieħed jikkonċerna azzjoni fuq medda twila ta’ żmien mill-Partijiet UNFCCC kollha, inkluż l-Istati Uniti, waqt li l-ieħor qiegħed jiddiskuti l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet u regoli relatati mal-pajjiżi żviluppati li huma Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto.

Għall-UE, pakkett ibbilanċjat ta’ deċiżjonijiet huwa dak li jieħu inkonsiderazzjoni il-progress magħmul rigward diversi kwistjonijiet fi ħdan, u mifrux fuq, iż-żewġ binarji u li jindirizza t-tħassib tal-Partijiet kollha.

Approċċ ibbilanċjat ifisser ukoll li jiġu ddefiniti liema azzjonijiet sejrin jitwettqu mill-pajjiżi kollha, speċjalment fir-rigward tal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet, u kif se jkun ipprovdut appoġġ għal tali azzjonijiet.

4. Liema kwistjonijiet għandu jkopri l-pakkett ta’ deċiżjonijiet ta’ Kankun?

L-ambitu tal-pakkett ta’ Kankun għad irid isir qbil fuqu. Għall-UE, id-deċiżjonijiet għandhom jindirizzaw għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi u għandhom jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ sistema għat-tibdil fil-klima għal wara l-2012. Xi deċiżjonijiet għandhom iwasslu għal azzjoni immedjata fuq il-post biex ikun miġġieled it-tibdil fil-klima, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Il-kwistjonijiet li l-UE trid li jkunu indirizzati bħala parti mill-pakkett ibbilanċjat ta’ Kankun jinkludu dawn li ġejjin:

  • L-inklużjoni tal-wegħdiet dwar l-emissjonijiet magħmula taħt il-Ftehim ta’ Kopenħagen fil-proċess tan-NU

  • Ir-regoli tat-trasparenza (il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika – MRV)

  • Riforma u espansjoni tal-mekkaniżmi tas-suq tal-karbonju

  • Id-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

  • Ir-regoli tal-kontabilità għall-ġestjoni tal-foresti għall-pajjiżi żviluppati

  • L-addattament għat-tibdil fil-klima

  • Il-governanza tal-Fond Aħdar ta’ Kopenħagen għall-Klima tal-ġejjieni

  • Koperazzjoni fit-teknoloġija

  • Bini tal-kapaċità għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

  • L-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar

L-informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet hija mogħtija fil-punti 9 sa 18 ta’ hawn taħt.

5. L-UE hija favur l-istabbiliment tat-tieni perjodu ta’ impenn taħt il-protokoll ta’ Kjoto?

L-UE tippreferi li s-sistema għat-tibdil fil-klima għal wara l-2012 tieħu x-xejra ta’ strument waħdieni, ġdid, legalment vinkolanti li jinkludi l-elementi essenzjali tal-Protokoll ta’ Kjoto. Madankollu, l-UE lesta taċċetta riżultat ibbażat fuq strumenti legali separati għal kull wieħed miż-żewġ ‘binarji’ tan-negozjati sakemm l-istrumenti jkun fihom regoli konsistenti, komparabbli u legalment vinkolanti. L-UE lesta tqis it-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto bil-kundizzjoni li dan ikun jifforma parti minn dan ir-riżultat fuq ‘żewġ binarji’ li jinvolvi l-ekonomiji maġġuri kollha, u sakemm id-dgħufijiet fil-Protokoll li jimminaw l-integrità ambjentali tiegħu jkunu indirizzati b’mod sodisfaċenti.

6. X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-UE għal ftehim rigward it-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto?

It-tieni perjodu ta’ impenn ta’ Kjoto għandu jkun parti minn qafas komprensiv u globali li jimpenja lill-ekonomiji maġġuri kollha fit-teħid ta’ azzjoni sabiex ikun miġġieled it-tibdil fil-klima. Il-Protokoll ta’ Kjoto waħdu mhuwiex sejjer jevita l-bidla perikoluża fil-klima minħabba li jkopri biss 30% tal-emissjonijiet globali, u dan is-sehem sejjer jonqos fil-ġejjieni.

