Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/10/408

Brussell, il-15 ta’ Settembru 2010

Żgħażagħ Attivi - Mistoqsijiet Frekwenti

(ara wkoll IP/10/1124)

    X’inhi ‘Żgħażagħ Attivi’?

Il-komunikazzjoni Żgħażagħ Attivi tistabbilixxi sensiela ta' azzjonijiet li jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu l-kwalifiki u l-ħiliet li jeħtieġu biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol. Il-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea jikkonċentraw fuq tliet oqsma:

  • Li jiġu mmodernizzati l-edukazzjoni u t-taħriġ biex dawn ikunu iktar rilevanti għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u l-impjegaturi. Fil-mira tal-azzjonijiet se jkun hemm l-iskejjel, l-apprentistati u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba lill-hinn mill-edukazzjoni formali. Għandhom ukoll l-għan li jagħmlu l-edukazzjoni għolja aktar attraenti biex jiżdied il-proporzjon ta' żgħażagħ bi kwalifiki ta' livell għoli.

  • Appoġġ għall-mobilità tal-impjiegi u t-tagħlim. Il-miżuri jinkludu għejjun ġodda tal-informazzjoni fil-livell tal-UE, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tneħħija tal-ostakli għall-mobilità fit-tagħlim, ġenerazzjoni ġdida ta' programmi ta' finanzjament tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u titjib fil-portal Ewropew tal-impjiegi (EURES).

  • Il-provvediment ta’ qafas ġdid tal-UE għall-impjiegi fost iż-żgħażagħ, li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar ir-riforma tas-suq tax-xogħol u aktar għajnuna għas-servizi pubbliċi inkarigati mill-impjiegi biex jitjieb l-appoġġ għaż-żgħażagħ.

    Għaliex l-UE qed tniedi inizjattiva speċifika għaż-żgħażagħ?

Il-ġid futur tal-Ewropa jiddependi fuq iż-żgħażagħ tagħha. Dawn jirrappreżentaw wieħed minn ħamsa tal-popolazzjoni tal-UE u l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom se jkunu deċiżivi fil-kisba tal-mira Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Is-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma jvarjaw bejn pajjiż u ieħor, iżda lkoll qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi simili. Bħalissa, hemm wisq żgħażagħ li jonqsu milli jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ - li mbagħad issarraf f'iktar diffikultà biex isibu impjieg.

Il-kriżi wasslet għal żieda drammatika fil-qgħad fost iż-żgħażagħ. L-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa diffiċli, anki għal dawk li għandhom kwalifiki tajbin.

Dawn l-isfidi jirrikjedu azzjoni koordinata fil-livell tal-UE, biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli ż-żgħażagħ ikunu mħejjija aħjar għas-suq tax-xogħol. Żgħażagħ Attivi se tħeġġeġ lill-pajjiżi sabiex jitgħallmu minn xulxin dwar liema politiki jaħdmu sew u liema le.

Xi azzjonijiet ta’ Żgħażagħ Attivi se jibdew dalwaqt. Xi oħrajn se jinvolvu perspettiva iktar fit-tul taż-żmien. Pereżempju, bħalissa qed tibda t-tħejjija għall-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi għal wara l-2013 b'appoġġ għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi.

    Kif Żgħażagħ Attivi hija differenti minn kulma għamlet l-UE s'issa?

Żgħażagħ Attivi tiġbor flimkien il-miżuri eżistenti u dawk ġodda fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri biex toħloq pakkett ta’ appoġġ aktar effettiv għaż-żgħażagħ. Minkejja li l-programmi eżistenti tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ huma mmirati bil-kbir lejn iż-żgħażagħ (95 % tal-fondi taħt il-Programm tat-Tagħlim tul il-Ħajja jmorru għaż-żgħażagħ, l-għalliema u l-ħarrieġa), din hija l-ewwel strateġija waħdanija fil-livell tal-UE li tħaddan kemm l-edukazzjoni kif ukoll l-impjiegi.

    X’tista’ tagħmel l-UE biex trażżan liż-żgħażagħ milli jħallu l-iskola qabel il-waqt?

