Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/10/325

Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-istrateġija ġdida tal-UE rigward il-kultivazzjoni tal-OMĠ

Għaliex il-Kummissjoni qiegħda tadotta dan il-pakkett illum u x'jinkludi?

F'Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li qabel is-sajf kienet sejra tippreżenta proposta dwar kif tista' tgħaqqad is-sistema ta' awtorizzazzjoni msejsa fuq dejta xjentifika tal-UE mal-libertà għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jikkultivawx jew le l-Organiżmi Modifikati Ġenetikament (OMĠ). Il-pakkett adottat illum iwettaq dan l-impenn u jikkonforma bis-sħiħ mal-pożizzjoni meħuda mill-President Barroso fil-linji gwida politiċi li ppreżenta f'Settembru 2009.

Liema huma l-miżuri ta' koeżistenza u x'tibdil iġġib magħha r-Rakkomandazzjoni ġdida dwar il-koeżistenza?

L-għan tal-miżuri ta' koeżistenza, f'żoni fejn jiġu kkultivati l-OMĠ, hu li jevitaw il-preżenza mhux prevista tal-OMĠ fi prodotti oħra, filwaqt li jipprevejnu t-telf ekonomiku potenzjali u l-impatt tat-traċċi ta' raba' ġenetikament modifikat fir-raba' mhux ġenetikament modifikat, bħal raba' konvenzjonali u organiku.

L-esperjenza miksuba matul l-aħħar snin turi li l-Istati Membri jeħtieġu aktar flessibbiltà sabiex jitiqesu l-kundizzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali partikolari tagħhom meta jiġu definiti l-miżuri maħsuba biex jorganizzaw il-kultivazzjoni tar-raba' ġenetikament modifikat kif ukoll dak konvenzjonali u organiku.

Ir-Rakkomandazzjoni ġdida dwar il-koeżistenza tagħraf li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex jevitaw il-preżenza mhux prevista ta' OMĠ fi prodotti oħra taħt il-limitu ta' tikkettar ta' 0.9 %. Meta l-miżuri ta' koeżistenza ma jkunux biżżejjed biex tiġi evitata l-preżenza mhux prevista ta' OMĠ fir-raba' konvenzjonali jew organiku, l-Istat Membri jistgħu jillimitaw il-kultivazzjoni tal-OMĠ f'żoni kbar tat-territorju tagħhom. Dawn il-miżuri ta' restrizzjoni jridu jkunu proporzjonati mal-għan mixtieq (jiġifieri l-ħarsien tal-ħtiġijiet partikolari tal-biedja konvenzjonali jew organika).

Fl-2009 l-Kummissjoni ppubblikat it-tieni rapport dwar l-istrateġiji nazzjonali għall-koeżistenza tar-raba' ġenetikament modifikat mal-biedja konvenzjonali u organika. Ir-rapport juri li 15-il Stat Membru adottaw il-leġiżlazzjoni dwar il-koeżistenza filwaqt li tlieta oħra nnotifikaw abbozz tal-leġiżlazzjoni.

L-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza (ECoB) jiżviluppa flimkien mal-Istati Membri l-aħjar prassi għall-koeżistenza, li tikkunsidra l-ħtieġa ta' flessibbiltà għall-Istati Membri biex jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali u reġjonali tagħhom.

Għal aktar tagħrif dwar l-ECoB żur is-sit elettroniku: http://ecob.jrc.ec.europa.eu/

Liema hi l-proċedura attwali għall-awtorizzazzjoni tal-kultivazzjoni tal-OMĠ?

