Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/10/343

Brussell, 20 ta’ Lulju 2010.

Il-Programm għas-Sikurezza tat-Triq 2011-2020: miżuri ddettaljati

Illum il-Kummissjoni adottat Programm ambizzjuż għas-Sikurezza tat-Triq li għandu l-għan li jnaqqas bin-nofs l-imwiet tat-traffiku fl-Ewropa fid-deċennju li jmiss. Il-programm jistabbilixxi taħlita ta' inizjattivi kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell nazzjonali li jiffokaw fuq it-titjib tas-sikurezza tal-vetturi, is-sikurezza tal-infrastruttura u l-imġiba tal-utenti tat-triq.

Ċifri ewlenin:

  • Is-sikurezza tat-triq hija kwistjoni soċjali importanti. Fl-2009, fl-Unjoni Ewropea, iktar minn 35 000 persuna mietu kawża ta' inċidenti fatali tat-traffiku, jiġifieri l-ekwivalenti ta' belt medja.

  • Għal kull mewt kawża tat-traffiku fit-toroq Ewropej, huwa stmat li jseħħu erba' korrimenti li jwasslu għal diżabbiltà permanenti bħal dannu għall-moħħ jew għax-xewka tad-dahar; għaxar korrimenti serji u 40 korriment ħafif.

  • Il-kost ekonomiku għas-soċjetà huwa stmat li jammonta għal EUR 130 biljun kull sena.

Il-Programm għas-Sikurezza tat-Triq (2011-2020) fid-dettall:

Hemm Seba' Objettivi Strateġiċi

1. Miżuri ta' Sikurezza Mtejba għall-Vetturi

Diġà sar ħafna xogħol fil-perjodu bejn l-2001 u l-2010 rigward it-tagħmir "passiv" ta' sikurezza għall-vetturi bħaċ-ċintorini tas-sigurtà u l-airbags. Bejn l-2011 u l-2020 se jidħlu fis-seħħ sensiela ta' miżuri ta' "sikurezza attiva" ġodda għat-tagħmir ta' sikurezza li jinkludu:

  • Kontroll elettroniku tal-istabbiltà obbligatorju (għall-karozzi, xarabanks, u trakkijiet biex jitnaqqas ir-riskju ta' distabbilizzazzjoni jew li jinqelbu l-karozzi).

  • Sistemi ta' avviż tat-tluq mill-korsija obbligatorji (għat-trakkijiet u x-xarabanks)

  • Sistemi awtomatiċi ta' bbrejkjar f'każ ta' emerġenza obbligatorji (għat-trakkijiet u x-xarabanks)

  • Tfakkiriet taċ-ċintorini tas-sigurtà obbligatorji (karozzi u trakkijiet)

  • Sistemi tal-kontroll tal-veloċità obbligatorji għall-vetturi kummerċjali żgħar/vannijiet (diġà introdotti għat-trakkijiet)

  • Għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku, il-Kummissjoni se tressaq pakkett ta' miżuri konkreti li jistabbilixxu standards tekniċi għas-sikurezza.

  • Il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li testendi l-implimentazzjoni ta' Sistemi Avvanzati ta' Assistenza għax-Xufiera bħal sistemi ta' twissija ta' kolliżjonijiet, billi jkunu installati wara l-manifattura fuq vetturi kummerċjali u/jew privati.

  • Mill-2003, il-leġiżlazzjoni tal-UE issaħħet biex tnaqqas ir-riskju ta' korrimenti għall-gruppi vulnerabbli bħall-persuni mexjin fit-triq, iċ-ċiklisti eċċ, billi għamlet obbligatorji, pereżempju, l-użu ta' strutturi li permezz tagħhom il-parti ta' quddiem tal-karozzi tassorbi l-enerġija u ta' mirja li juru partijiet tat-triq li ma jkunux jidhru b'mirja komuni. Jeħtieġ li f'dan il-qasam jkunu kkunsidrati azzjonijiet tekniċi ulterjuri.

  • Is-sikurezza tal-vetturi fit-toroq - testijiet tekniċi perjodiċi (test tal-VRT)

  • Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-testijiet tekniċi perjodiċi (test tal-VRT) bl-għan li tistabbilixxi rikonoxximent reċiproku tal-ispezzjonijiet tal-VRT, biex it-testijiet tekniċi li jsiru fi Stat Membru wieħed ikunu rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor.

2. Bini ta' infrastruttura tat-toroq iktar sikura

  • Il-fondi Ewropej se jingħataw biss għal infrastruttura li tikkonforma mad-Direttivi dwar is-sikurezza tat-triq u s-sikurezza fil-mini. Dan diġà kien il-każ għall-iffinanzjar tat-TEN-T, iżda l-Kummissjoni trid testendi dan bħala prinċipju ġenerali għal kwalunkwe ffinanzjar tal-UE, pereżempju l-fondi ta' koeżjoni.

