Navigation path

Left navigation

Additional tools

Kalkolu tal-aġġustamenti fis-salarji/pensjonijiet tal-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE: l-aġġustament tal-2010/11

European Commission - MEMO/10/563   10/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/10/563

Brussell, l-10 ta’ Novembru 2010

Kalkolu tal-aġġustamenti fis-salarji/pensjonijiet tal-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE: l-aġġustament tal-2010/11

Ir-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu regoli ċari dwar l-aġġustament annwali tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet għall-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha, u jorbtuhom mal-evoluzzjoni tas-salarj tal-ħaddiema tas-servizz ċivilii fi tmien Stati Membri li jirrappreżentaw 76% tal-PDG tal-UE. Għaldaqstant, is-salarji tal-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE jiċċaqalqu b'konformità mas-salarji tal-ħaddiema tas-servizz ċivili nazzjonali fit-tmien pajjiżi kkonċernati (DE, FR, UK, IT, ES, NL, BE, LU). Dawn ir-regoli ma jagħtu l-ebda libertà lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill sabiex japplikaw kriterji oħrajn.

Il-metodu sabiex jiġu aġġustati r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet kien parti integrali mill-pakkett sħiħ ta' riforma tal-2004, li inkluda wkoll il-ħolqien tal-kategorija tal-aġenti kontrattwali b'salarji aktar baxxi; età tal-irtirar aktar għolja, inqas drittijiet tal-pensjoni, kontribuzzjonijiet ogħla tal-pensjoni, imposta speċjali li togħla kull sena sal-2012 (sa massimu ta' 5.5%), u salarji tal-bidu aktar baxxi.

Il-metodu tal-aġġustament skont ir-Regolamenti tal-Persunal jiżgura paralleliżmu bejn l-evoluzzjoni tas-saħħa tal-akkwist tal-ħaddiema tas-servizz ċivili nazzjonali u dawk Ewropej. Telf ta' saħħa tal-akkwist fit-tmien stati membri msemmija jirriżulta f'telf ta' saħħa tal-akkwist simili għall-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE. Għall-uffiċjali li jaħdmu fil-kwartieri ġenerali, l-aġġustament tas-salarju jrid jitqies fil-kuntest tal-bidliet fil-prezzijiet fi Brussell (l-ammont tal-aġġustament jinkiseb billi jiġi mmultiplikat l-indiċi li jirrappreżenta l-varjazzjoni fis-saħħa tal-akkwist fi Brussell b'indikatur speċifiku li jkejjel is-saħħa tal-akkwist tal-ħaddiema tas-servizz ċivili nazzjonali). Għall-uffiċjali tal-UE li jaħdmu f'postijiet oħra, huma applikati indiċi li jqabblu l-prezzijiet fil-post fejn jaħdmu ma' dawk fi Brussell.

L-EUROSTAT tikkalkula l-aġġustament abbażi tad-dejta statistika pprovduta mit-tmien Stati Membri u l-Kunsill irid jieħu deċiżjoni qabel it-tmiem ta' kull sena.

Dejjem ikun hemm dewmien minħabba li l-aġġustament annwali huwa bbażat fuq iċ-ċifri pprovduti mill-Istati Membri li jirriflettu l-iżviluppi matul is-sena preċedenti ta' referenza u li jiddeterminaw l-aġġustament tas-salarji u l-pensjonijiet tas-servizz pubbliku tal-UE għas-sena ta' wara. Għaldaqstant, parti mit-tnaqqis reċenti fis-salarji fuq il-livell nazzjonali huwa rifless fl-aġġustament ta' din is-sena. Tnaqqis ieħor se jinfluwenza l-aġġustament tas-sena d-dieħla. Il-kritika tal-metodu s-sena l-oħra kienet ir-riżultat tad-dewmien qabel mal-Eurostat irċeviet id-dejta nazzjonali.

Maż-żmien il-metodu wera l-validità tiegħu bħala mekkaniżmu li huwa ġust għall-persunal u għall-kontribwenti tat-taxxa Ewropej billi jorbot l-aġġustament tas-salarji fl-istituzzjonijiet tal-UE mas-saħħa tal-akkwist tal-ħaddiema tas-servizz ċivili nazzjonali. Ipprevjena wkoll il-ħtieġa ta' negozjati kontenzjużi annwali dwar is-salarji mal-Kunsill.

X'inhija s-sitwazzjoni għall-2010/11?

Is-saħħa tal-akkwist tal-ħaddiema tas-servizz ċivili fit-tmien Stati Membri ta' referenza naqset b' - 2.0%

Dan għandu jiġi rifless fuq il-livell Ewropew għall-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-Unjoni Ewropea.