L-OMĠ jiġu awtorizzati fil-livell tal-UE, każ b'każ fuq il-bażi tal-użi partikolari definiti fl-applikazzjoni tal-kumpanija wara stima pożittiva tar-riskji għas-saħħa u l-ambjent. L-applikazzjonijiet għall-kultivazzjoni tal-OMĠ jistgħu jiġu ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament jekk dawk l-OMĠ għandhom jintużaw bħala materjal ta' bażi fil-produzzjoni tal-ikel u l-għalf. L-OMĠ jistgħu wkoll jiġu awtorizzati skont id-Direttiva għar-rilaxx intenzjonat ta' OMĠ fl-ambjent (id-Direttiva 2001/18/KE) għal użi għajr l-ikel/l-għalf. Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri għandhom rwol sinifikanti, filwaqt li jwettqu l-istima tar-riskji inizjali tal-OMĠ għall-kultivazzjoni.

Għal aktar tagħrif dwar il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni żur is-sit elettroniku:

http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=MEMO/10/58

Liema huma l-emendi għal-leġiżlazzjoni attwali proposti mill-Kummissjoni?

L-emenda proposta tipprovdi għaż-żieda ta' artikolu wieħed fid-Direttiva 2001/18/KE, li jippermetti b'mod espliċitu lill-Istati Membri jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorji tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jużaw kwalunkwe raġuni biex jagħmlu hekk, differenti minn dawk koperti mill-istima tar-riskju għas-saħħa u l-ambjent tal-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-UE. Għaldaqstant, il-proposta tagħti lill-Istati Membri l-kompetenza li jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni.

Malli tidħol fis-seħħ l-emenda legali, l-Istati Membri jkunu liberi li jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ kollha jew dawk partikolari, fit-territorju kollu tagħhom jew f'partijiet minnu. Din l-emenda se tapplika għall-OMĠ kollha li ġew awtorizzati għall-kultivazzjoni fl-UE, kemm skont id-Direttiva 2001/18KE kif ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Skont din il-proposta l-Istati Membri huma awtorizzati biss li jadottaw miżuri kontra l-kultivazzjoni tal-OMĠ. Mhumiex awtorizzati jadottaw miżuri li jipprojbixxu l-importazzjoni u/jew it-tqegħid fis-suq fl-UE ta' żrieragħ modifikati ġenetikament awtorizzati.

Diġà qed jiġu kkultivati OMĠ fl-UE?

Iva. Hemm tip wieħed ta' qamħirrum ġenetikament modifikat –MON 810– li huwa kkultivat kummerċjalment fl-UE. Il-modifikazzjoni ġenetika ta' dan il-prodott timmira li tħares ir-raba' minn organiżmu ta' ħsara – il-corn borer Ewropew. Dan ġie awtorizzat fl-1998.

Il-patata tal-lamtu modifikata ġenetikament, magħrufa bħala l-patata "Amflora", ġiet awtorizzata għall-kultivazzjoni u l-ipproċessar industrijali fit-2 ta' Marzu 2010. Din il-patata tal-lamtu fiha kontenut ogħla ta' lamtu amylopectin. Dan il-lamtu hu maħsub għal użi industrijali, bħall-produzzjoni tal-karta.

Liema huma l-pjanti modifikati ġenetikament li huma awtorizzati fl-UE biex jintużaw fl-ikel u/jew fl-għalf?

Apparti l-kultivazzjoni, it-tqegħid fis-suq tal-UE ta' OMĠ u l-użu tal-prodotti derivati minnhom fil-katina tal-ikel u l-għalf huwa suġġett għal awtorizzazzjoni tal-UE.

Mil-lum, il-lista ta' OMĠ awtorizzati tinkludi wkoll: prodott wieħed tal-pitravi, tliet prodotti tas-sojja, tliet prodotti taż-żrieragħ tal-lift, sitta tal-qoton u 17 tal-qamħirrum.

Wieħed mill-aktar OMĠ awtorizzati riċentement huwa l-patata tal-lamtu "Amflora". Bħalma huwa l-każ għal patata tal-lamtu konvenzjonali, l-"Amflora" mhijiex maħsuba biex tintuża bħala ikel. Il-prodott sekondarju tal-patata tal-lamtu (polpa) hu awtorizzat bħala għalf. Il-preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta' din il-patata fl-ikel u fl-għalf tal-annimali, ġiet awtorizzata sa livell li ma jaqbiżx iż-0.9 %.

