Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-broadband: Il-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ komuni għall-UE dwar in-netwerks ultraveloċi tal-broadband

European Commission - MEMO/10/424   20/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Memo/10/424

Brussell, l-20 ta’ Settembru 2010

Il-broadband: Il-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ komuni għall-UE dwar in-netwerks ultraveloċi tal-broadband

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Rakkomandazzjoni li tindika lir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet kif għandhom jirregolaw l-aċċess kompetittiv ta' partijiet terzi għal netwerks ta' fibri ultraveloċi (magħrufin ukoll bħala netwerks għall-"aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss" – NGA) li jwasslu konnessjonijiet tal-broadbands b'veloċità għolja fid-djar u fuq il-postijiet tax-xogħol. Ir-regolaturi għandhom japplikaw il-gwida l-ġdida fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom ta' kuljum hekk kif it-test jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Skont id-Direttiva Qafas dwar it-Telekomunikazzjonijiet (2002/21/KE), ir-regolaturi għandhom "jagħtu l-akbar kont" tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummisjoni, u għandhom jiġġustifikaw kwalunkwe tbegħid minnha. Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi ċarezza regolatorja lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni u tiżgura bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li tinkuraġġixxi l-investiment u l-ħtieġa li tissalvagawrdja l-kompetizzjoni. Hija se tgħin biex tistimula l-investiment fin-netwerks kompetittivi tal-broadband b'veloċità għolja, li huwa l-għan ewlieni tal-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni għall-Ewropa (IP/10/581) u tal-istrateġija għall-Ewropa 2010). Ir-Rakkomandazzjoni tifforma parti mill-pakkett tal-miżuri tal-broadband ippreżentat mill-Kummissjoni llum (ara http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/10/1142&format=HTML&aged=0&language=MT&guiLanguage=en).

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess regolat għan-netwerks tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss tistabbilixxi approċċ komuni madwar l-UE għar-regolament tan-netwerks ibbażati fuq fibri. In-netwerks tal-fibri jikkumplimentaw jew jieħdu post in-netwerks ta' aċċess tradizzjonali u fissi li huma bbażati fuq ir-ram u li jistgħu joffru biss medda limitata ta' frekwenzi. L-użu tal-fibri jirrikjedi investimenti sostanzjali. Madankollu, il-fibri jirrappreżentaw il-pass li jmiss fl-evoluzzjoni naturali tal-industrija tat-teknoloġija tat-telekomunikazzjonijiet b'linja fissa u huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-broadband li ġew stabbiliti fl-Aġenda Diġitali (ara IP/10/581,MEMO/10/199, u MEMO/10/200 ).

Ir-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE jeħtieġu regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet nazzjonali sabiex dawn jinkuraġġixxu investiment effiċjenti u jippromwovu l-kompetizzjoni. Meta l-kompetizzjoni ma tkunx effettiva, u wara li tkun saret analiżi dettaljata tas-suq kif stabbilit mid-Direttiva Qafas dwar it-Telekomunikazzjonijiet (2002/21/KE), ir-regolaturi jistgħu jimponu miżuri regolatorji ex ante fuq kumpaniji dominanti sabiex jindirizzaw dan il-falliment tas-suq. Ir-Rakkommandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni tiggwida lir-regolaturi dwar kif għandhom jagħmlu dan fi swieq tal-"aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss" u li huma bbażati fuq il-fibri.

Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss

Bħalissa, kemm l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet stabbiliti u dominanti bħalissa kif ukoll operaturi iktar ġodda qegħdin jimmodernizzaw in-netwerks eżistenti tagħhom mir-ram għall-fibri billi jinvestu f'"fibra li tasal sal-kaxxa tat-triq" (FTTN) u f'"fibra li tasal sad-djar" (FTTH). Fl-UE, operaturi kbar tat-telekomunikazzjonijiet (li qabelforsi kienu jgawdu minn monopolju) jikkompetu ma' operaturi oħra li joffru servizzi li huma bbażati, pereżempju, fuq netwerks bil-kejbil, fuq il-"ftuħ tal-infrastrutturi lokali" (local loop unbundling - LLU) ibbażat fuq il ftuħ tal-aċċess sal-aħħar parti tan-netwerks eżistenti, u l-aċċess tal-bit stream għal dawn in-netwerks.