Il-ħruġ mill-iskola qabel il-waqt huwa kwistjoni kumplessa: Iż-żgħażagħ iħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ minn kmieni minħabba għadd ta' raġunijiet differenti ħafna minn xulxin, u għalhekk m'hemm l-ebda soluzzjoni waħda ċara. B’mod ġenerali, l-istrateġiji li jrażżnu milli jseħħ dan għanhom ikunu mmirati lejn dawk li huma l-iktar f'riskju, inklużi l-migranti, dawk li ġejjin minn kuntesti soċjoekonomiċi żvantaġġati u gruppi soċjali vulnerabbli oħrajn. Hemm probabbiltà akbar fost is-subien li jħallu l-iskola qabel il-waqt milli fost il-bniet. Għandu jkun hemm ukoll iktar opportunitajiet li wieħed jingħata 'ċans ieħor’ biex dawk li jkunu ħallew l-iskola jkunu jistgħu jergħu lura biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom.

Minkejja li r-responsabbiltà ewlenija għall-għażliet politiċi u d-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament fl-edukazzjoni u t-taħriġ isserraħ fuq l-Istati Membri tal-UE, l-UE għandha rwol importanti ta' sostenn. L-UE, pereżempju, żiedet l-għarfien tal-impatt tal-ħruġ bikri mill-iskola fuq l-ekonomija Ewropea u proponiet miri komuni li jindirizzaw din il-problema. Dan jgħin lill-Istati Membri sabiex jindentifikaw ir-risponsi xierqa, billi jitgħallmu mill-esperjenza tal-Istati sħabhom. Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għal strateġija pan-Ewropea dettaljata li se tindirizza l-ħruġ bikri mill-iskola.

    Kif tista’ Żgħażagħ fl-Azzjoni tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira tal-UE li 40 % taż-żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni għolja jew ekwivalenti?

Biex jiżdied l-għadd ta' żgħażagħ fl-edukazzjoni għolja jew ekwivalenti u biex jiġi żgurat li aktar studenti jiggradwaw hemm bżonn ta’ azzjoni fuq livelli differenti. Parti mit-tweġiba hija li tittejjeb il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni primarja u sekondarja u li jiġi żgurat li l-istudenti jirċievu gwida xierqa dwar l-għażliet fl-edukazzjoni għolja.

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jeħtieġ li jimmodernizzaw biex jiżguraw li l-programmi ta' studju tagħhom ikunu jaqblu aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u s-suq tax-xogħol. L-edukazzjoni għolja jeħtieġ li ssir iktar attraenti għal dawk il-gruppi li bħalissa mhumiex rappreżentati biżżejjed. Dan ifisser li mhux biss ta’ min inħajru aktar studenti ħalli jagħżlu l-edukazzjoni għolja, imma għandna noħolqu metodi ta' studju aktar flessibbli, li jagħmlu l-edukazzjoni għolja aktar aċċessibbli għal dawk li diġà qed jaħdmu.

Żgħażagħ Attivi se tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex itejbu l-kwalità tagħhom permezz ta' iktar ftuħ u kooperazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom ikunu fejn ikunu fid-dinja. Se tipprovdi wkoll informazzjoni iktar trasparenti dwar il-prestazzjoni ta’ istituzzjonijiet individwali permezz ta’ sistema ġdida multidimensjonali ta' rankings universitarji internazzjonali. L-Aġenda għall-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja l-ġdida, li hija parti minn Żgħażagħ fl-Azzjoni u se tkun ippreżentata mill-Kummissjoni s-sena d-dieħla, se tenfasizza azzjonijiet dettaljati dwar dawn il-punti kollha.

    X’inhuma t-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjoni (TEV) u għaliex huma importanti?

It-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali jippermettu lil dak li jkun jikseb il-ħiliet u l-għarfien prattiku li jkun jeħtieġ biex jirnexxielu jsib impjieg. Dan jieħu għamliet differenti fil-pajjiżi varji u huwa offrut f’livelli differenti tal-edukazzjoni, mis-sekondarja sa l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ.

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jintgħażel minn medja ta' madwar 50 % tal-istudenti kollha f'edukazzjoni sekondarja għolja. Dan is-settur jeħtieġ li jiġi mmodernizzat biex isir iktar attraenti u ta' kwalità. Il-proġettazzjonijiet attwali jissuġerixxu li madwar 50 % tal-impjiegi fl-UE fl-2020 se jiddependu fuq kwalifiki ta’ livell medju tat-tip li jipprovdu t-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali.

    L-UE xi trid tgħid b''mobilità'?

