Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/10/302

Brussell, 7 ta' Lulju 2010

Green Paper fuq il-pensjonijiet

Għaliex il-Kummissjoni qed tniedi issa din il-Green Paper?

Is-sistemi tal-pensjonijiet Ewropej jinsabu taħt pressjoni mit-tixjiħ demografiku bħala riżultat ta' żidiet fit-tul tal-ħajja u n-nuqqas fir-rati tat-twelid. Mill-2012, il-popolazzjoni tal-età tax-xogħol fl-Ewropa se tibda tiċkien, għalhekk l-isfida hija prinċipalment għalina. Ħafna Stati Membri rriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom fi gradi differenti biex jilħqu din l-isfida, iżda l-kriżi finanzjarja u ekonomika għamlet is-sitwazzjoni aktar diffiċli u aktar urġenti.

F'dan l-isfond, hi f'waqtha t-tnedija ta' dibattitu miftuħ dwar jekk u kif il-qafas tal-livell tal-pensjonijiet tal-UE għandu jiġi żviluppat biex jappoġġja aħjar lill-Istati Membri fil-ħidma diffiċli tagħhom biex jiżguraw li jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom pensjonijiet adegwati, sostenibbli u sikuri - kemm issa kif ukoll fil-futur.

X'inhu r-rwol tal-UE dwar il-pensjonijiet?

It-tfassil tas-sistemi tal-pensjonijiet huwa prinċipalment responsabbiltà tal-Istati Membri u l-Green Paper ma titfax dubju fuq dan. Il-qafas regolatorju fuq livell ta' UE jkopri dawn l-erba' punti ewlenin:

  • 1. Koordinazzjoni transkonfinali tal-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali li tiffaċilita l-moviment ħieles tal-ħaddiema u trattament ugwali għall-ħaddiema li jibdlu l-pajjiż.

  • 2. It-twaqqif ta' suq intern għal skemi okkupazzjonali ffinanzjati u l-istandards minimi meħtieġa fuq regoli prudenzjali għall-protezzjoni tal-membri tal-iskema u l-benefiċjarji.

  • 3. Garanziji minimi li jikkonċernaw il-pensjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet akkumulati fil-każ ta' insolvenza ta' intrapriżi bħala sponsors.

  • 4. Regoli anti-diskriminazzjoni li japplikaw, għalkemm bi ftit differenzjazzjoni, għall-iskemi ta' pensjoni kemm statutorji kif ukoll privati.

Lil hinn minn dan, hemm proċess ta' koordinazzjoni (il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni) użat biex jiffaċilita u jippromwovi riforma nazzjonali, sehem tal-aħjar prattika u jistabilixxi objettivi u indikaturi ta' livell għoli. Fil-livell ta' UE l-għanijiet maqbula għas-sistemi tal-pensjoni huma li dawn huma adegwati u sostenibbli, kif ukoll moderni u trasparenti.

Id-dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni "Leġiżlazzjoni tal-UE, kopertura u inizjattivi relatati" li jakkumpanja l-Green Paper jagħti aktar dettalji dwar dan.

Hemm finalment il-qasam tas-sostenibilità fiskali fejn it-Trattat jobbliga lill-Istati Membri biex imexxu baġits tal-gvern li ma jipperikolawx il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-Kunsill jista' jirrakkomanda azzjoni ta' rimedju (b'mod partikolari fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir), ukoll fil-qasam tas-sigurtà soċjali jekk dan ikun qed jikkawża l-problema.

X'inhu l-għan tal-Green Paper?

Fl-isfond tat-tixjiħ demografiku u l-isfidi addizzjonali imressqa mill-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-Green Paper tfittex l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha fl-UE dwar jekk, u kif, il-qafas tal-livell tal-pensjoni tal-UE għandu jkun l-aħjar aġġustat biex jappoġġja lill-Istati Membri biex jiżguraw li dawn jiksbu l-għan miftiehem ta' pensjonijiet adegwati u sostenibbli għaċ-ċittadini tal-UE.

