Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ispettru: Proposta tal-Kummissjoni biex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-frekwenzi tar-radju għal servizzi wireless ġodda u aktar veloċi

European Commission - MEMO/10/425   20/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/10/425

Brussell, l-20 ta’ Settembru 2010

L-ispettru: Proposta tal-Kummissjoni biex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-frekwenzi tar-radju għal servizzi wireless ġodda u aktar veloċi

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet programm ta' politika mifrux fuq ħames snin dwar l-ippjanar u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju tal-UE. Il-proposta, li se tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri tal-UE għall-adozzjoni, tinkludi passi li jippromwovu ġestjoni effiċjenti tal-ispettru, u b'mod partikolari, li jiżguraw li jkun hemm spettru suffiċjenti disponibbli għall-wireless broadband. Dan se jkun ta' kontribut sinifikanti biex il-konnessjonijiet tal-broadband veloċi jitwasslu lil nies f'żoni remoti, fejn ma jkunx ekonomikament vijabbli li jkunu installati netwerks tal-kejbil, u biex is-servizzi innovattivi jkunu disponibbli fl-Ewropa kollha. Il-wireless broadband huwa essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan ta' broadband għal kulħadd sal-2013, waħda mill-miri ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). L-użu aktar effiċjenti u kompetittiv tal-ispettru fl-UE jippromwovi wkoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji u servizzi innovattivi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u għall-kompettitività ġenerali fl-Ewropa. Il-proposta hija parti minn pakkett ta' miżuri ta' broadband ippreżentati llum mill-Kummissjoni (ara IP/10/1142).

Il-proposta tal-Kummissjoni tiddeskrivi azzjonijiet u prinċipji komuni sabiex tiżgura li l-ispettru tar-radju limitat jintuża b'mod effiċjenti biex jilħaq bl-aħjar mod il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-UE, l-industrija u dawk li jfasslu l-politika. Il-proposta hija bbażata fuq ir-regoli tas-Suq Uniku tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE – L-Artikolu 114), minħabba l-importanza li għandhom id-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru għall-istabbiliment ta' Suq Uniku għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u għal oqsma oħra ta' politika tal-UE.

L-ogħla prijorità hija li jiġi mmarkat spettru suffiċjenti għas-servizzi wireless, inkluż il-broadband. Il-Kummissjoni tipproponi li sal-2012 il-pajjiżi tal-UE ilestu l-proċess tal-għoti ta' liċenzji lill-operaturi biex jintużaw il-meded ta' frekwenzi tal-ispettru li diġà kienu teknikament armonizzati fil-livell tal-UE għall-użu tal-wireless broadband, (il-meded ta' 900/1800 MHz, ta' 2.5 GHz u dawk ta' bejn 3.4 u 3.8 GHz). Minbarra dan, il-pajjiżi tal-UE huma mitluba li sal-1 ta' Jannar 2013 jiftħu l-medda ta' 800 MHz (ara IP/10/540) għall-wireless broadband, filwaqt li jipprevedu derogi possibbli sal-2015, f'każi eċċezzjonali.

Ġestjoni effiċjenti tal-ispettru:

Il-programm propost jipprevedi wkoll li l-ispettru għandu jkun ġestit abbażi tal-prinċipji li jinkludu l-effiċjenza u l-flessibiltà tal-ispettru, it-teknoloġija u n-newtralità fis-servizz kif ukoll il-kompetizzjoni. Minbarra dan, għandha ssir promozzjoni tal-użu kollettiv tal-ispettru u l-kummerċ tal-ispettru, biex b'hekk tħeġġeġ ukoll il-konverġenza ta' kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni u ta' proċeduri għal meded li jistgħu jkunu kkumerċjalizzjati fl-Ewropa. Il-pjan jitlob lill-Istati Membri li jżommu u jippromwovu kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi ekonomiċi u li jevitaw il-ħżin tal-ispettru. Il-Kummissjoni tipproponi t-twaqqif ta' inventarju tal-użi, tat-teknoloġiji u tal-applikazzjonijiet eżistenti tal-ispettru sabiex tiżgura t-trasparenza, tittraċċa l-ineffiċjenzi u tlaħħaq mal-ħtiġijiet tal-futur.