Id-dgħufijiet attwali fil-Protokoll ta’ Kjoto li jimminaw l-integrità ambjentali tiegħu għandhom jiġu indirizzati. Iż-żewġ problemi ewlenin huma l-possibilità għall-Partijiet li jittrasferixxu l-ammonti żejda tal-baġits tal-emissjonijiet - magħrufa bħala l-Unitajiet tal-Ammont Assenjat (AAUs - Assigned Amount Units) – mill-ewwel perjodu ta’ impenn (ara l-punt 19 ta’ hawn taħt), u r-regoli tal-kontabilità għall-emissjonijiet mill-ġestjoni tal-foresti (ara l-punt 13 ta’ hawn taħt). Jekk ma jiġux indirizzati, dawn id-dgħufijiet sejrin inaqqsu għal virwtalment żero, l-impatt tal-wegħdiet ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet attwali tal-pajjiżi żviluppati jew saħansitra jwasslu għal żieda żgħira fl-emissjonijiet.

Għandu jsir progress fir-riforma tal-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif u l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ġodda għas-suq tal-karbonju (ara l-punt 11 ta’ hawn taħt).

7. X’qed tagħmel l-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha stess?

L-UE tirrikonoxxi li l-pajjiżi żviluppati għandhom responsabilità li jkunu fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Hija impenjata li ssir ekonomija effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u li tipproduċi livell baxx tal-gassijiet serra. Hija qiegħda taħdem b’suċċess biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha stess, li jirrappreżentaw madwar 11% tal-emissjonijiet globali (inklużi l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni).

Grazzi parzjalment għall-politiki u l-miżuri implimentati fl-UE u fil-livell nazzjonali matul l-aħħar għaxar snin, l-UE u s-27 Stat Membru tagħha huma fit-triq it-tajba biex jikkonformaw ma’, jew saħansitra jaqbżu, l-impenji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom taħt il-Protokoll ta’ Kjoto.

Il-15-il pajjiż tal-UE li kienu Stati Membri fi żmien meta sar qbil fuq il-Protokoll ta’ Kjoto huma impenjati li jnaqqsu l-emissjonijiet kollettivi tagħhom matul il-perjodu 2008-2012 sa 8% taħt il-livell tas-sena bażi magħżula (l-1990 fil-maġġoranza tal-każijiet). Sal-2009 l-emissjonijiet kienu kważi 13% inqas u t-tbassir tal-emissjonijiet tal-ġejjieni jindika li t-tnaqqis miksub jista’ eventwalment ikun saħansitra ta' 14.2%. L-10 Stati Membri l-oħra tal-UE li għandhom miri individwali tal-Protokoll ta’ Kjoto ta’ tnaqqis ta’ 6 jew 8% jinsabu wkoll fit-triq it-tajba biex jilħqu dawn il-miri.

Għall-2020, l-UE ħadet impenn unilaterali li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha għal 20% taħt il-livelli tal-1990 u stabbilixxiet ukoll għaliha stess il-mira li tikseb 20% tal-enerġija tagħha minn sorsi li jiġġeddu. Hija l-uniku reġjun tad-dinja li daħħal fis-seħħ leġiżlazzjoni vinkolanti biex jiżgura li jintlaħqu l-miri tal-2020 tiegħu. L-UE għamlet ukoll offerta kundizzjonali biex tkabbar l-iskala tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha sal-2020 sa 30% taħt il-livelli tal-1990 bħala parti minn ftehim globali u komprensiv dwar il-klima wara l-2012 u dejjem jekk l-ekonomiji maġġuri l-oħra jimpenjaw ruħhom li jagħmlu s-sehem ġust tagħhom. L-UE sejra tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni wara l-konferenza ta’ Kankun, inklużi l-għażliet biex tmur lil hinn mit-tnaqqis ta’ 20% sal-2020.

L-evidenza xjentifika turi li biex ikun evitat tisħin globali ta’ aktar minn 2°C, sal-2050 l-emissjonijiet globali iridu jitnaqqsu b’mill-inqas in-nofs il-livelli tagħhom tal-1990. F’dan il-kuntest, u f’konformità mar-responsabilità tal-pajjiżi żviluppati li jkunu fuq quddiem, l-UE stabbilit għaliha nnifisha l-objettiv li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha bi 80-95% taħt il-livelli tal-1990 sal-2050. Qed jitħejja pjan direzzjonali li jistabbilixxi l-istrateġija biex jinkiseb dan il-għan u biex titlesta t-tranżizzjoni għal soċjeta li temetti livell baxx ta’ karbonju u dan sejjer jiġi ppreżentat kmieni fl-2011.