  • Se tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-prinċipji tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura għat-toroq rurali tal-Istati Membri. Din il-leġiżlazzjoni tirrikjedi li, meta tkun qed tiġi żviluppata l-infrastruttura, ir-rekwiżiti tas-sikurezza jkunu kkunsidrati fil-proċess tal-ippjanar, fl-istadju ta' qabel isir id-disinn u waqt id-disinn. Tirrikjedi wkoll l-awditjar tas-sikurezza tal-infrastruttura, l-identifikazzjoni ta' postijiet fejn jistgħu jseħħu inċidenti tat-traffiku u spezzjonijiet. L-estensjoni ta' dawn il-prinċipji għat-toroq rurali tista' ssir fuq il-bażi ta' skambju tal-aħjar prattika mill-Istati Membri.

3. Stimolu għat-Teknoloġija Intelliġenti

  • Il-Kummissjoni se tipproponi speċifikazzjonijiet tekniċi fid-Direttiva ITS (Id-Direttiva dwar is-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti) sabiex id-dejta u l-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu skambjati faċilment bejn il-vetturi u bejn il-vetturi u l-infrastruttura (pereżempju biex jippermettu informazzjoni f'ħin reali dwar il-limiti tal-veloċità, dwar il-flussi tat-traffiku, il-konġestjoni u r-rikonoxximent tal-persuni mixjin fit-triq.)

  • Il-Kummissjoni se tħaffef l-iskjerament tal-e-call kif ukoll se tikkunsidra l-estensjoni tagħha għaċ-ċiklisti, għat-trakkijiet kbar u għax-xarabanks.

4. Tisħiħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti tat-triq

L-utent tat-triq huwa l-ewwel ħolqa fil-katina ta' sikurezza u l-iktar wieħed li jista' jiżbalja. Irrispettivament mill-miżuri tekniċi stabbiliti, l-effettività tal-politika tas-sikurezza tat-triq fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq l-imġiba tal-utenti. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-infurzar huma essenzjali.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tiżviluppa strateġija komuni edukattiva u ta' taħriġ dwar is-sikurezza tat-triq. Fil-livell tal-UE, waħda mill-prijoritajiet se tkun it-tisħiħ tal-kwalità tas-sistema ta' liċenzjar u taħriġ, speċjalment l-estensjoni tad-Direttiva dwar il-Liċenzji tas-Sewqan biex tistabbilixxi:

  • Kriterji minimi għal dawk li jħarrġu lix-xufiera

  • L-integrazzjoni ta' sewqan akkumpanjat/apprentistat fil-perjodu qabel tingħata l-liċenzja (jiġifieri l-istabbiliment ta' età minima, esperjenza u kundizzjonijiet għall-pajjiżi li jagħżlu li jużaw din is-sistema).

  • Il-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà li jkunu introdotti perjodi ta' prova wara t-test għal-liċenzja tas-sewqan (meta japplikaw kontrolli iktar stretti għax-xufiera ġodda li jkunu għadhom kemm ingħataw il-liċenzja)

  • Il-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà tal-introduzzjoni tas-sewqan ekoloġiku fit-testijiet teoretiċi u prattiċi għal sewqan iktar sikur u nadif.

5. Infurzar aħjar

L-effettività tal-politiki tas-sikurezza tat-triq tiddependi ħafna fuq l-intensità tal-kontrolli fuq il-konformità mar-rekwiżiti ta' sikurezza. L-infurzar jibqa' fattur ewlieni għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet għat-tnaqqis konsiderevoli tal-għadd ta' mwiet u korrimenti. Is-sewqan b'veloċità qawwija, is-sewqan minn persuni xurbana u n-nuqqas li jintlibes iċ-ċintorin tas-sigurtà għadhom meqjusa bħala t-tliet kawżi ewlenin ta' mwiet fit-toroq. Il-miżuri li jsaħħu l-kontrolli ta' infurzar nazzjonali u fl-UE kollha se jinkludu:

  • L-iżvilupp, mill-Istati Membri, ta' pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali (pereżempju miri rigward kwistjonijiet ta' prijorità u l-intensità ta' kontrolli fuq livell nazzjonali).

  • Kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-UE kollha

  • Fil-każ ta' sewqan minn persuni xurbana, il-penali għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri preventivi. Pereżempju, il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri leġiżlattivi biex tirrikjedi użu obbligatorju ta' sistemi alco-lock għal każijiet professjonali speċifiċi, bħal xarabanks tal-iskola, jew fil-kuntest ta' programmi ta' rijabilitazzjoni (għal xufiera professjonali u mhux professjonali) wara reati ta' sewqan minn persuni xurbana.