L-Indiċi Internazzjonali ta' Brussell – indiċi ffukata tal-inflazzjoni għall-persunal barrani fi Brussell li hija r-referenza - hija + 2.4%. Sabiex jaslu għal tnaqqis tas-saħħa tal-akkwist ta' – 2.0%, is-salarji jridu jiġu miżjuda b' + 0.4% għall-persunal fi Brussell u l-Lussemburgu (li t-tnejn li huma jiġu ttrattati b'mod ugwali).

N.B.: L-indiċi tal-inflazzjoni Belġjana hija ogħla (+ 2.7%) mill-indiċi internazzjonali ffukata, li tiddependi fuq ix-xejriet differenti tax-xiri fost il-popolazzjonijiet lokali u barranin (pereżempju sehem ogħla ta' spejjeż tal-ivvjaġġar u l-komunikazzjonijiet internazzjonali u ta' kiri ta' akkomodazzjoni mill-popolazzjoni lokali).

Żieda fis-salarju ta' + 0.4% fi Brussell u l-Lussemburgu ma tfissirx li din iż-żieda tapplika fil-postijiet kollha tal-impjieg għall-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE. Huwa t-tnaqqis ta' - 2.0% fis-saħħa tal-akkwist li jrid jiġi rifless fil-postijiet tal-impjieg kollha u li jwassal għal aġġustamenti differenti f'ċentri differenti.

Pereżempju, f'Varese, l-Italja, li wara Brussell u l-Lussemburgu hija t-tielet l-ikbar sit tal-Kummissjoni (iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka) b'persunal ta' madwar 1500, is-salarji se jonqsu b' - 4.6% minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet hemmhekk.

Iċ-ċifra annwali definittiva ta' aġġustament hija ogħla miċ-ċifra provviżorja mħabbra fil-bidu ta' Ottubru minħabba li l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri lill-EUROSTAT inbidlet. Dan huwa dovut għall-fatt li r-Renju Unit ipprovda lill-Eurostat b'ċifri addizzjonali li rriżultaw fi tnaqqis aktar baxx fis-saħħa tal-akkwist għall-ħaddiema tas-servizz ċivili fir-Renju Unit u Spanja kkomunikat li parti mill-miżuri ta' austerità se jiġu applikati biss mis-sena d-dieħla.

Sa mill-2004, meta l-metodu ġie introdott fir-Regolamenti tal-Persunal, is-salarji tal-persunal tal-UE tilfu madwar 5.3% tas-saħħa tal-akkwist tagħhom.

Elementi oħra relevanti għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE:

Il-kontribuzzjoni tal-pensjonijiet li l-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE jridu jħallsu se tonqos minn 11.3% għal 11.0% tas-salarju tagħhom ta' kull xahar.

L-imposta speċjali, taxxa speċjali stabbilita fl-2004 fil-kuntest tar-riforma, se tiżdied minn 5.07% għal 5.50%.

L-impatt totali fuq il-baġit se jkun żieda fl-infiq ta' 9.7 miljun ewro. Din hija żieda fil-massa tas-salarji u l-pensjonijiet fil-baġit ta' +0.2%.

X'qed jiġri fil-kawża tal-Qorti (C-40/10 il-Kummissjoni vs il-Kunsill)?

Is-sena l-oħra l-Kunsill iddeċieda b'mod unanimu li ma jsegwix il-proposta tal-Kummissjoni li kkunsidrat iż-żidiet li kien hemm fl-Istati Membri. Il-Kunsill adotta żieda ta' 1.85% minflok dik ta' 3.7% kkalkulata skont il-metodu stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattat u tal-Liġi tal-UE u appoġġjata mill-Parlament, b'riżultat ta' dan ressqet rikors għal annullament kontra r-Regolament tal-Kunsill talli kiser ir-Regolamenti tal-Persunal. Is-seduta seħħet fil-21 ta' Ottubru 2010 u d-deċiżjoni hija mistennija fl-ewwel nofs tal-2011.

Ċifri ewlenin tal-aġġustament annwali tal-2010/2011:

Tnaqqis fis-saħħa tal-akkwist tal-ħaddiema tas-servizz ċivili fit-tmien Stati Membri ta' referenza: - 2.0%.

Telf ta' saħħa tal-akkwist għall-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE: - 2.0%.

L-Indiċi Internazzjonali ta' Brussell (inflazzjoni): + 2.4%.

L-Inflazzjoni fil-Belġju: + 2.7%.

Żieda fis-salarju bażiku gross għall-ħaddiema tas-servizz ċivili tal-UE assenjati fi Brussell jew il-Lussemburgu: + 0.4%.

L-impatt fuq l-ammont totali minfuq fuq salarji u pensjonijiet inkluż it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni tal-pensjonijiet u ż-żieda tal-imposta (taxxa) speċjali: + 0.2%.

Impatt fuq il-baġit totali tal-2011 (abbozz): 0.0068%.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website