8. L-UE kemm qed tipprovdi appoġġ finanzjarju biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġġieldu t-tibdil fil-klima?

L-UE hija l-akbar donatur fid-dinja ta’ għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u tagħti kważi 60% tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) kull sena, jew madwar US$ 60 biljun . Fl-2008, l-UE kopriet aktar minn 60% tal-ODA kollha relatata mat-tibdil fil-klima.

Barra mill-għajnuna għall-iżvilupp tradizzjonali tagħha, l-UE hija impenjata li tipprovdi EUR 7.2 biljun f’''finanzjament rapidu’ matul it-tliet snin mill-2010 sal-2012 biex tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jaddattaw irwieħhom għat-tibdil fil-klima u jimmitigaw l-emissjonijiet tagħhom. Dan l-impenn jirrappreżenta kważi terz taċ-ċifra totali ta’ kważi US$ 30 biljun f’''finanzjament rapidu' imwiegħed mid-dinja żviluppata skont il-Ftehim ta’ Kopenħagen għall-2010-2012.

Fl-2010, l-UE immobilizzat EUR 2.2 biljun mis-EUR 7.2 biljun ta’ 'finanzjament rapidu' li sejra tipprovdi sal-aħħar tal-2012. Fil-konferenza ta’ Kankun u kull sena fis-snin li ġejjin, hija sejra tissottometti rapport komprensiv u trasparenti dwar l-implimentazzjoni tal-impenn tagħha għal finanzjament rapidu.

Skont il-Ftehim ta’ Kopenħagen, il-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom b’mod konġunt, ukoll, li jimmobizzaw US$ 100 biljun kull sena f’appoġġ ta’ finanzjament pubbliku u privat għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sal-2020. L-UE hija lesta tassumi s-sehem ġust tagħha tal-parti tal-finanzjament pubbliku internazzjonali minn dan it-total.

9. X’deċiżjonijiet trid li jittieħdu l-UE f’Kankun rigward il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra globali?

Skont il-Ftehim ta’ Kopenħagen ħafna pajjiżi żviluppati u li qegħdin jiżviluppaw, inkluża l-UE (ara l-punt 7), wegħdu li jnaqqsu jew li jillimitaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom sal-2020. Dawn il-wegħdiet huma bidu tajjeb iżda kolletivament għadhom ferm lura milli jipprovdu tnaqqis tal-emissjonijiet tad-daqs meħtieġ biex it-tisħin globali jinżamm taħt iż-2°C.

Minħabba n-natura mhux vinkolanti u politika tal-Ftehim ta’ Kopenħagen, l-UE trid li l-Konferenza ta’ Kankun tieħu deċiżjonijiet li “jankraw” dawn il-wegħdiet fil-proċess ta' negozjati tal-UNFCCC. Kankun għandu jagħti bidu wkoll għal diskussjonijiet li jiċċaraw l-inċertezzi madwar uħud mill-wegħdiet, jimmobilizza l-appoġġ għall-implimentazzjoni tagħhom u jqis l-għażliet għat-tisħiħ tal-livell tal-ambizzjoni kollettiva meħtieġ sabiex ma jinqabiżx il-limitu ta’ 2°C.

L-UE trid ukoll li f’Kankun jittieħdu deċiżjonijiet f’diversi oqsma oħra li huma importanti għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet, inklużi:

  • ir-riforma tal-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif u ftehim li jistabbilixxi mekkaniżmi ġodda tas-suq tal-karbonju (ara l-punt 11);

  • l-istabbiliment ta’ bażi operattiva għal mekkaniżmu li jnaqqas l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti tropikali (ara l-punt 12);

  • ir-reviżjoni tar-regoli ta’ kontabilità tal-ġestjoni tal-foresti għall-pajjiżi żviluppati (ara l-punt 13);

  • l-istabbiliment ta’ qafas ta’ politika globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar (ara l-punt 18).

