Navigation path

Left navigation

Additional tools

Nota ta' sfond Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-futur tal-PAK

European Commission - MEMO/10/587   18/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/10/587

Brussell, it-18 ta' Novembru 2010

Nota ta' sfond Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-futur tal-PAK

Illum, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-futur tal-PAK bit-titolu "Il-PAK lejn l-2020 : nindirizzaw l-isfidi tal-ġejjieni rigward ikel, riżorsi naturali u territorji". Dan id-dokument jimmarka l-bidu ta' proċess ta' konsultazzjoni li se jibqa' sejjer sar-rebbiegħa li jmiss, u li se jgħin lill-Kummissjoni tipprepara proposti leġiżlattivi mil-lum sas-sajf 2011. Il-PAK riformata għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

X'linji beħsiebha tieħu l-Kummissjoni biex tirrendi l-agrikoltura Ewropea iktar kompetittiva ?

Il-kompetittività fuq żmien twil tas-settur agrikolu tiddependi fuq il-kapaċità li dan is-settur jegħleb l-isfidi tat-tibdil fil-klima, u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, filwaqt li jkun aktar produttiv. Biex dan jirnexxi, jeħtieġ li fit-territorju Ewropew kollu, tinżamm il-kapaċità tal-agrikoltura li tkun innovattiva, li tinvesti, u li tiffaċċja l-iżviluppi tas-swieq.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tissuġġerixxi bosta elementi ewlenin. Qabel kollox, reviżjoni tal-istruttura tal-pagamenti diretti. Jeħtieġ li jinkludu element "favur l-ambjent" fil-kompetittività ekoloġika, u li jitqassmu b'mod aktar ġust u trasparenti. It-tieni, jeħtieġ li jissaħħu l-isforzi għall-innovazzjoni, u li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fi ħdan il-programmi tal-iżvilupp rurali. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li titwettaq ħidma fit-trasparenza tal-katina alimentari, u li jsir studju dwar il-possibbiltà li l-Istati Membri jingħataw għodod ġodda biex jiġġieldu kontra l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet ta' materja prima agrikola.

Għaliex jeħtieġ li l-PAK tkun iktar ġusta ?

Kriterji tal-għajnuna ġejjin mill-passat. Il-kriterji ta' referenza tal-pagamenti diretti tal-bdiewa tal-Istati Membri l-qodma tal-UE ġejjin mis-snin 2000-2002. L-ammonti kienu stipulati skont il-volumi tal-produzzjoni ta' dak iż-żmien. Issa jeħtieġ li nadattawhom għal mekkaniżmu aktar oġġettiv u ġust għall-bdiewa kollha u l-Istati Membri kollha.

Jitqies it-tkabbir tal-Unjoni Bħalissa jeżistu żewġ mekkaniżmi ta' referenza għall-għajnuna diretta. Wieħed għall-Istati Membri l-qodma bbażat fuq il-kriterji storiċi, l-ieħor għall-Istati Membri li ssieħbu mal-UE fl-2004, ibbażat fuq ammont uniku għal kull ettaru. Jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema ġdida, ġusta u trasparenti, adattata għall-UE kollha kemm hi.

Aktar appoġġ lid-diversità tal-agrikoltura Ewropea. Il-kriterji ta' referenza għandhom jinkludu d-dimensjoni ekonomika tal-pagamenti diretti maħsuba biex jappoġġaw id-dħul agrikolu, kif ukoll id-dimensjoni ambjentali tagħhom (jiggarantixxu l-produzzjoni ta' prodotti pubbliċi mill-bdiewa). Qed jiġu studjati soluzzjonijiet pragmatiċi li mil-lat ekonomiku u politiku joħolqu l-kundizzjonijiet ta' għajnuna ġusta, li tqis taħlita ta' parametri marbuta mal-kuntest soċjali, ekonomiku, u ambjentali li fih jaħdmu l-bdiewa.

Għandu jkun hemm limitu għall-pagamenti diretti ?