X'inhuma l-kwistjonijiet ewlenin għad-diskussjoni?

Hemm tliet kwistjonijiet prinċipali taħt l-għanijiet wesgħin ta' sistemi ta' pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u sikuri:

L-ewwelnett, kif il-livell tal-UE jista' jappoġġja lill-Istati Membri hekk kif dawn qed jippruvaw isibu bilanċ bejn il-perjodi ta' xogħol ma' perjodi ta' rtirar, waqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-bidliet strutturali fis-soċjetajiet tagħna u fis-swieq tax-xogħol u l-għomor tal-ħajja li qed jogħla. Dan hu marbut mal-istrateġija Ewropa 2010 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

It-tieni, it-tħassib tagħna huwa dwar it-tneħħija ta' ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema u tal-kapital, li jirriżultaw minn arranġamenti ta' pensjoni, inklużi l-iskemi ta' pensjoni supplementari.

U t-tielet, l-iżgurar tas-sigurtà tal-pensjonijiet issa u fil-futur. Aħna nħarsu lejn il-mitigazzjoni tar-riskju u l-volatilità għall-ħaddiema u l-pensjonanti. Nixtiequ li jiġi żgurat li s-sistemi ta' pensjonijiet iffinanzjati huma sikuri u li jilħqu l-bilanċ ġust bejn l-effiċjenza u s-sikurezza.

Il-Kummissjoni tixtieq tniedi leġiżlazzjoni ġdida?

Din hi Green Paper u għalhekk ma tagħmel l-ebda proposta speċifika u ċerta f'dan l-istadju. Fi kwalunkwe każ, kif jagħmilha ċara d-dokument, bosta aspetti tas-sistemi ta' pensjonijiet huma responsabbiltà tal-Istati Membri. Iżda f'oqsma fejn l-UE għandha kompetenza biex tilleġiżla, ninsabu lesti biex nagħmlu dan (u b'mod partikolari biex nirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti), jekk, wara li jkunu kkunsidrati r-risposti tal-konsultazzjoni, dan ikun ikkunsidrat xieraq.

Il-Kummissjoni qed tirrakkomanda żieda fil-età tal-irtirar?

Le. L-iffissar tal-etajiet tal-irtirar jew iż-żieda tal-età tal-irtirar hu f'idejn l-Istati Membri. Il-Green Paper ma tagħmel l-ebda rakkomandazzjonijiet sodi, u lanqas ma tikkummenta dwar is-sistema ta' pensjoni ta' xi Stat Membru partikolari. It-tfassil ta' sistemi ta' pensjoni huwa kwistjoni għall-gvernijiet nazzjonali u hemm firxa wiesgħa ta' sistemi differenti stabbiliti madwar l-Ewropa.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li n-nies fl-UE qed jgħixu ħajja itwal u din hi kisba enormi. Madankollu, sakemm in-nies, fil-ħajja itwal li jgħixu, ma jibqgħux wkoll aktar fl-impjieg, jew ma jibdewx jikkontribwixxu għall-pensjoni tagħhom minn kmieni fil-ħajja tax-xogħol tagħhom, jew tbati l-adegwatezza tal-pensjonijiet jew isseħħ żieda insostenibbli fl-infiq tal-pensjonijiet. Din hi r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tinkoraġġixxi, kif għamlet fil-passat (permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni), lill-Istati Membri biex jikkunsidraw kif jista' jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn il-ħin imqatta' fix-xogħol u l-ħin mgħoddi fl-irtirar, li jistgħu jinvolvu t-tnejn iktar xogħol u għal iktar żmien.

Il-Kummissjoni qed tipprova tisforza lin-nies biex jieħdu pensjoni privata?

