Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ittra tal-President Barroso lill-Membri tal-Parlament Ewropew

European Commission - MEMO/10/393   07/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/10/393

Brussell, 7 ta' Settembru 2010

Ittra tal-President Barroso lill-Membri tal-Parlament Ewropew

"Għażiż President Buzek,

Sena ilu ppreżentajt il-linji gwida politiċi tiegħi għall-ħames snin li ġejjin lill-Parlament Ewropew u pproponejt relazzjoni speċjali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni. Ninnota b'sodisfazzjon li fil-ftit xhur minn meta l-Kulleġġ tal-Kummissarji preżenti beda ħidmietu konna kapaċi nagħtu tifsira politika u prattika lil dan l-approċċ. B'mod partikolari kien tassew importanti li nikkonkludu l-Ftehim Qafas ġdid tagħna mill-aktar fis biex b'hekk issa r-relazzjonijiet tagħna huma msejsa fuq qafas ċar u miftiehem.

Kif taf, il-Ftehim Qafas tagħna jagħmel tibdiliet importanti fil-mod kif il-Kummissjoni tadotta l-Programm ta' Ħidma tagħha. Huwa jipprevedi li l-adozzjoni tal-Progamm ta' Ħidma tkun ippreċeduta minn diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tagħna dwar il-prijoritajiet politiċi għall-Unjoni. Jipprevedi wkoll li l-President tal-Kummissjoni jagħmel diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea quddiem il-plenarja. Flimkien ma’ dan id-diskors, nixtieq nipprovdilek ħarsa ġenerali lejn l-elementi ewlenin li jiggwidaw it-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni. Dan għandu jsostni skambju ta' fehmiet bejn il-Kummissjoni u l-Parlament li ser jgħin biex il-Kummissjoni tiffinalizza l-programm ta' ħidma tagħha għall-2011 sa tmiem Ottubru kif previst fil-Ftehim Qafas.

Kif ser tara minn din l-ittra, matul il-bqija tal-2010 ser issir enfasi qawwija fuq kwistjonijiet ekonomiċi, li ser tkompli fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni li jmiss. Dan jirrifletti l-fatt li l-indirizzar tal-kriżi ekonomika ser jibqa' ta' prijorità. Aħna ser inkunu qegħdin inressqu proposti u nipproċedu b'politiki li l-għan tagħhom huwa li tittejjeb il-kundizzjoni tal-ekonomija tal-UE u ser nikkonċentraw l-isforzi tagħna fuq proposti li jistgħu jgħinu sabiex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli u jinħolqu impjiegi ġodda. Dan għandu jkun ta' tama għaċ-ċittadini tagħna tul l-UE kollha u juri l-valur miżjud reali ta' azzjoni fil-livell tal-UE. Nittamaw li jirnexxielna nilħqu ftehim mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex nipprogrammaw negozjati “mħaffa” dwar ċerti proposti ewlenin li huma fundamentali għall-irkupru ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi. Dan ikun xhieda ta' kif is-sistema tagħna ta' teħid ta' deċiżjonijiet hija kapaċi tirreaġixxi għal ħtiġijiet u urġenzi partikolari.

Fil-bqija tal-ittra ġbart l-elementi ewlenin li qegħdin nikkunsidraw għall-Programm ta' Ħidma futur tagħna taħt l-intestaturi li ġejjin:

Governanza ekonomika u regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji

ll-Kummissjoni ppreżentat l-ideat li servew ta’ qafas għad-dibattitu dwar it-tisħiħ tal-governanza tal-politika ekonomika fl-UE u fiż-żona tal-euro. Il-bażi hija s-sorveljanza mtejba ta’ politiki fiskali, politiki makroekonomiċi u riformi strutturali. Dan għandu jkun appoġġjat minn mekkaniżmi ta’ infurzar sodi biex jiġu evitati jew korretti l-eċċessi li jistgħu jipperikolaw it-tkabbir u jheddu l-istabbiltà finanzjarja komuni tagħna.