L-għajnuniet diretti huma dħul addizzjonali indispensabbli għall-manteniment tal-agrikoltura fit-territorju Ewropew kollu. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-għajnuniet pubbliċi jkunu mmirati lejn il-bdiewa attivi li verament għandhom bżonnhom. Meta jintlaħaq ċertu ammont, l-għajnuniet jitilfu r-relevanza sakemm ma jkunx hemm evidenza tanġibbli marbuta mad-dħul tagħhom.

Il-PAK tista' tkun iktar utli għall-intrapriżi agrikoli żgħar ?

Il-kwistjoni mhix dik dwar l-għoti ta' għajnuna lill-intrapriżi li mhumiex vijabbli, iżda li tiġi stimulata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq. Jeħtieġ li l-PAK issir iżjed sempliċi. Il-burokrazija amministrattiva qed tfixkel l-aċċess tal-intrapriżi agrikoli żgħar għall-għajnuniet tal-PAK minkejja li dawn għandhom rwol ekonomiku importanti fid-dinamika ta' ċerti żoni rurali. Għandha titwettaq ħidma għas-semplifikazzjoni b'mod li jiġi żgurat aċċess ġust għall-politiki pubbliċi, għall-atturi ekonomiċi kollha.

Ir-reġjuni żvantaġġati se jiġu mgħejjuna b'mod speċifiku ?

L-għajnuniet disponibbli bħalissa fi ħdan il-programmi tal-iżvilupp rurali mhumiex se jiġu affettwati. Il-manteniment tal-agrikoltura fiż-żoni li fihom il-produzzjoni hija iżjed diffiċli hija element essenzjali tal-preservazzjoni tal-bijodiversità u tat-territorji rurali dinamiċi. Għalhekk l-ostakoli naturali speċifiċi jistgħu bl-istess mod jitqiesu fil-kalkolu tal-pagamenti diretti.

Liema prattiki agrikoli se jiġu xprunati biex jissieltu kontra t-tibdil fil-klima u jippreservaw l-ambjent ?

F'dan l-istadju ma hemmx lista eżawrjenti ta' prattiki agrikoli li se jiġu appoġġati permezz ta' komponent "favur l-ambjent" tal-pagamenti diretti. Qed issir valutazzjoni tal-impatt sabiex jiġu determinati t-tekniki l-iktar rilevanti. Pereżempju, wieħed jista' jsemmi l-kopertura ekoloġika, ir-rotazzjoni tal-għelejjel, il-ħolqien ta' art mistrieħa ekoloġika, jew il-mergħa permanenti.

Il-manteniment ta' kopertura ekoloġika tul ix-xitwa ssir billi jinżergħu ċerti ħxejjex immedjatament wara l-ħsad. Dan jippermetti li titkattar u tittejjeb il-kapaċità taż-żamma tal-ilma u tal-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija. Dan jippermetti wkoll il-produzzjoni tal-hekk imsejħa "għelejjel intermedji".

Ir-rotazzjoni tal-għelejjel huwa metodu tradizzjonali li jirrispetta il-kapaċità tal-ħamrija li tirriġenera. Toffri l-vantaġġ li tnaqqas l-użu ta' prodotti kimiċi (pestiċidi, erbiċidi, fertilizzanti).

Il-mergħa toffri sors konsiderevoli ta' bijodiversità. Hija wkoll ekosistema b'valuri għoljin miżjuda f'termini ta' ħamrija, użu ta' ilma, qbid tal-karbonju, u l-pajsaġġ.

L-art ekoloġika mistrieħa tgħani l-ekosistemi agrikoli billi tippreserva l-art ideali għall-fawna u l-flora. Sabiex il-potenzjal tagħha jkun jista' jittieħed kollu, il-ħaxix fuq din l-art irid jinqata' b'mod metikoluż biex jippreżerva t-tkabbir ta' arbuxelli żgħar.

Hemm bżonn li ż-żewġ pilastri tal-PAK jitħallew ?