Ħtieġa ta' azzjoni mill-Kummissjoni

Fl-UE l-bidu tal-użu tal-NGAs ibbażati fuq il-fibra għadu relattivament fi stat bikri. Madankollu, numru li dejjem qed jikber ta' regolaturi nazzjonali bdew jikkunsidraw mistoqsijiet dwar l-aċċes regolat tal-NGAs bħala parti mill-analiżi tagħhom tas-suq regolari. Għadd li dejjem qed jikber, ta' miżuri regolatorji bħala parti mill-proċedura ta' konsultazzjoni tal-Artikolu 7, qed jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni (ara MEMO/09/539) Abbażi tal-iskrutinju ta' dawn il-miżuri, il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li meta ma kienx hemm gwida għar-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet, kien hemm periklu ċar ta' diverġenzi bejn is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet tal-Istati Membri. Din is-sitwazzjoni tista' twassal għal distorsjonijiet fis-suq bħala riżultat ta' regolament inkonsistenti u tista' twassal ukoll għal inċertezza fil-kumpaniji li qed jinvestu fin-netwerks ta' aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Ir-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni se ġġib iktar konsistenza u iktar ċarezza fid-deċiżjonijiet tar-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet, sabiex jiġi inkurraġġut investiment effiċjenti u f'waqtu tal-NGAs permezz tas-Suq Uniku tal-UE filwaqt li titrawwem il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi tal-broadband.

Il-bilanċ bejn il-ħtiġijiet ta' parteċipanti stabbiliti tas-suq u dawk ġodda

Ir-Rakkomandazzjoni tal-NGA tagħti għodda lir-regolaturi nazzjonali sabiex jappoġġaw lill-parteċipanti ġodda li jidħlu fis-suq tal-NGA, u sabiex jappoġġaw investiment ibbażat fuq l-infrastruttura minn parteċipanti tas-suq li huma stabbilliti. Pereżempju, meta wieħed jiffissa prezzijiet tal-aċċess li huma orjentati lejn l-ispejjeż għal kumpaniji li jokkupaw pożizzjonijiet dominanti fis-swieq nazzjonali tal-broadband, ir-regolaturi għandhom iqisu sew ukoll kwalunkwe riskju meħud permezz ta' primjum tar-riskju. Fl-istess ħin, ir-Rakkomandazzjoni timmira li tiffaċilita d-dħul fis-suq u l-kompetizzjoni minn operaturi oħrajn, billi ttihom ċans jitilgħu "is-sellum tal-investiment" u bil-mod il-mod jibdew jużaw l-infrastruttura tan-netwerk tagħhom.

B'mod speċifiku, ir-Rakkomandazzjoni tal-NGA issaħħaħ għadd ta' prinċipji li għandhom jiġu segwiti mir-regolaturi tal-UE:

  • L-ewwel nett, filwaqt li mhux se jkun hemm "vaganzi regolatorji" għall-iktar kumpaniji dominanti, ir-regolament tal-prezz għall-aċċess għan-netwerks tal-fibri se jirrifletti bis-sħiħ ir-riskju tal-investiment, u se jippermetti lill-kumpaniji li qed jinvestu sabiex jagħmlu profitti attraenti. Minħabba d-daqs potenzjali tal-investimenti li qed jiġu kkunsidrati u d-dħul baxx ta' bħalissa f'ħafna klassijiet ta' assi finanzjarji, dan huwa qafas propizju għal kumpaniji li lesti li jinvestu

  • It-tieni nett, ir-regolaturi nazzjonali għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa sħiħa ta' rimedji għall-aċċess li minnhom, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tas-suq nazzjonali, jagħżlu selezzjoni xierqa li tistimola d-dħul fis-suq u l-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrasturttura.

  • It-tielet nett, ir-regolament ex ante applikabbli meta tibda titħaddem in-netwerk tal-fibri għandu jirrifletti differenzi fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn swieq individwali u żoni (rurali u urbani) fis-suq inkwistjoni, li jirriżulta f'regolamentazzjoni ħafifa f'każijiet fejn il-forzi kompetittivi jkunu b'saħħithom (operaturi tal-kejbil u internet mobbli tal-futur)

  • Fl-aħħar nett, ir-Rakkomandazzjoni tappoġġa bis-sħiħ l-arranġamenti ta' koinvestiment fin-netwerks tal-NGA u tippermetti l-iffissar ta' prezzijiet tal-aċċess li huma orħos lill-infrastruttura tal-fibri miftuħa bħala kumpens tal-impenji bil-quddiem fuq kuntratti b'terminu ta' żmien twil jew fi kwantità.