F’dan il-kunstest, ‘mobilità’ tfisser li wieħed imur f’pajjiż ieħor biex jistudja, jitħarreġ jew jaħdem. Żgħażagħ Attivi tiddistingwi bejn:

  • Mobilità għat-tagħlim - studju jew taħriġ barra mill-pajjiż ta’ dak li jkun biex jinkisbu ħiliet u esperjenzi ġodda;

  • Mobilità għall-impjiegi - safar f’pajjiż ieħor għal xogħol, fuq medda ta' żmien qasira jew twila.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha storja twila ta' forniment ta' appoġġ finanzjarju b'riżq il-mobilità għat-tagħlim permezz ta' programmi bħal Erasmus, Erasmus Mundus u Marie Curie fl-edukazzjoni għolja, Leonardo da Vinci fl-edukazzjoni vokazzjonali u Comenius fl-edukazzjoni skolastika. Żgħażagħ Attivi timmira li tkabbar u twessa’ l-għarfien tal-għotjiet ta’ fondi li huma disponibbli permezz ta' dawn il-programmi.

Il-libertà li wieħed jaħdem fi Stat Membru ieħor hija jedd garantit għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Żgħażagħ Attivi se tintroduċi miżuri ġodda li jsostnu l-mobilità tal-impjiegi fl-UE. Permezz ta' "L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek", il-Kummissjoni se tipprovdi assistenza prattika, inkluż appoġġ finanzjarju, biex tgħin liż-żgħażagħ isibu opportunitajiet ta' impjieg barra minn pajjiżhom. Illum għad hemm nuqqasijiet ta' ħaddiema f'xi pajjiżi jew setturi filwaqt li f'reġjunijiet oħra l-qgħad għadu għoli. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-SMEs, li huma l-akbar grupp ta' impjegaturi fl-UE, biex joffru x-xogħol liż-żgħażagħ.

    Għaliex l-UE jidhrilha li huwa siewi għaż-żgħażagħ li jqattgħu xi żmien jistudjaw, jittħarrġu jew jaħdmu barra minn pajjiżhom?

F’Suq Waħdieni Ewropew, id-disponibilità ta’ individwi bi kwalifiki għolja b’esperjenza tal-ħajja fi Stati Membri differenti hija vitali għal tkabbir intelliġenti u sostenibbli. L-esperjenza miksuba f’pajjiż ieħor tippermetti lil dak li jkun li jtejjeb il-ħiliet lingwistiċi tiegħu u jiżviluppu kapaċitajiet oħra, bħal kif wieħed jittratta kulturi oħrajn. Dawn il-kapaċitajiet huma prezzjużi għall-iżvilupp personali u l-impjegabilità futura ta’ dak li jkun.

Impjieg f’pajjiż Ewropew ieħor jista’ jista’ jqarreb lill-ħaddiema żgħażagħ lejn is-suq tax-xogħol billi jkunu jistgħu jsibu impjieg iktar faċilment, filwaqt li jtejbu l-ħiliet, l-impjegabilità u l-orizzonti futuri tagħhom fil-qasam tal-impjiegi. F’livell aktar ġenerali, il-mobilità tal-impjiegi tgħin ukoll biex is-swieq tax-xogħol fl-Ewropea jsiru iktar adattabbli, billi joħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol u jgħinu biex jitqabblu b’mod aħjar il-ħaddiema mal-impjiegi.

    Il-mobilità taż-żgħażagħ ittejjeb il-prospetti tiegħek biex issib impjieg?

Iva. Taw prova ta' dan anki studji indipendenti. Akar minn 40 % tal-impjegaturi jqisu bħala importanti l-ewsperjenza miksuba minn studju u xogħol barra l-pajjiż u jikkunsidraw lill-gradwati b'esperjenza internazzjonali bħala iktar probabbli li jassumu impjiegi b'responsabbilitajiet professjonali għoljin. Din kienet is-sejba ewlenija ta’ studju tal-2006 dwar il-valur professjonali tal-iskema Erasmus, miċ-Ċentru Internazzjonali għar-Riċerka dwar l-Edukazzjoni Għolja u l-Università ta’ Kassel, il-Ġermanja. Studju tal-2007 dwar l-impatt tal-programm Leonardo da Vinci fuq l-edukazzjoni vokazzjoni minn Wirtschafts- und Sozialforschung (Kerpen, il-Ġermanja) sab li 58 % ta' dawk qiegħda kisbu impjieg wara t-taħriġ barra minn pajjiżhom u 34 % kisbu impjiegi b’aktar responsabbiltà.