  • L-ikbar reat transkonfinali tas-sewqan għadu s-sewqan b'veloċità qawwija. Il-Kummissjoni se tagħti prijorità lill-adozzjoni ta' miżuri legalment vinkolanti dwar l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tat-triq (Direttiva proposta fl-2008) li jippermettu l-identifikazzjoni u s-sanzjonar ta' persuni barranin li jwettqu reati tat-traffiku relatati maċ-ċintorini tas-sigurtà, il-veloċità, l-alkoħol u reati tat-traffiku żgħar.

6. L-istabbiliment ta' Mira għall-Korrimenti tat-Traffiku

It-tnaqqis tal-għadd ta' korrimenti se tkun azzjoni ta' prijorità ewlenija għall-Ewropa għad-deċennju li jmiss. Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-elementi ta' strateġija komprensiva ta' azzjoni rigward il-korrimenti tat-traffiku u l-ewwel għajnuna, inklużi:

  • L-istabbiliment ta' definizzjonijiet komuni ta' korrimenti serji u ħfief biex ikunu definiti miri bl-għan li tkun stabbilita mira komuni għall-UE kollha dwar il-korrimenti tat-traffiku biex ikunu integrati fil-Linjigwida dwar is-Sikurezza tat-Triq 2010-2020.

  • Il-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar ir-reazzjoni ta' servizzi ta' emerġenza għal inċidenti, kif ukoll l-istabbiliment ta' ġbir ta' dejta u analiżi mill-UE kollha dwar korrimenti.

  • Il-kunsiderazzjoni tal-valur addizzjonali tal-iżvilupp u l-installazzjoni ta' reġistraturi ta' dejta ta' avvenimenti ('kaxxi suwed'), b'mod partikolari f'vetturi professjonali, biex jitjiebu l-investigazzjonijiet tekniċi u l-analiżi tal-inċidenti.

7. Attenzjoni speċifika għas-sewwieqa tal-muturi

Il-Kummissjoni se tiffoka b'mod partikolari fuq il-muturi u l-"vetturi b'żewġ roti bil-mutur" (Powered Two Wheelers (PTWs)) oħrajn. Filwaqt li għal mezzi ta' trasport permezz ta' vetturi oħra ġie rreġistrat tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' inċidenti fatali tat-traffiku u ta' korrimenti serji matul iż-żmien, fil-każ tas-sewwieqa tal-vetturi b'żewġ roti bil-mutur dan it-tnaqqis kien ħafna inqas jew baqa' l-istess.

Se jkunu proposti fuq livell Ewropew miżuri għall-vetturi b'żewġ roti bil-mutur:

  • biex ikunu introdotti għadd ta' miżuri funzjonali ta' sikurezza għall-vetturi bħal pereżempju l-installazzjoni obbligatorja ta' Sistemi ta' Bbrekjar Avvanzati, sistemi ta' sikurezza Automatic Headlamp On u miżuri aġġornati kontra t-tbagħbis (sabiex il-kontrolli tal-veloċità ma jkunux jistgħu jitneħħew) għal ċerti kategoriji ta' vetturi b'żewġ roti bil-mutur.

  • biex ikunu żviluppati standards tekniċi dwar tagħmir protettiv bħall-ħwejjeġ u biex tkun studjata l-fattibbiltà li l-muturi jkunu mgħammra b'airbag u/jew ikun inkluż airbag fil-ħwejjeġ protettivi.

  • biex tkun estiża l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-testijiet tekniċi tal-VRT/spezzjonijiet għall-muturi u għal vetturi oħra b'żewġ roti bil-mutur (li bħalissa ma teżistix).

Programm ta' azzjoni dwar is-sikurezza tat-triq 2001-2010

Għalkemm il-mira ambizzjuża stabbilita fl-2001 biex jonqsu bin-nofs l-għadd ta' inċidenti fatali tat-traffiku sal-2010 ma ntlaħqitx għal kollox, sar progress sinifikanti. Pereżempju, l-għadd ta' inċidenti fatali tat-traffiku huwa mistenni jonqos b'iktar minn 40 % (meta mqabbel mat-tnaqqis ta' 25 % fid-deċennju preċedenti). Il-Pjan ta' Azzjoni naqqas ukoll il-livell medju ta' mwiet tat-traffiku għal kull miljun abitant minn 113 fl-2001 għal 69 fl-2009 fis-27 Stati Membri kollha. Dan huwa viċin il-livell tal-aħjar prestazzjoni tal-Istati Membri fl-2001 (Ir-Renju Unit, l-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi b'61, 62 u 66 inċident fatali tat-traffiku rispettivament għal kull miljun abitant). Il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Sikurezza tat-Triq (2001-2010) kien katalist kbir għall-UE u għall-isforzi nazzjonali biex titjieb is-sikurezza tat-triq.

Aktar tagħrif:

IP/10/970

http://ec.europa.eu/transport/road_safety/events-archive/2010_07_20_road_safety_2011_2020_en.htm

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website