10. X’jeħtieġ li jkun deċiż f’Kankun rigward it-trasparenza tal-azzjonijiet?

L-UE trid tara li f’Kankun isir progress tanġibbli fl-istabbiliment ta’ sistema aktar b’saħħitha ta’ monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni (MRV). Din tipprovdi trasparenza akbar dwar jekk il-pajjiżi humiex jilħqu l-miri tal-wegħdiet dwar l-emissjonijiet tagħhom u jekk il-pajjiżi żviluppati humiex sejrin jissodisfaw l-impenji tagħhom li jipprovdu għajnuna finanzjarja fuq medda twila ta’ żmien lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Din tippermetti wkoll li jkun traċċat il-progress globali lejn il-konformità mal-limitu ta’ 2°C. It-trasparenza akbar li sejra ġġib magħha sistema tal-MRV li tkun aktar b’saħħitha sejra tgħin biex iżżid il-fiduċja bejn il-Partijiet, u bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar b’mod aktar ġenerali.

Il-Ftehim ta’ Kopenħagen jipprovdi gwida utli dwar l-istabbiliment ta’ sistema MRV mtejba iżda din teħtieġ li tkun elaborata aktar. Kankun għandu jieħu deċiżjonijiet li jipprovdu qafas għal sistema ta’ MRV koerenti u bbilanċjata u jgħin biex is-sena d-dieħla jkunu ffinalizzati linji gwida għal sistema bħal din. Waqt li tiżgura approċċ konsistenti, is-sistema trid tqis ir-responsabiltajiet u l-kapaċitajiet differenti tal-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw u għandha tirrispetta n-natura differenti tal-impenji tagħhom.

F’dan il-kuntest, il-pajjiżi kollha jeħtieġ li jtejbu l-għoti tal-informazzjoni tagħhom, fuq il-bażi tas-sistema eżistenti ta’ “komunikazzjonijiet nazzjonali” regolari iżda b’mod iddifferenzjat. L-informazzjoni pprovduta milll-pajjiżi żviluppati hija diġà soġġetta għal proċess ta’ “analiżi” internazzjonali komprensiv; u biex inkomplu ma' dan, u f’konformità mal-Ftehim ta’ Kopenħagen, Kankun jeħtieġ li jħaddem proċess li jħaffef “il-konsultazzjoni u l-analiżi internazzjonali” tal-informazzjoni li sejra tiġi pprovduta mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

B’mod ġenerali, is-sistema MRV għandha tipprovdi qafas komuni għal kontabilità rigoruża, robusta u trasparenti fejn il-pajjiżi kollha jaqsmu l-informazzjoni, jitgħallmu mingħand xulxin u jibnu fiduċja reċiproka.

11. X’għandu jiddeċiedi Kankun rigward il-mekkaniżmi tas-suq tal-karbonju?

Il-mekkaniżmi tas-suq tal-karbonju huma strumenti importanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod li jkun kosteffickaċi, li jimmobilizzaw il-finanzjament mis-settur privat u li jixprunaw l-investiment fit-teknoloġiji b’karbonju baxx.

L-UE trid tara li f’Kankun isir progress rigward ir-riforma tal-Mekkaniżmu tal-Iżvilupp Nadif (CDM) tal-Protokoll ta’ Kjoto biex titjieb l-integrità ambjentali, l-effiċjenza u l-governanza u d-distribuzzjoni reġjonali tal-proġetti CDM fid-dinja li qiegħda tiżviluppa.

Kankun għandu jipprovdi wkoll il-bażi għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġodda u mkabbra tas-suq tal-karbonju għal pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw avvanzati u għar-rikonoxximent tal-krediti tal-emissjonijiet iġġenerati minnhom. Din il-bażi tista’ tinkludi l-promozzjoni ta’ skemi pilota. Il-mekkaniżmi l-ġodda jistgħu jkopru setturi ekonomiċi sħaħ – ‘mekkaniżmi settorjali’ – jew jistgħu jkunu tipi oħra ta’ mekkaniżmi tas-suq li jmorru lil hinn mill-approċċ ta’ proġett proġett tas-CDM li jibbilanċja l-emissjonijiet fil-pajjiżi żviluppati permezz ta’ tfaddil tal-emissjonijiet fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

12. X’għandu jagħmel Kankun rigward il-qerda tal-foresti tropikali?

Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fir-reġjuni tropikali huma responsabbli għal madwar 15-20% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra globali. Hemm kunsens internazzjonali li din is-sitwazzjoni trid tkun indirizzata permezz ta’ programm għat-tnaqqis ta' emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (magħrufin bħala ‘REDD’), waqt li jkunu wkoll promossi l-konservazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u t-titjib tal-ħażniet ta' karbonju tal-foresti ('REDD+').