    Żgħażagħ Attivi huwa kontradizzjoni tal-impenn tal-UE b’riżq it-tagħlim tul il-ħajja?

Fl-2009, l-Istati Membri qablu dwar qafas strateġiku ta’ 10 snin għall-kooperazxzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”), b’enfasi fuq l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja. Żgħażagħ Attivi huwa parti waħda mill-istrateġija usa’ tal-UE għat-tagħlim tul il-ħajja. Xi wħud mill-azzjonijiet perċepiti minn Żgħażagħ Attivi, bħat-titjib fir-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba lill-hinn mill-edukazzjoni formali, se jibbenefikaw minnhom persuni ta' kull età.

    Għaliex il-Kummissjoni qed tiffoka fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ, meta l-qgħad żdied fil-forza kollha tax-xogħol?

Iż-żgħażagħ taħt il-25 sena huwa wieħed mill-gruppi fil-forza tax-xogħol li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi. Bħalissa, 5.2 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-UE-27 huma qiegħda - jiġifieri wieħed minn kull ħames żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad għaż-żgħażagħ żdiedet minn 14.7 % f’Marzu 2008 għal 20.2 % f'Lulju 2010. Meta wieħed iqis l-għadd imnaqqas ta' opportunitajiet ta' impjiegi f'bosta Stati Membri u l-wasla annwali ta' żgħażagħ ġodda fuq l-għatba tas-suq tax-xogħol, huwa urġenti li tittieħed azzjoni b'riżq iż-żgħażagħ.

    Fil-prattika, l-UE kif se tindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ?

Id-dħul fis-seħħ ta' politiki u miżuri li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa qabelxejn responsabbiltà nazzjonali, iżda l-Istati Membri kollha qed jiffaċċjaw sfidi komuni. Biex intejbu s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, neħtieġu politiki li jkopru l-passi li ż-żgħażagħ għandhom jieħdu biex mill-edukazzjoni jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ix-xogħol, u li jipprovdu appoġġ lil dawk li qed isibuha diffiċli jieħdu dawn il-passi. Żgħażagħ Attivi se tiffoka l-politiki f'manjiera strateġika biex tgħin liż-żgħażagħ isibu l-ewwel impjieg u mbagħad ikomplu jagħmlu progress fil-karriera tagħhom. Il-Kummissjon se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tidentifika l-azzjonijiet u l-miżuri politiċi li jservu biex jispiraw it-tiswir tal-politiki. Se jkun hemm ukoll fondi ġodda disponibbli għal żewġ azzjonijiet aċċessibbli direttament għaż-żgħażagħ:

  • Mis-sena d-dieħla se nibdew azzjoni pilota "L-Ewwel Impjiegi EURES Tiegħek” biex ngħinu liż-żgħażagħ jaħtfu l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol usa' tal-UE, u biex ngħindu lill-kumpaniji jsibu ħaddiema kwalifikati. Din l-inizjattiva hija sostnuta bi sħiħ mill-Parlament Ewropew u ngħata baġit addizzjonali għall-2011 biex titnieda din l-azzjoni.

  • Il-“faċilità ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress Ewropew” il-ġdida se tagħmilha aktar faċli għall-intraprendituri żgħażagħ biex ikollhom aċċess għall-kreditu. Dan huwa importanti billi wara l-kriżi finanzjarja sar iktar diffiċli li wieħed jikseb self, b’mod speċjali għall-ġenerazzjoni żagħżugħa.

    X’jista’ jagħmel illum il-EURES għaż-żgħażagħ?

Parti essenzjali mir-rwol tal-EURES, li huwa s-servizz tal-impjiegi Ewropew li jiġbor flimkien is-servizzi tal-impjiegi minn madwar l-UE, hija li jgħin biex iqabbel il-ħaddiema mal-impjiegi - Dan jipprovdi informazzjoni, pariri u għajnuna biex wieħed isib impjieg fis-27 pajjiż tal-UE, u anki fin-Norveġja, l-Islanda, il-Liechtenstein u l-Isvizzera. L-EURES għandu wkoll netwerk ta’ aktar minn 850 konsulent speċjalizzat li jistgħu joffru għajnuna u pariri personalizzati fuq aspetti prattiċi, legali u amministrattivi tal-moviment bejn pajjiż u ieħor.