Iż-żewġ pilastri huma żewġ sistemi kumplimetari tal-PAK. L-ewwel pilastru jippermetti l-għajnuna lill-bdiewa fuq bażi annwali biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi komuni fl-UE kollha. It-tieni, flimkien mal-approċċ "Leader", huwa investiment utli pluriannwali u flessibbli, adattat għar-realtajiet lokali ta' kull Stat Membru, speċjalment biex jagħti appoġġ lill-kompetittività, lill-innovazzjoni, lill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u lis-sostenibbiltà tal-agrikoltura.

Għaliex il-Komunikazzjoni ma titrattax ċerti punti fid-dettal ?

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tidħolx fid-dettalji kollha tar-riforma. Wieħed irid jistenna l-proposti leġiżlattivi li se jiġu ppreżentati sas-sajf 2011. It-test ippreżentat illum huwa dokument politiku li jagħti l-orjentazzjonijiet ewlenin abbażi tal-isfidi identifikati matul id-dibattitu pubbliku mmexxi fil-bidu tas-sena. Mil-lum sal-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi, se jsiru valutazzjonijiet tal-impatt speċifiċi sabiex jindikaw l-għodod l-iktar rilevanti u effikaċi li jwieġbu għall-għanijiet definiti fil-Komunikazzjoni.

Issa xi jmiss wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni ?

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni se tiġi diskussa fi ħdan il-Kunsill u l-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-UE. Il-Kummissjoni se torganizza konsultazzjoni, fejn il-partijiet interessati se jiġu mistiedna biex jagħtu l-ideat tagħhom dwar l-għażliet u biex jikkontribwixxu għal valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet differenti billi jissottomettu l-analiżi tagħhom. Il-Kummissjoni, wara li tqis il-valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati li għaddejjin bħalissa għal kull għażla tal-Komunikazzjoni, se tħejji proposti leġiżlattivi li se jiġu ppreżentati fis-sajf 2011. Dawn se jgħaddu mill-proċedura ta' kodeċiżjoni li se tapplika għall-ewwel darba għar-riforma tal-PAK wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat il-ġdid. Il-PAK riformata għandha tidħol fis-seħħ fl-2014.

X'inhuma l-isfidi tal-agrikoltura Ewropea għall-ġejjieni ?

Il-provvista tal-ikel. Skont l-esperti tal-FAO, iż-żieda fil-popolazzjoni dinjija u l-bidliet fid-drawwiet tal-ikel, se jwasslu għal tkabbir ta' 50 % fid-domanda ta' prodotti agrikoli sal-2030 u ta' 70 % sal-2050. L-Ewropa għandha ġġorr il-parti tagħha tar-responsabbiltà fuq livell internazzjonali billi żżomm il-kapaċità tagħha li tipproduċi prodotti ta' kwalità fi kwantitajiet suffiċjenti skont standards għoljin ħafna tas-saħħa, filwaqt li tixpruna prattiki ta' produzzjoni sostenibbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

L-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Is-settur agrikolu huwa utent ewlieni tal-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità kif ukoll attur prinċipali fil-kostruzzjoni tal-pajsaġġi. Kważi 14-il miljun bidwi jikkontrollaw iktar min-nofs it-territorju Ewropew. L-agrikoltura u l-forestrija jagħmlu 80 % tat-territorju Ewropew. L-agrikoltura tista' toffri tweġibiet konkreti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telfa tal-bijodiversità. Barra minn hekk, il-bdiewa għandhom jadattaw il-prattiki tagħhom għat-tisħin globali.

Żvilupp ġust fit-territorji rurali. L-agrikoltura hija l-mutur ekonomiku tal-maġġoranza taż-żoni rurali, u l-bażi tal-katina alimentari Ewropea. B'kollox, is-settur agroalimentari, jimpjega 17.5 miljun individwu (13.5 % tal-impjieg industrijali). Jeħtieġ li l-impjiegi relatati mal-agrikoltura jibqgħu attraenti biżżejjed, speċjalment biex jiżguraw livell minimu tat-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet. Id-dħul agrikolu jirrappreżenta biss 40 % tal-medja tad-dħul medju Ewropew.