Il-Kummissjoni malajr ħadet azzjoni biex timplimenta l-aġġustamenti meħtieġa għall-"kodiċi ta' kondotta" tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir u ser tissokta l-azzjoni fuq miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza diretta tagħha. Sejrin inressqu proposti leġiżlattivi fl-aħħar ta’ Settembru. Dawn il-proposti se jkunu l-kandidati ovvji għal ftehim interistituzzjonali ta' pprogrammar biex “jitħaffu" l-konsiderazzjoni u l-adozzjoni tat-testi.

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat b'mod attiv ħafna fil-kodeċiżjoni dwar il-qafas regolatorju ġdid għas-settur tas-servizzi finanzjarji tal-UE. Kif stabbilixxejna f’Ġunju, il-Kummissjoni ser tiffinalizza l-programm tagħha ta' riforma finanzjarja billi tagħmel proposti ulterjuri fosthom dwar ġabra ta' strumenti ta' ġestjoni ta' kriżi għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ banek li jfallu, aktar trasparenza tas-suq, sanzjonijiet kontra l-abbuż mis-suq, aktar tisħiħ tar-regoli dwar il-kapital tal-banek u inizjattivi għat-titjib tal-governanza korporattiva fis-settur finanzjarju. Fil-jiem li ġejjin se nippreżentaw proposti leġiżlattivi biex ikun hemm trasparenza u sigurtà fis-swieq tad-derivattivi u biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ bejgħ skopert illegali, inklużi “credit default swaps”. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proposti se jiġu adottati mill-Kummissjoni matul il-ħarifa li jmiss, filwaqt li l-bqija jsegwu fil-bidu tas-sena d-dieħla; b’hekk ħa niżguraw ukoll li nkunu wettaqna l-impenji internazzjonali tagħna lill-G 20. Aħna ser naħdmu mill-qrib mal-Parlament biex inħaffu d-deċiżjonijiet dwar dawn il-proposti.

Il-Programm ta' Ħidma tal-2011 ser jinkludi:

  • Ix-xogħol li hemm għaddej biex jitlesta u jiġi konkluż qafas ġdid għall-governanza ekonomika, inklużi l-proposti leġiżlattivi.

  • Il-miżuri finali għall-iffinalizzar tar-riforma komprensiva tas-sistema finanzjarja Ewropea: ir-reviżjoni tal-MIFID; ir-regoli tal-UCITS dwar depożitarji u remunerazzjoni; leġiżlazzjoni dwar prodotti ta' investiment mhux professjonali offruti flimkien; emendi ulterjuri għar-regolament dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu; leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-fondi għar-riżoluzzjoni tal-banek; leġiżlazzjoni dwar il-governanza korporattiva. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll azzjoni fuq l-konklużjonijiet li għandhom jintlaħqu fil-ħarifa f'oqsma bħat-taxxi fuq is-settur finanzjarju.

Ewropa 2020 – strateġija ta' tkabbir għall-UE

Il-proposti tal-Kummissjoni għal strateġija ġdida ta’ tkabbir għall-UE huma issa stabbiliti bħala l-qafas ċentrali għall-futur. L-Ewropa 2020 hija bbażata fuq il-presuppożizzjoni li l-irkupru u l-futur tal-Ewropa jiddependu fuq tkabbir għaqli, sostenibbli u inklussiv, b’miri kwantifikati u azzjonijiet konkreti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Din intlaqgħat tajjeb ħafna u ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju. Issa jmiss li din l-istrateġija tiġi implimentata, b'enfasi partikolari biex jiġu kkonċentrati sforzi fuq l-elementi tagħha li jżidu t-tkabbir. Il-Kummissjoni diġà nediet l-inzjattiva ewlenija tal-Aġenda Diġitali u sa tmiem din is-sena hija ser tressaq Inizjattivi Ewlenin oħrajn, fosthom dwar l-Unjoni ta’ Innovazzjoni, il-Politika Industrijali, iż-Żgħażagħ Attivi, Kapaċitajiet u Impjiegi Ġodda u l-Pjattaforma kontra l-faqar. Aħna beħsiebna wkoll inressqu 'l quddiem l-elementi ewlenin tal-inizjattiva ewlenija tal-UE dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi, partikolarment fl-enerġija u t-trasport, b’mod koerenti mal-istrateġija globali tagħna dwar it-tibdil fil-klima. Mument sinifikanti għall-2011 ċertament ser ikun l-implimentazzjoni tal-ewwel sena tal-approċċ tal-2020, bl-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali kmieni fl-2011 li jnedi s-semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika .

Il-pjattaforma soċjali korretta għall-immodernizzar tal-Ewropa

Is-soċjetajiet tagħna huma msejsa fuq mudell soċjali, fejn it-tkabbir u l-benesseri, il-kompetittività u l-inklużjoni jikkumplimentaw lil xulxin. Dan huwa mudell uniku, li jipprovdi opportunitajiet għal kulħadd, li madanakollu jrid jiġi żviluppat b'mod kostanti biex ikun effettiv. Fid-dawl tal-kriżi attwali għandna nikkonċentraw l-isforzi tagħna fuq il-ġlieda kontra l-qgħad billi noħolqu l-impjiegi. Jeħtieġ li nieħdu azzjoni, noffru għajnuna, taħriġ u inkoraġġiment kulfejn ikun hemm il-possibbiltà. Jeħtieġ li l-UE taħdem mal-gvernijiet u mas-sħab soċjali biex tiżgura li nsegwu kull possibbiltà biex noħolqu impjiegi siewja u sostenibbli. F'konformità mal-impenji li għamilt lill-Parlament, il-Kummissjoni se tipproponi li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u se tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Kkolokati.

L-Ewropa 2020 rrikonoxxiet ir-rwol ewlieni tal-edukazzjoni bħala l-ġebla tax-xewka li fuqha jinbnew il-prosperità u l-ġustizzja soċjali. Jeħtieġ li l-UE teżamina x'kontribuzzjoni tista' tagħmel biex tgħin lill-gvernijiet nazzjonali jilħqu l-miri tagħhom għas-sena 2020.

Il-miżuri fil-Programm ta' Ħidma tal-2011 għandhom jinkludu wkoll:

  • Reviżjoni tal-pakkett dwar is-Servizzi ta' Interess Ġenerali tal-2005, partikolarment fid-dawl tal-qafas ta' kwalità għal servizzi pubbliċi u soċjali

  • Inizjattivi dwar id-dimensjoni Ewropea fl-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja, partikolarment fir-rigward tal-universitajiet, u fl-iżgurar ta’ ekwità fl-edukazzjoni

L-isfruttar tal-potenzjal tas-Suq Uniku

Is-Suq Uniku huwa wieħed mill-kisbiet ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea u l-akbar vantaġġ tagħna għall-irfid tal-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. B'nebħ mir-rapport komprensiv li tħejja minn Mario Monti fuq talba li għamiltlu, il-Kummissjoni ser tippreżenta "Att dwar is-Suq Uniku" ambizzjuż li jiġbor lista ta' proposti prijoritarji, kemm ta' natura leġiżlattiva kif ukoll oħrajn, li għandhom jitressqu matul l-2011, kollha bil-għan li jħallu benefiċċji diretti fuq il-kumpaniji u ċ-ċittadini. L-"Att dwar is-Suq Uniku" ser jinkludi titjib għar-regoli tal-akkwist pubbliku, proposti għal bażi komuni u kkonsolidata tat-taxxa korporattiva (CCCTB) u sforzi sostnuti biex jitnaqqsu t-tariffi tar-roaming għaċ-ċittadini f'Ewropa mingħajr fruntieri, u l-iżvilupp ta' qafas għall-identità u l-awtentikazzjoni elettroniċi. Il-mira tagħna għandha tkun li nagħmlu differenza vera għall-SMEs u għal parteċipanti ewlenin oħrajn fis-suq uniku.