Il-Ftehim ta’ Kopenħagen appella għall-istabbiliment ta’ 'Mekkaniżmu REDD+' biex tkun tista’ sseħħ il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament mill-pajjiżi żviluppati. Bħala parti minn pakkett ibbilanċjat, l-UE trid tara li f’Kankun tittieħed deċiżjoni biex dan il-mekkaniżmu jsir operattiv. Dan għandu jsir billi jiġu żviluppati b’mod rapidu regoli, linji gwida, objettivi u modalitajiet sodi għal azzjonijiet REDD+ li jiżguraw l-integrità ambjentali tal-mekkaniżmu.

L-objettivi għandhom jistipulaw li sal-2020, id-deforestazzjoni tropikali mil-livelli attwali mill-inqas tonqos bin-nofs u jitwaqqaf għal kollox it-telf tal-kopertura tal-foresti globali sal-2030. Id-deċiżjonijiet iridu jissalvagwardjaw ukoll il-biodiversità tal-foresti tropikali, jiżguraw li l-benefiċċji jkunu kondiviżi b’mod ġust fost il-partijiet interessati, jirrikonoxxu d-drittijiet u t-tagħrif tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali u jtejbu l-istrutturi ta’ governanza tal-foresti.

Mit-EUR 2.2 biljun ta’ 'finanzjament rapidu’ li l-UE mmobilizzat fl-2010, EUR 362 miljun kienu allokati bħala appoġġ għall-attivitajiet REDD+ fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

13. Se jkun hemm regoli ta’ kontabilità għall-ġestjoni tal-foresti fil-pajjiżi żviluppati?

Il-foresti huma mħażen enormi tal-karbonju. B’mod naturali huma jarmu d-diossidu tal-karbonju (CO2) fl-atmosfera u jassorbuh (inneħħuh) minnha.

Skont il-Protokoll ta’ Kjoto, il-pajjiżi żviluppati jridu jgħoddu l-emissjonijiet u l-assorbiment relatati mal-attivitajiet ta’ afforestazzjoni/it-tkabbir mill-ġdid tal-foresti u d-deforestazzjoni fir-rigward tal-miri tal-emissjonijiet tagħhom. Madankollu, huma jistgħu jagħżlu jekk iqisux l-emissjonijiet u l-assorbiment li jirriżultaw mill-‘ġestjoni tal-foresti’, jiġifieri l-attivitajiet ta' ġestjoni bħall-ħsad u t-tħawwil mill-ġdid tas-siġar fuq art li kienet miksija bil-foresta qabel l-1990 u li llum baqgħet miksija bil-foresta. In-natura fakultattiva ta’ din ir-regola u l-mod li bih issir il-kontabilità hija dgħufija tal-Protokoll; din tista’ tnaqqas l-impatt prattiku tal-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u toħloq ftit li xejn inċentiv biex il-pajjiżi jżidu l-assorbiment tad-CO2 mill-foresti tagħhom.

L-UE tippeferi li l-mod kif issir il-kontabilità tal-ġestjoni tal-foresti għandu jkun aktar strett biex tiżdied l-integrità ambjentali tagħha u jinħoloq inċentiv akbar għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet. L-Ewropa trid ukoll li jiddaħħal l-obbligu li l-pajjiżi żviluppati jagħtu rendikont tal-emissjonijiet u l-assorbiment mill-ġestjoni tal-foresti fis-sistema ta’ wara l-2012 sakemm huma jingħataw ċerta flessibilità fil-mod kif jagħmlu dan.

In-negozjati skont il-Protokoll ta’ Kjoto huma avvanzati ferm rigward ir-reviżjoni tar-regoli tal-kontabilità tal-ġestjoni tal-foresti bħala parti minn sett usa’ ta’ regoli tal-kontabilità għall-emissjonijiet mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija ('LULUCF'). L-UE trid li f’Kankun, isir qbil fuq ir-regoli LULUCF il-ġodda.