Il-lista ta' pjanti modifikati ġenetikament awtorizzati u l-ambitu tal-awtorizzazzjoni tagħhom jinsabu fir-reġistru tal-UE tal-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament, li wieħed jista' jikkonsulta fis-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/food/dyna/gm_register/index_en.cfm

L-Istati Membri diġà pprojbixxew il-kultivazzjoni ta' OMĠ?

Sitt Stati Membri (l-Awstrija, l-Ungerija, Franza, il-Greċja, il-Ġermanja u l-Lussemburgu) adottaw miżuri ta' salvagwardja u pprojbixxew il-kultivazzjoni tal-qamħirrum modifikat ġenetikament MON810 fit-territorji tagħhom. Barra minn hekk, l-Awstrija, il-Lussemburgu u l-Ungerija nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-patata "Amflora". Il-Polonja għandha fis-seħħ leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ modifikati ġenetikament kollha.

L-Istati Membri issa jistgħu jqisu mill-ġdid il-miżuri ta' salvagwardja tagħhom dwar il-kultizzjoni tal-OMĠ, meta ma jkun l-ebda ġustifikazzjoni xjentifika, u minflok jużaw ir-Rakkomandazzjoni aktar flessibbli dwar il-koeżistenza adottata llum biex jevitaw il-preżenza mhux prevista ta' OMĠ f'raba' ieħor.

Ladarba ż-żieda proposta llum tal-artikolu rilevanti fid-Direttiva 2001/18/KE tibda tapplika, l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ bla ma jirrikorru għall-klawżola ta' salvagwardja meta ma jiġi identifikat l-ebda riskju xjentifiku ġdid.

Hemm OMĠ oħrajn għall-kultivazzjoni li dwarhom l-UE tista' tieħu deċiżjoni qabel ma tibda tapplika l-bidla legali?

Hemm aktar minn għaxar talbiet għal awtorizzazzjoni ta' OMĠ għall-kultivazzjoni (jew biex tiġġedded l-awtorizzazzjoni), fi stadji differenti tal-proċedura.

Erba' OMĠ jinsabu fi stadju avvanzat. Dawn irċevew opinjoni favorevoli mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tagħhom (jew it-tiġdid tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni) tinsab għaddejja. L-opinjoni favorevoli tal-EFSA dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum MON810, li tipproteġi l-pjanta kontra ċerti insetti, ġiet adottata f'Ġunju 2009. Hemm żewġ prodotti oħra tal-qamħirrum modifikat ġenetikament – il-qamħirrum Bt 1507 (applikazzjoni mressqa minn Pioneer) u l-qamħirrum Bt 11 (applikazzjoni mressqa minn Syngenta) -, li wkoll jipproteġu l-pjanta kontra ċerti insetti. L-opinjonijiet favorevoli tal-EFSA ġew adottati rispettivament f'Jannar 2005 u f'April 2005, u l-abbozzi tad-deċiżjonijiet biex jiġu awtorizzati dawn iż-żewġ OMĠ ġew ivvotati fil-25 ta' Frar 2009 fil-qafas tal-Kumitat Regolatorju skont id-Direttiva 2001/18/KE. Ma nkisbitx maġġoranza kwalifikata. Ir-raba' wieħed huwa l-qamħirrum NK 603 (applikazzjoni mressqa minn Monsanto), li huwa tolleranti għall-erbiċida RoundUp. L-EFSA adottat opinjoni favorevoli dwar dan il-prodott f'Ġunju 2009.

Mil-lat proċedurali, it-tieni pass għal MON810 u NK603 ikun is-sottomissjoni ta' abbozz ta' deċiżjoni lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali (SCoFCAH) (l-ewwel pass tal-proċedura ta' komitoloġija). Il-Bt 11 u l-Bt 1507 jinsabu f'nofs il-proċedura ta' Komitoloġija, u l-pass proċedurali li jmiss huwa s-sottomissjoni tad-deċiżjonijiet lill-Kunsill.