Servizzi wireless u l-użu transkonfinali ta' apparati

Il-Kummissjoni pproponiet koordinazzjoni akbar madwar l-UE dwar ċerti aspetti tal-politika tal-ispettru fejn din hija essenzjali għal funzjonament xieraq tas-Suq Uniku tal-UE. Sabiex jittejbu l-flessibiltà u l-effiċjenza fl-użu tal-ispettru, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ukoll jippromwovu koordinazzjoni tajba bejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-ispettru (eż. bejn il-korpi ta' standardizzazzjoni, CEPT – Il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni – u ċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni) biex jiżguraw li s-servizzi u l-apparati wireless ikunu jistgħu jintużaw bla ebda xkiel fil-livell transkonfinali. Prodotti li jiddependu fuq l-ispettru (bħal apparat mediku u dak li jassisti lill-persuni b'diżabilità, tikketti ta' identifikazzjoni tal-prodotti wireless li għandhom jintużaw fil-ħwienet u fit–trasport, u applikazzjonijiet ta' divertiment bħat-TV ċellulari jew kotba elettroniċi wireless) għandhom ikunu bbażati fuq l-istess standards tekniċi u jużaw l-istess medda tal-ispettru fl-UE kollha. Dan inaqqas l-ispejjeż għall-produtturi u jagħtihom opportunitajiet ġodda ta' negozju fis-Suq Uniku kollu tal-UE u l-klijenti jkollhom aċċess aħjar għal iktar prodotti u servizzi.

Nirriżervaw l-ispettru għar-riċerka u l-konservazzjoni tal-enerġija

Minħabba li l-ispettru huwa riżors limitat u skars, il-programm jiżgura li l-ispettru jkun disponibbli għall-prijoritajiet ta' politika li jinkludu r-riċerka, l-osservazzjoni tad-Dinja, Galileo, il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġlieda kontra t-tisħin globali, il-protezzjoni pubblika u l-għajnuna f'każijiet ta' diżastru kif ukoll it-trasport. Pereżempju, l-Istati Membri jkollhom jipproteġu l-frekwenzi tar-radju meħtieġa għall-monitoraġġ tal-atmosfera u s-superfiċje tad-dinja u jagħmlu l-ispettru disponibbli għal teknoloġiji wireless li għandhom il-potenzjal li jtejbu l-konservazzjoni tal-enerġija, inklużi netwerks intelliġenti tal-enerġija u sistemi intelliġenti ta' metraġġ.

Aspetti internazzjonali

Il-proposta tinkludi prinċipji li jagħtu spinta lir-rwol tal-UE fin-negozjati multilaterali, pereżempju fl-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet u fil-Konferenzi Dinjija tal-Komunikazzjonijiet permezz tar-Radju. Il-Kummissjoni toffri wkoll appoġġ lill-pajjiżi tal-UE fin-negozjati bilaterali tagħhom ma' ġirien li mhumiex parti mill-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-ispettru sabiex isolvu problemi ta' koordinazzjoni u ta' interferenza li tikkawża l-ħsara.

Il-proċess

Il-programm propost jikkunsidra bis-sħiħ l-opinjoni tad-9 ta' Ġunju 2010 tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG – Radio Spectrum Policy Group), u reazzjonijiet li ħarġu kemm mill-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni u mill-RSPG kif ukoll dawk waqt il-Laqgħa Għolja dwar l-Ispettru organizzata mill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew. Il-programm jibni fuq l-ewwel kisbiet relatati mal-armonizzazzjoni tar-regoli tekniċi għall-ispettru fid-dawl tal-bidla minn xandir televiżiv analogu għal dak diġitali (id-"dividend diġitali") (ara IP/10/540).

Sfond

Is-servizzi li jiddependu fuq l-ispettru tar-radju tal-UE jirrappreżentaw minn 2 % sa 2.5 % tal-prodott gross domestiku annwali Ewropew, jiġifieri aktar minn EUR 250 biljun, skont studju tal-UE. Dan jinkludi l-industrija Ewropea tal-mowbajl li ssostni 3.5 miljun impjieg, tiġġenera madwar EUR 130 biljun fis-sena fi dħul mit-taxxi u tikkontribwixxi EUR 140 biljun direttament lill-PGD Ewropew.

Għal iktar tagħrif u dokumenti relatati ara:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/radio_spectrum/eu_policy/rspp/index_en.htm

Ara wkoll MEMO/10/426.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website