Id-dritt ċivili Ewropew joffri possibbiltajiet addizzjonali għall-iffaċilitar ta' operazzjonijiet transkonfinali billi jimla l-lakuni fis-Suq Uniku. Fost it-tħassib regolari tal-impriżi żgħar u medji hemm dawk dwar kif jitfassal kuntratt u kif jistgħu jitħallsu għall-prodotti jew is-servizzi li jbigħu.

Il-Programm ta' ħidma tal-2011 se jinkludi:

  • Miżuri li għandhom jiġu stabbiliti fl-Att dwar is-Suq Uniku

  • Qafas ta' referenza Ewropew dwar il-liġi kuntrattwali u azzjoni kontra t-tfixkil li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji u ċ-ċittadini meta jippruvaw jirkupraw pretensjonijiet ta' dejn fi Stati Membri oħra. Meta l-aċċess għall-kapital ikun limitat, l-infurzar rapidu ta' pretensjonijiet huwa essenzjali għas-sopravivenza tan-negozji

  • Valutazzjoni tal-progress fl-iżvilupp tas-servizzi tar-roaming

  • Regoli riveduti dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku

  • Il-konklużjoni tal-ħidma dwar rimedji kollettivi

  • Id-definizzjoni ta' kif l-UE tista’ tikkontribwixxi fl-indirizzar tal-isfida maġġuri tar-riforma fil-pensjonijiet

Regolamentazzjoni intelliġenti

Fl-elaborazzjoni tal-proposti tagħha, l-Kummissjoni ser tosserva l-ogħla standards ta' regolamentazzjoni intelliġenti u tapplika approċċ orizzontali b'saħħtu u b'bażi soda għat-tfassil tal-politika, msejjes fuq sistema integrata ta' valutazzjoni tal-impatt u fir-rispett tal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà. Se nkomplu nagħmlu proposti biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-impriżi żgħar u medji u aħna impenjati li naħdmu mal-istituzzjonijiet l-oħrajn biex niżviluppaw dan l-approċċ.

Il-Kummissjoni ser tissokta wkoll il-ħidma tagħha biex tiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba u responsabbli tal-baġit tal-UE. Hija ser taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fuq il-qafas regolatorju li jirregola lill-OLAF, l-uffiċċju tal-UE ta' kontra l-frodi.

Lejn soċjetà li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti

Pilastru ewlieni tal-Ewropa 2020 hija l-ħtieġa li jiġi ġġenerat aktar tkabbir bl-użu ta’ anqas riżorsi. Is-soċjetà Ewropea teħtieġ viżjoni li tinkoraġġixxi d-direzzjoni ġdida fit-tul tal-ekonomija tagħna lejn tkabbir li huwa tassew sostenibbli. Dan ifisser l-integrazzjoni ta’ elementi differenti tal-politika dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-trasport u l-ambjent f’approċċ koerenti dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ġejjieni b’użu baxx ta' karbonju. Dan għandu jikkontribwixxi għall-preparamenti għas-Samit Dinji Rio +20 fl-2012.

Jidher ċar ukoll li l-agrikoltura ser ikollha rwol maġġuri fl-indirizzar ta' wħud mill-akbar sfidi bħas-sigurtà alimentari globali, it-twaqqif tat-telfien tal-bijdiversità u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali tagħna. Għadaqstant il-Kummissjoni ser tipproponi riforma sostanzjali tal-politika agrikola komuni biex timmodernizzaha u biex din tkun tista' twieġeb għall-istennijiet tas-soċjetà Ewropea li trid settur agrikolu sostenibbli, kompetittiv u li jħares l-ambjent.