14. X’għandu jiddeċiedi Kankun rigward l-addattament għat-tibdil fil-klima?

Kull pajjiż jeħtieġ li jadatta għat-tibdil fil-klima iżda din hija sfida partikularment kbira għall-ifqar u l-aktar vulnerabbli fost il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Bħala parti minn pakkett ibbilanċjat, Kankun għandu jiddeċiedi li jistabbilixxi qafas għal koperazzjoni internazzjonali biex tittejjeb l-azzjoni nazzjonali rigward l-addattament tal-klima. Id-determinazzjoni tal-prijoritajiet, il-ħtiġijiet u l-azzjonijiet taħt il-Qafas ta’ Addattament għandha titmexxa mill-pajjiżi nfushom.

Id-deċiżjoni ta’ Kankun għandha tistabbilixxi l-prinċipji gwida tal-qafas. Għandha tiżgura wkoll l-appoġġ finanzjarju meħtieġ għall-addattament u l-mezzi ta’ kontroll u analiżi tal-implimentazzjoni tal-azzjoni ta’ addattament. Id-deċiżjoni għandha tirrifletti l-urġenza u l-importanza tal-appoġġ għall-addattament, u tingħata prijorità lill-pajjiżi li huma partikolarment vulnerabbli, speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), l-Stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS) u l-pajjiżi fl-Afrika li huma suxxettibbli għan-nixfa, id-deżertifikazzjoni u l-għargħar.

Fl-2010 l-UE pprovdiet EUR 735 miljun f’finanzjament għal bidu malajr għall-attivitajiet ta’ addattament fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

15. X’jeħtieġ li jkun deċiż f’Kankun rigward il-Fond Aħdar ta’ Kopenħagen għall-Klima?

Il-Ftehim ta’ Kopenħagen iddeċieda li jkun stabbilit il-‘Fond Aħdar ta’ Kopenħagen għall-Klima’. Il-Fond sejjer jappoġġja proġetti, programmi, politiki u attivitajiet oħrajn fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw relatati mal-mitigazzjoni tal-emissjonijiet (inkluża l-ġlieda kontra d-deforestazzjoni), l-addattament, il-bini tal-kapaċità, u l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija. Dan sejjer ikun stabbilit bħala entità operattiva tal-mekkaniżmu finanzjarju tal-UNFCCC.

Bħala parti minn pakkett ibbilanċjat, l-UE trid tara ftehim milħuq f’Kankun rigward il-prinċipji ewlenin dwar il-governanza tal-Fond. L-UE tappoġġja t-tnedija ta’ proċess biex ikun stabbilit il-Fond bil-għan li jsir operattiv fil-konferenza tan-NU li jmiss rigward il-klima, fl-aħħar tal-2011.

16. X’għandu jiddeċiedi Kankun rigward it-teknoloġija?

L-iżvilupp, id-difużjoni u l-użu tat-teknoloġiji li jgħinu lis-soċjetà taddatta għall-bidla fil-klima u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jeħtieġ li jitħaffu. Għaldaqstant huwa previst li jkun stabbilit Mekkaniżmu tat-Teknoloġija taħt il-Ftehim ta’ Kopenħagen.

Bħala parti minn pakkett ibbilanċjat, l-UE trid li l-konferenza ta’ Kankun tiddeċiedi li tistabbilixxi l-mekkaniżmu u tagħmlu operattiv malajr kemm jista’ jkun. Il-mekkaniżmu għandu jikkonsisti fi:

  • Ċentru u Netwerk tat-Teknoloġija tal-Klima biex jgħinu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom biex joħolqu strateġiji u proġetti, u biex jiffaċilitaw ir-riċerka u l-kondiviżjoni tal-għarfien; u

  • Kumitat Eżekuttiv għat-Teknoloġija għall-valutazzjoni tal-prijoritajiet, in-nuqqasijiet u l-ħtiġijiet tat-teknoloġija u biex jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Partijiet.

17. X’għandu jagħmel Kankun rigward il-bini tal-kapaċità ?

L-UE tirrikonoxxi li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikularment dawk l-aktar fqar, jeħtieġu appoġġ f’ħafna oqsma biex jibnu l-kapaċità tagħhom sabiex jadattaw għall-bidla fil-klima u jimmitigaw l-emissjonijiet tagħhom. L-UE qiegħda tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-bini tal-kapaċità permezz tal-Għajnuna għall-Iżvilupp Uffiċjali u l-finanzjament rapidu tagħha (ara l-punt 8).