Ir-Regolaturi Nazzjonali għandhom jagħtu "l-akbar kont"

Mil-lat legali, l-Artikolu 19 tad-Direttiva Qafas (Id-Direttiva 2002/21/KE) jesiġi li l-Istati Membri jiżguraw li r-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet tagħhom jagħtu l-ikbar kont lir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni waqt li jwettqu dmirijiethom. Dawn ir-regoli jesiġu wkoll li meta regolatur jagħżel li ma jsegwix ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, huwa għandu jipprovdi spjegazzjonijiet bil-kitba lill-Kummissjoni. Sa issa, fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, kien hemm livell għoli ta' konformità tar-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-passat. Ir-Rakkomandazzjoni tal-NGA se tidħol fis-seħħ hekk kif tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Minn hemm 'il quddiem, se jkun mistenni li r-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet japplikaw il-gwida l-ġdida fid-deċiżjonijiet li jittieħdu ta' kuljum, billi jikkoperaw mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).

Mistoqsijiet frekwenti

X'inhi l-bażi legali tar-Rakkomandazzjoni tal-NGA?

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess regolat għan-netwerks tal-Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss hija bbażata fuq l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas dwar t-telekomunikazzjonijiet)

Il-kumpaniji li jinvestu somom kbar fl-NGA mhumiex intitolati għall-protezzjoni għall-perjodu inizjali?

Ma hemm l-ebda vaganzi regolatorji għan-netwerks tal-NGA. Fil-fatt, l-esperjenza turi li regolament ex ante jista' jsolvi problemi strutturali u jiftaħ swieq għall-kompetizzjoni billi jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għad-dħul fis-suq. Dan jagħti ċarezza lill-parteċipanti ġodda li potenzjalment jistgħu jidħlu fis-suq u b'hekk jinkuraġġixxi l-investiment. L-intrapriżi regolati se jibbenefikaw b'mod partikolari mill-Aworitajiet Regolatorji Nazzjonali li se jqisu bis-sħiħ ir-riskju tal-investiment.

Is-settur tat-telekominikazzjonijiet huwa eżempju tajjeb ħafna tal-ħidma id f'id tar-regolamentazzjoni flimkien mal-kompetizzjoni, u r-regolamentazzjoni tista' tispiċċa bil-mod il-mod filwaqt li tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq.

Għaliex qed jiġu applikati l-istess prinċipji għan-netwerks il-ġodda tal-fibri bl-istess mod kif kienu jiġu applikati qabel fl-infrastuttura bbażata fuq ir-ram?

L-approċċ tal-Kummissjoni jsegwi l-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, li huma bbażati fuq analiżi ekonomika tas-servizzi u tas-swieq, iktar milli fuq l-infrastruttura speċifika li twassalhom. Huwa importanti ħafna li jiġi stabbilit suq ġust għall-parteċipanti kollha, irrispettivament mill-infrastruttura jew tekonoloġija ta' bażi. Iżda r-Rakkomandazzjoni ma testendix biss ir-regoli żviluppati għar-ram għan-netwerks il-ġodda tal-fibri – hija tinkludi wkoll għadd ta' dispożizzjonijiet innovattivi li jadattaw ir-regoli eżistenti għall-kuntest il-ġdid tal-fibri. (ara hawn fuq).

Xi tfisser "saħħa sinjifikanti fis-suq " (SMP), fil-kuntest tar-regolament tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE?

Ġeneralment miżuri regolatorji ekonomiċi ex ante jistgħu jiġu imposti biss jekk il-kompetizzjoni ma tkunx qed taħdem fis-suq analizzat. Dan ikun il-każ meta regolatur isib li operatur għandu SMP u għalhekk jiddeċiedi li jimponi rimedji xierqa. L-idea ta' SMP hija ekwivalenti għall-kunċett ta' dominanza fil-liġi tal-kompetizzjoni, kif definit fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal- UE u tal-Qorti Ġenerali.

Skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas dwar it-Telekomunikazzjonijiet (2002/21/KE), l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji huma mitluba, sabiex janalizzaw is-swieq nazzjonali tagħhom għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u jipproponu miżuri regolatorji xierqa sabiex jindirizzaw il-fallimenti fis-suq, filwaqt li jikkonsultaw mal-industrija. Wara, dawn għandhom jgħarrfu r-riżultati tal-analiżi tagħhom u jipproponu miżuri lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet nazzjonali oħra.