L-UE ser tissokta żżomm ir-rwol ewlieni tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima – kemm fil-politiki interni tagħna u kif ukoll f'dawk esterni. Se nkomplu nistabbilixxu s-sisien tal-aktar programm ta’ ħidma ambizzjuż li hemm fid-dinja kontra t-tibdil fil-klima u se nkomplu wkoll nippruvaw nikkonkludu ftehim globali li jwassal għat-tnaqqis ambizzjuż li neħtieġu fl-emissjonijiet.

Fix-xhur li ġejjin, il-politika tal-enerġija se tkun prijorità fl-aġenda tagħna, li taqdi l-għanijiet stabbiliti fir-rigward tal-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista. F'din is-sena diġà se nippreżentaw pjan ta' azzjoni dwar l-enerġija, li ser jieħu s-sura ta' dokument ta' strateġija li jistabbilixxi l-punti ta' azzjoni prijoritarji għall-2011-2020. Dan ser jintrifed minn ħidma biex jinħoloq l-aħjar ambjent għall-immodernizzar tal-infrastruttura Ewropea tal-enerġija.

Il-Programm ta' Ħidma tal-2011 se jinkludi:

  • L-ippjanar ta' ekonomija b'użu baxx ta' karbonju sal-2050, u l-istabbiliment tax-xenarji li fihom l-UE tista’ twassal għal bidla drastika fl-enerġija u t-trasport fid-deċennji li ġejjin;

  • Proposti biex it-tibdil fil-klima jiġi integrat fil-politiki tal-UE

  • Proposti għall-immodernizzar u r-riforma tal-politika agrikola komuni

  • Strateġija dwar l-effiċjenza tal-enerġija li tippjana kif tista' tintlaħaq il-mira ta' 20% għall-2020, pereżempju fis-setturi tal-bini, tas-servizzi u tat-trasport

  • L-istabbiliment tal-qafas regolatorju xieraq biex titwitta t-triq għal infrastruttura tal-enerġija, li tagħti prijorità partikolari lil sistemi ta’ distribuzzjoni intelliġenti

  • Approċċ ġdid għall-infrastruttura strateġika tat-trasport tal-Ewropa

  • Ħarsa komprensiva lejn il-kwistjoni tal-kapaċità tal-ajruporti biex tingħata spinta lill-kompetizzjoni, jinqdew aħjar l-interessi tal-konsumaturi u titjieb il-prestazzjoni ambjentali tal-ajruporti.

  • Era ġdida għall-Politika Komuni tas-Sajd.

L-involviment taċ-ċittadini

Il-Kummissjoni ser tressaq proposti għat-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini fil-movimenti tagħhom bejn fruntiera u oħra. Għandna wkoll ikollna l-għan li niffinalizzaw il-ħidma dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini, biex b'hekk l-Ewropej ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ minn din iż-żieda fid-drittijiet ta' parteċipazzjoni tagħhom.

L-UE għandha tkompli xxandar ir-relevanza diretta tal-politiki tagħha għaċ-ċittadini u tippromwovi dimensjoni distintement Ewropea li tirrifletti r-rikkezza u diversità kulturali tagħha.

Biex l-UE ssir post aktar sikur

It-Trattat ta' Lisbona jagħti kompetenzi ġodda lill-UE biex l-Ewropa tkun tista' tinbidel f'post aktar miftuħ, fejn l-ivvjaġġar u n-negozju jkunu jistgħu jsiru b'mod aktar faċli, iżda biex issir ukoll post aktar sikur, fejn strateġija effettiva ta' sigurtà interna tiżgura li l-kriminali u t-terroristi ma jkunux jistgħu jisfruttaw lakuni fis-sistema. Il-Kummissjoni ressqet programm ambizzjuż ferm għas-snin li ġejjin – il-Pjan ta' Azzjoni tal-Programm ta' Stokkolma – u aħna ninsabu determinati li nżommu l-bilanċ li dan jirrifletti bejn il-bżonn għas-sigurtà u l-ħtieġa tal-libertà.