Bħala parti minn pakkett ibbilanċjat, l-UE tixtieq tara li jingħata rikonoxximent għall-importanza tal-bini tal-kapaċità u għan-natura trasversali tagħha.

18. X’se jsir rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni u l-bastimenti?

It-trasport internazzjonali bl-ajru u bil-baħar huma tnejn mis-sorsi tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li qed jikbru b’ritmu mill-iktar mgħaġġel. Flimkien huma jkopru aktar minn 4% tal-emissjonijiet globali, iżda sal-lum, l-emissjonijiet minn dawn iż-żewġ setturi għadhom ma ġewx indirizzati b’mod adegwat.

L-organizzazzjonijiet internazzjonali responsabbli għaż-żewġ setturi huma l-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO). L-UE trid li l-konferenza ta’ Kankun tibgħat messaġġ politiku qawwi lill-ICAO u lill-IMO biex jiżviluppaw qafas ta’ politika globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn dawn iż-żewġ setturi li huwa konsistenti maż-żamma tat-tisħin globali taħt iż-2°C.

19. X’għandu jagħmel Kankun rigward il-baġits tal-emissjonijiet żejda tal-pajjiżi żviluppati?

Skont il-Protokoll ta’ Kjoto, ċerti pajjiżi fl-Ewropa ċentrali u tal-lvant, b’mod partikolari r-Russja u l-Ukraina, ingħataw livell ogħla ta’ kwoti tal-emissjonijiet milli kienu jeħtieġu. Il-Protokoll attwalment jippermettilhom li jġorru l-kwoti żejda tagħhom, magħrufin bħala Unitajiet tal-Ammont Assenjat (AAUs - Assigned Amount Units), biex jintużaw fit-tieni perjodu ta’ impenn wara l-2012. L-ammont żejjed li nġema’ huwa kunsiderevoli – huwa stmat li huwa ekwivalenti għal 10-11-il biljun tunnellata metrika ta’ diossidu tal-karbonju (CO2), jew aktar mid-doppju tat-total tal-emissjonijiet annwali tal-UE. Dan l-ammont żejjed jikkostitwixxi theddida maġġuri għall-integrità ambjentali tal-qafas ambjentali għal wara l-2012; jekk jintuża, dan jista' jikkanċella proporzjon sinifikanti tat-tnaqqis tal-emissjonijiet imwiegħed mill-Partijiet.

Kankun jista’ ma jwassalx għas-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni iżda l-UE trid li l-konferenza tirrikonoxxi l-importanza tagħha u tagħmel aktar progress fil-kunsiderazzjoni tal-għażliet għal ġestjoni kif jixraq tal-ammont żejjed. Dan irid isir b’mod ġust li ma jiddiskriminax bejn l-UE u l-pajjiżi li mhumiex fl-UE.

20 Min se jinnegozja għall-Unjoni Ewropea f'Kankun?

Bħala organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali, l-Unjoni Ewropea tagħmel Parti mill-UNFCCC u mill-Protocol ta' Kyoto. Is-27 Stat Membru tagħha, b'mod indipendenti, ukoll huma Partijiet minnhom.

Il-Belġju, li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropa jaqsmu r-responabbiltà tat-tmexxija tan-negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea u s-27 Stat Membru tagħha f'Kankun.

Il-Presidenza Belġjana se tiżgura li l-pożizzjoni tal-UE tiġi kkooridnata b'mod li l-UE titkellem b''leħen wieħed' anke jekk il-messaġġ jingħata minn persuni differenti.

1 :

Il-UNFCCC attwalment għandha 194 Parti, li jinkludu lill-UE u lill-Istati Membri kollha tal-UE.

2 :

Il-Protokoll ta’ Kjoto attwalment għandu 192 Parti, li jinkludu lill-UE u lill-Istati Membri kollha tal-UE. Id-differenza ewlenija mill-UNFCCC hija li l-Istati Uniti ma rratifikatx il-Protokoll ta’ Kjoto.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website