Il-portal tal-EURES (www.eures.europa.eu) joffri dejtabejż b’aċċess dirett għal madwar nofs miljun postijiet battala tax-xogħol u jippermettilek tirreġistra s-CV tiegħek onlajn.

B'xiehda tas-suċċess tal-EURES nistgħu nsemmu din l-istatistika: aktar u aktar impjegaturi u impjegati qed jużaw dan is-servizz. F’dawn l-aħħar tliet snin, l-għadd ta' postijiet battala fuq il-portal tal-EURES kiber bi 18 %, l-għadd ta' CVs tal-impjegati bi 12 %, u - l-aktar importanti - l-għadd ta’ impjegaturi b’129 %. Kull xahar, 700,000 persuna jżuru l-portal tal-EURES, biex b’hekk dan huwa wieħed mill-iktar siti tal-internet tal-UE li jaraw traffiku.

    X’tagħmel Żgħażagħ Attivi kontra l-qagħda mwiegħra fl-impjiegi taż-żgħażagħ?

Iż-żgħażagħ spiss jiffaċċjaw l-insikurezza fuq ix-xogħol u jistgħu jintasbu f'sensiela ta' kuntratti temporanji. Bħalissa, 40 % tal-impjegati fl-UE taħt il-25 sena jinsabu fuq kuntratti temporanji. Dawn it-tipi ta' kuntratti mhumiex ħżiena fihom infushom: dawn jippermettu lill-azjendi jittestjaw lill-ħaddiema qabel ma joffrulhom kuntratti permanenti, u jippermettu wkoll liż-żgħażagħ jippruvaw aktar impjieg jew iktar tul l-ewwel seba' snin tagħhom fis-suq tax-xogħol. Iżda wisq żgħażagħ jinqabdu f'sensiela ta' impjiegi temporanji, speċjalment f'pajjiżi fejn l-impjiegi permanenti huma protetti sew permezz tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi. Dan iwassal għal suq tax-xogħol fuq żewġ binarji fejn il-ħaddiema żgħażagħ ftit ikollhom ċans li jimxu 'l quddiem għal kuntratti aktar stabbli bla data tat-tmiem. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri b’regoli tal-impjiegi ta’ dan it-tip jintroduċu tip ta’ kuntratt "waħdieni" bla data tat-tmiem b'żjieda gradwali fil-jeddijiet ta' protezzjoni tal-impjegat, sabiex isir iktar attraenti fost l-impjegaturi ta’ dawn il-pajjiżi li jħaddmu magħhom iż-żgħażagħ.

    Għaliex il-Kummissjoni trid tiddefinixxi l-kwalità tal-apprentistati?

L-apprentistati huma ferm utli għaż-żgħażagħ sabiex jirfsu għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol, u l-impjegaturi jabbinaw valur ikbar mal-kandidati li jkunu kisbu esperjenza tax-xogħol f'xi apprentistat. Iżda xi impjegaturi jafu jużaw l-apprentistati biex jieħdu post l-impjegati regolari jew il-perjodi ta' prova. Gwida ta' kwalità ta' natura li ma tkunx torbotx legalment fil-livell Ewropew tkun tista’ tgħin liż-żgħażagħ, lill-impjegaturi u lill-istituzzjonijiet tat-taħriġ biex jiddefinixxu l-apprentistati ta’ kwalità għolja.

Bosta żgħażagħ jattendu apprentistat f’xi Stat Membru ieħor. Billi l-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali dwar l-apprentistati tvarja bejn is-27 Stat Membru tal-UE, il-Kummissjoni se tqiegħed wkoll għad-dispożizzjoni informazzjoni dwar ir-regolamenti differenti ħalli żżid it-trasparenza għaż-żgħażagħ li jikkunsidraw xi apprentistat barra minn pajjiżhom.

    Biex tkun taf aktar:

Il-websajt ta’ Żgħażagħ Attivi: http://europa.eu/youthonthemove

Il-Komunikazzjoni dwar Żgħażagħ Attivi (COM(2010)477 finali), tal-15 ta’ Settembru 2010, li tistabbilixxi l-istrateġija kumplessiva ta' Żgħażagħ Attivi:

http://ec.europa.eu/education/yom/com_en.pdf

Żgħażagħ Attivi: Taqsira għall-Pubbliku:

http://ec.europa.eu/education/yom/cs_mt.pdf


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site