Il-miljuni ta' vjaġġaturi li ta’ kuljum jaqsmu l-fruntieri ma jixtiqux żieda f’daqqa fil-piżijiet li jaffaċċjaw. Jeħtieġ li nkunu miftuħa għal skambji internazzjonali u niftħu għajnejna għall-benefiċċji ekonomiċi li l-ftuħ internazzjonali jġib miegħu. L-immigrazzjoni hija riżorsa ewlenija għas-soċjetà Ewropea. Iżda jeħtieġ li tgawdi mill-fiduċja taċ-ċittadini Dan ifisser politika komuni tal-immigrazzjoni, li tagħmel distinzjoni ċara bejn l-immigrazzjoni legali u dik illegali, u sistema li tamministra sewwa l-isfida tal-asil. Is-sena d-dieħla ser nissuġġerixxu li nikkumplimentaw il-pakkett dwar il-migrazzjoni legali li ilna li bdejna naħdmu fuqu sa mill-2005. Aħna sejrin inwettqu wkoll azzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari, fi sħubija mal-pajjiżi ta' oriġini.

Il-Programm ta' Ħidma tal-2011 ser jinkludi:

  • Proposta biex jingħata appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità

  • Qafas legali komprensiv għall-protezzjoni tad-dejta personali fl-UE

  • Aktar ħidma biex jiġu żgurati r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi f'materji matrimonjali u ta' responsabbiltà tal-ġenituri

  • Proposti għas-simplifikazzjoni tal-ivvjaġġar tal-viżitaturi u fl-istess ħin għal kontroll aktar effettiv tal-fruntieri esterni tagħna, bi Programm ta' Vjaġġaturi Reġistrati u Sistema ta' Dħul/Ħruġ

Il-Qafas Finanzjarju multiannwali li jmiss

Is-sena d-dieħla l-Kummissjoni se tippreżenta l-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss. Jeħtieġ li l-infiq tagħna jirrifletti l-isfidi ewlenin li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa u jeħtieġ li jikkontribwixxi għall-ksib tal-għanijiet ta' politika ewlenin tagħna, partikolarment l-istrateġija Ewropa 2020. Bħala prinċipju ewlieni, il-baġit tal-UE għandu jkun iffokat fuq politiki fejn ikun jista' jagħmel differenza u joħloq valur miżjud reali. Fl-istess ħin, jeħtieġ li s-sistema tal-Unjoni ta’ Riżorsi Proprji tiġi modernizzata u razzjonalizzata.

Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-Kummissjoni, li ser titressaq fil-ġimgħat li ġejjin, se tipprovdi opportunità tajba biex issir diskussjoni dwar il-prinċipji u l-għażliet ewlenin li għandhom isawru l-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss. L-avvenimenti prinċipali fl-2011 ser jinkludu:

  • Il-proposti ewlenin għal Qafas Finanzjarju Multiannwali, fl-ewwel nofs tal-2011

  • Proposti ddettaljati għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi ta' nfiq Fost il-punti prinċipali hemm il-leġiżlazzjoni li tirregola l-Politika Agrikola Komuni mill-2013 'il quddiem; dwar il-politiki għall-koeżjoni, għall-indirizzar tal-qgħad u għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali għall-Ewropa 2020; dwar l-inxprunar tal-innovazzjoni u l-iżviluppar ta' infrastruttura u interkonnessjoniet tat-trasport u tal-enerġija u kif ukoll it-twettiq tal-aġenda diġitali. Se jkunu wkoll ta’ importanza ewlenija l-istrumenti biex jinbnew il-politiki esterni tal-Unjoni u għall-applikazzjoni ta' politiki fl-oqsma taċ-ċittadinanza u l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

Direzzjoni ġdida fir-relazzjonijiet esterni

L-istrutturi l-ġodda tal-UE fil-qasam tal-politika esterna, maħluqa bit-Trattat ta' Lisbona, dalwaqt ser jibdew jiffunzjonaw bis-sħiħ. Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġja s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u miegħu ser ikollna kooperazzjoni mill-qrib ħafna.