ANNESS: DESKRIZZJONI TAT-TLIET GĦAŻLIET TA' POLITIKA ĠENERALI

Pagamenti diretti

Miżuri tas-suq

Żvilupp rurali

Għażla Nru 1

Jiddaħħal aktar bilanċ fid-distribuzzjoni ta' pagamenti diretti bejn l-Istati Membri (bla ma tinbidel is-sistema attwali ta' pagamenti diretti)

Jissaħħu l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju

Fejn meħtieġ, l-istrumenti attwali tas-suq jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati

Tinżamm l-orjentazzjoni tal-Kontroll tas-Saħħa tal-PAK, li tikkonsisti fiż-żieda ta' fondi biex jagħmlu tajjeb għall-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima, l-ilma, il-bijodiversità u l-enerġija rinnovabbli, u l-innovazzjoni.

Għażla Nru 2

Jiddaħħal aktar bilanċ fid-distribuzzjoni ta' pagamenti diretti bejn l-Istati Membri u tibdil sostanzjali fit-tfassil tagħhom.

Il-pagamenti diretti jkunu magħmulin minn:

rata bażika li sservi bħala appoġġ għad-dħul,

għajnuna addizzjonali obbligatorja għal beni pubbliċi "ekoloġiċi" speċifiċi permezz ta' azzjonijiet ambjentali sempliċi, ġeneriċi, annwali u mhux kuntrattwali agriambjentali, abbażi tal-kostijiet supplimentari għat-twettiq ta' dawn l-azzjonijiet,

pagament addizzjonali biex jikkumpensa għal-limiti naturali speċifiċi,

u komponent ta' appoġġ akkoppjat ta' natura volontarja għal setturi u reġjuni speċifiċi1,

Introduzzjoni ta' skema ġdida għal azjendi agrikoli żgħar.

Jiddaħħal limitu massimu għar-rata bażika, filwaqt li jitqies ukoll il-kontribut li l-azjendi agrikoli kbar jagħtu għall-iżvilupp rurali.

Fejn meħtieġ, l-istrumenti attwali tas-suq jiġu ssimplifikati u mtejbin

L-istrumenti attwali jiġu aġġustati u kkomplementati biex jiġu jaqblu aktar mal-prijoritajiet tal-UE, fejn l-appoġġ ikun iffokat fuq l-ambjent, it-tibdil fil-klima u/jew ir-ristrutturar u l-innovazzjoni, u biex jittejbu l-inizjattivi reġjonali/lokali.

Jiġu msaħħa l-għodod attwali tal-ġestjoni tar-riskju u jiddaħħal strument ta' stabilizzazzjoni mhux obbligatorju li jkun kompatibbli mal-"kaxxa ħadra" tal-WTO biex jagħmel tajjeb għal telf ta' dħul sostanzjali.

Tista' ssir ukoll xi distribuzzjoni mill-ġdid ta' fondi bejn l-Istati Membri li jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi.

Għażla Nru 3

Eliminazzjoni gradwali tal-pagamenti diretti minn kif isiru bħalissa

Minflok, jingħataw pagamenti limitati għal beni pubbliċi ambjentali u pagamenti addizzjonali għal limitazzjonijiet naturali speċifiċi

Jitneħħew il-miżuri tas-suq kollha, bl-eċċezzjoni possibbli ta' klawżoli ta' emerġenza li jistgħu jiġu attivati f'każijiet ta' kriżi serja

Il-miżuri jkunu ffokati l-aktar fuq aspetti ambjentali u ta' tibdil fil-klima

1 :

Dan ikun ekwivalenti għall-appoġġ akkoppjat kurrenti mħallas skont l-Artikolu 68 u miżuri ta' appoġġ akkoppjat oħrajn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website