X'titjib sar fl-istima tar-riskju ambjentali tal-OMĠ minn meta saret it-talba tal-Kunsill f'Diċembru 2008?

Il-Kummissjoni u l-EFSA, flimkien mal-Istati Membri, qegħdin jaħdmu fuq l-oqsma partikolari għal titjib tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-OMĠ, identifikati mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tal-2008.

L-aġġornament tal-linji gwida tal-EFSA għall-istima tar-riskju ambjentali għadu għaddej u jkopri l-oqsma speċifiċi mitluba mill-Kunsill. Minħabba l-kumplessità tas-suġġett, il-ħtieġa li jiġi żgurat proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa u l-għadd kbir ta' kummenti mill-pubbliku (madwar 500), l-EFSA mistennija ttemm il-linji gwida f'Novembru 2010. Il-Kummissjoni mbagħad se tiddiskuti dawn il-linji gwida mal-Istati Membri biex tagħtihom valur normattiv bl-approvazzjoni tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, l-EFSA tinsab fi djalogu mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati, u b'hekk dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-ħidma xjentifika tagħha. L-EFSA ħolqot netwerk ta' esperti tal-Istati Membri biex jaqsmu bejniethom l-għarfien xjentifiku u l-esperjenza. L-EFSA qed tqis ukoll il-kummenti kollha mill-Istati Membri tul il-proċess kollu ta' stima tar-riskju.

Barra minn hekk, l-EFSA għandha sett komprensiv ta' mekkaniżmi interni u proċessi ta' ħidma biex tħares l-indipendenza tal-ħidma xjentifika tal-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp ta' Esperti tagħha, inkluża politika komprensiva dwar dikjarazzjonijiet ta' interess għall-esperti xjentifiċi tagħha. L-EFSA tirrevedi din il-politika regolarment, u kif imħeġġa mill-Kummissjoni, se tkompli ssaħħaħ l-eżami tal-indipendenza tal-esperti tagħha.

Il-Kummissjoni qed tanalizza kif se tkompli ssaħħaħ il-monitoraġġ ambjentali wara t-tqegħid fis-suq ta' raba' tal-OMĠ, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni attwali u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ambjent tal-2008.

Meta l-Kummissjoni se tiffinalizza r-rapport dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-OMĠ?

F'Diċembru 2008, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tipprovdi rapport dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-OMĠ sa Ġunju 2010.

Dan ir-rapport għandu jkun imsejjes fuq tagħrif mogħti mill-Istati Membri, li għamlu sforz importanti biex jikkompilaw it-tagħrif dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-OMĠ u, b'mod partikolari, tal-kultivazzjoni tagħhom. Iżda billi l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri waslu aktar tard milli mistenni, il-Kummissjoni se tiffinalizza r-rapport tagħha sa tmiem l-2010. Dan ir-rapport imbagħad se jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal eżami u aktar diskussjoni.

Nistgħu nantiċipaw tħaffif fil-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-OMĠ u żieda fis-superfiċje taż-żoni kkultivati b'OMĠ fl-UE?

Ma hemm l-ebda tħaffif tal-awtorizzazzjonijiet jew dgħufija tar-rekwiżiti rigorużi ta' stima tar-riskju previsti fil-leġiżlazzjoni. Il-proposta li qed tadotta l-Kummissjoni llum ma tbiddilx dawn ir-rekwiżiti. Għall-kuntrarju, il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2008 ilha għaddejja minn dakinhar. Barra minn hekk, l-iżgurar ta' stima ta' sikurezza skont l-ogħla standards xjentifiċi u l-infurzar tal-funzjoni ta' monitoraġġ kienu u għadhom prijoritajiet għall-Kummissjoni fir-rigward tal-kultizzjoni tal-OMĠ.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur is-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/food/food/biotechnology/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site