Issa li l-istrutturi diġà jinsabu fis-seħħ, għandna l-opportunità li nippromwovu politika komprensiva u integrata dwar l-isfidi esterni ewlenin li qegħdin niffaċċjaw illum, niffokaw l-isforzi tagħna fuq sħab strateġiċi, u nuru li l-UE hija kapaċi tuża leħen wieħed bħala sieħeb b'saħħtu u affidabbli. Il-Kummissjoni ser tippreżenta l-viżjoni tagħha dwar kif jistgħu nimmassimizzaw ir-rwol tal-UE fid-dinja biex nimmarkaw l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona.

Parti integrali minn dan l-approċċ huwa li nippromwovu l-valuri u l-interessi tagħna b'mod koordinat mal-firxa sħiħa ta' strumenti esterni tal-UE. Għall-Kummissjoni, dan għandu jinkludi politika ta' żvilupp effettiva, iffokata fuq fejn jista' jkollha impatt veru għal dawk li jeħtiġuha. L-element essenzjali tal-impenn tal-UE madwar id-dinja għadu dak li tingħata għajnuna li dawk li jintlaqtu minn diżastri umanitarji; għandhom jitressqu mill-aktar fis possibbli proposti biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tirreaġixxi malajr u b'mod effikaċi għal kriżijiet umanitarji.

Biex ikun żgurat li l-vantaġġi tal-kummerċ ħieles ikun ta' benefiċċju għal kulħadd, l-istrateġija l-ġdida dwar il-politika tal-kummerċ ta’ din il-ħarifa se tagħmel pressjoni għal aktar ftuħ tal-ekonomija internazzjonali kemm fil-livell multilaterali u kif ukoll f'dak bilaterali. Bl-istrateġija ġdida tagħna dwar l-investiment internazzjonali, il-Kummissjoni bdiet tieħu f'idejha l-kompetenza esklussiva ġdida dwar l-investiment dirett barrani u tistabbilixxi l-orjentazzjonijiet strateġiċi prinċipali filwaqt li żżomm ċertezza legali sħiħa għall-investituri permezz ta' arranġamenti tranżitorji. Ninsabu ħerqana biex nikkooperaw mal-Parlament u mal-Kunsill biex inlaħħmu din l-istrateġija b'inizjattivi konkreti.

Il-Programm ta' Ħidma tal-2011 ser jinkludi:

  • Analiżi estensiva tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp u tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, fuq il-bażi tal-analiżi tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju fl-Avveniment ta' Livell Għoli li ser isir fi New York

  • Adattament tal-iskema għal preferenzi kummerċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandu japplika minn tmiem l-2014

  • Reviżjoni maġġuri tal-istrumenti ta' għajnuna umanitarja

  • Tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità tagħna ta' reazzjoni għall-kriżijiet permezz ta' proposti għall-ġbir tal-kapaċità u l-loġistika tal-Istati Membri

  • Isir progress fil-proċess tat-tkabbir abbażi tal-approċċ li ser jitressaq mill-Kummissjoni f'Novembru 2010

  • Politika tal-Viċinat riveduta

Fl-aħħar, nittama li dan l-approċċ ġdid għall-ipprogrammar li ftehimna dwaru ser jipprovdi bażi soda għal kooperazzjoni interistituzzjonali. Il-ħidma tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, fil-forma tar-rapport fil-qosor tagħhom, diġà serviet ta’ kontribut importanti għar-riflessjonijiet tagħna. Ninsab ħerqan li nirċievi l-kontribut tal-Parlament wara proċess ta’ konsultazzjoni bejn il-Kummissarji individwali u l-Kumitati relevanti, u li neżamina l-proċess kollu miegħek u mal-Konferenza tal-Presidenti qabel ma l-Kulleġġ jadotta l-Programm ta' Ħidma b'mod finali."


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website