B'mod iktar preċiż, ir-regolatur għandu jiddefinixxi l-konfini tas-suq rilevanti, jivvaluta jekk kien hemm xi parteċipant jew iktar minn wieħed li jkollu SMP f'dan is-suq u meta jinstab operatur li jkun dominanti, ir-regolatur għandu jipproponi rimedji regolatorji xierqa sabiex jiżgura li jkun hemm kompetizzjoni effettiva.

Id-dħul mill-investimenti ta' kumpanija fin-netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss ma jiġix effettivament limitat f'każ li Regolatur jiddeċiedi li kumpanija għandha saħħa sinjifikanti fis-suq?

Jekk jinstab li kumpanija hija dominanti f'suq speċifiku, ir-regolatur nazzjonali jkollu jimponi obbligi regolatorji f'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-aċċess għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (2002/19/KE). Din l-impożizzjoni mhux se tkun arbitrarja, iżda hija proporzjonata man-natura tal-problema u mal-istrutturi rispettivi tas-suq. Huwa rakkomandat li r-regolaturi nazzjonali jimponu sett ta' rimedji xierqa (iktar milli eżawrjenti) sabiex jindirizzaw id-dominanza fis-suq.

Pereżempju, f'ċerti ċirkostanzi, regolatur jista' jiddeċiedi li ma jimponix aċċess miftuħ fl-infrastuttura tal-fibri, bħal f'każijiet pereżempju fejn l-infrastruttura eżistenti, pereżempju n-netwerks tat-tip "fibra li tasal sad-djar" u/jew tal-kejbil, u l-prezzijiet attraenti tal-konsumaturi x'aktarx iwasslu għall-kompetizzjoni effettiva. Barra minn hekk, jekk l-obbligi tal-aċċess jiġu imposti, iċ-ċirkostanzi għandhom mnejn jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jagħtu flessibbiltà fil-prezz (jiġifieri l-ħelsien mill-obbligi stretti tal-prezzijiet bħalma hija l-orjentazzjoni lejn l-ispejjeż ex ante) lil kumpanija dominanti. Ir-Rakkomandazzjoni tgħid ukoll li jista' jintuża prezzar tal-aċċess abbażi tal-prezz għall-konsumatur skontat (retail–minus) għall-prodotti tal-aċċess bit stream.

Id-dħul medju mill-konsumaturi għall kull utent ta' bħalissa (ARPU) għall-broadband tal-ġenerazzjoni attwali fl-UE huwa ta' madwar EUR 37 kull xahar. Huwa previst li din il-figura se tiżdied bejn 10 u 15% għall-prodotti tal-broadband b'veloċità għolja ħafna tal-ġejjieni. L-approċċ tar-Rakkomandazzjoni huwa flessibbli u differenzjat biżżejjed sabiex ma jimplikax limitazzjoni fuq id-dħul tal-investituri.

Għaliex fir-Rakkomandazzjoni m'hemmx speċifikat primjum tar-riskju għall-UE kollha li għandu jiġi applikat mir-regolaturi nazzjonali?

Jeħtieġ li l-prezzijiet tal-aċċess regolat jirriflettu l-qagħda ekonomika speċifika tan-netwerk inkwistjoni tal-NGA, li tinkludi stima tar-riskju tal-investiment. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli skont il-kundizzjonijiet tas-suq u t-tip ta' investiment, u għalhekk la jkun ġust u lanqas proporzjonat jekk jiġi impost primjum tar-riskju wieħed għall-UE jew prezz wieħed tal-aċċess. Hu mifhum li l-iffissar tal-prezzijiet regolati (iktar u iktar milli l-ippjanar tar-rimedji) l-aħjar li jitħalla f-idejn ir-regolaturi nazzjonali, abbażi ta' analiżi ekonomika dettaljata għal kull każ individwali, f'konformità mal-prinċipji trattati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

X'għamlet il-Kummissjoni sabiex tipprepara din ir-Rakkomandazzjoni?

Il-Kummissjoni ħadmet fil-qrib mar-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE 27 u mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (http://www.erg.eu.int/) fl-iżvilupp tal-approċċ tagħha. Ir-Rakkomandazzjoni għaddiet ukoll minn żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi fl-2008 u fl-2009, li ammontaw għal 170 sottomissjoni.

Is-sottomissjonijiet għaż-żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi jistgħu jinstabu fuq http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm

L-Istati Membri tal-UE wkoll jappoġġaw bis-sħiħ it-test, u vvutaw favur fil-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet f'Ġunju tal-2010).

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=6070

Ara wkoll MEMO/10/426.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website