Le. Din hija kwistjoni għall-Istati Membri biex jiddeċiedu. Il-Kummissjoni ma tipproponix b'ħeġġa xi tip wieħed partikolari ta' sistema ta' pensjonijiet. Il-Kummissjoni tagħraf li l-pensjonijiet privati u ffinanzati qed ikollhom rwol dejjem akbar fid-dħul mill-irtirar taċ-ċittadini tal-UE f'ħafna Stati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk għandha l-għan li tgħin u tinkoraġġixxi l-Istati Membri biex ifasslu skemi bħal dawn b'attenzjoni sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu sikuri u b'mod xieraq jimmitigaw ir-riskju u l-volatilità u għalhekk l-għanijiet globali ta' sistemi ta' pensjonijiet adegwati u sostenibbli ikunu sodisfatti.

Ma jkunx hemm kontradizzjoni bejn l-irtirar tard u l-miżuri biex ikun trattat il-qgħad taż-żgħażagħ?

Is-swieq tax-xogħol mhumiex logħba fejn is-somma hija dejjem żero u n-numru tal-impjiegi huwa ffissat u fejn l-impjiegi ġodda jsiru disponibbli biss meta xi ħadd ieħor jirtira. Kieku kien hekk, pajjiżi b'etajiet ta' irtirar għolja u b'ħafna nies anzjani li jibqgħu jaħdmu għandhom ikollhom ukoll problemi biex idaħħlu persuni ta' eta' iżgħar fl-impjieg.

Dan żgur li mhux il-każ. Il-fatt hu li dawk il-pajjiżi b'rati ta' impjiegi ogħla fost nies anzjani għandhom ukoll rati ogħla ta' impjiegi fost il-ħaddiema żgħażagħ. Bil-maqlub, dawk il-pajjiżi b'impjieg relattivament baxx fost il-persuni anzjani għandhom tendenza wkoll li ftit joħolqu opportunitajiet ta' impjieg għaż-żgħażagħ.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ mhix problema kkawżata mill-ħaddiema anzjani jibqgħu "għal żmien twil" fl-impjiegi li kieku jmorru għand persuna żagħżugħa. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu tendenza li jkun pjuttost konsegwenza ta' tnaqqis ekonomiku ġenerali u/jew nuqqasijiet ta' sistemi edukattivi u istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol.

Is-soluzzjoni għall-qgħad fost iż-żgħażagħ mhix dik li jintbagħtu aktar ħaddiema anzjani lejn ħajja ta' irtirar kmieni, għax dan ikompli jżid il-piż tal-finanzjament tal-benefiċċji tal-irtirar fuq il-popolazzjoni żagħżugħa u attiva. It-titjib tas-sitwazzjoni tax-xogħol taż-żgħażagħ jeħtieġ pjuttost sett aktar kumpless ta' miżuri li jvarjaw minn tqabbil aħjar bejn il-ħiliet taż-żgħażagħ u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għal strateġiji ta' attivazzjoni effettivi għat-tneħħija ta' ostakoli istituzzjonali għall-impjegar taż-żgħażagħ.

L-għan tal-Kummissjoni Ewropea huwa li taħdem mill-qrib mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet fattibbli biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fl-impjiegi.

Il-Kummissjoni se tipproponi t-twaqqif ta' sistema ta' garanzija ta' benefiċċju tal-pensjoni?

Dan huwa wkoll suġġett ta' konsultazzjoni. Sistemi bħal dawn jeħtieġu li jiġu kkunsidrati mill-qrib mar-reviżjoni tar-regoli ta' solvenza għall-fondi tal-pensjoni u mar-regoli tal-UE li jimmiraw li jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema meta min iħaddem isir insolventi. Barra minn hekk, għandha tinżamm il-koerenza mas-sistemi ta' ħarsien li qed jiġu riveduti jew proposti fi swieq finanzjarji oħra, b'mod partikolari għal depożiti bankarji, prodotti ta' investiment u poloz ta' assigurazzjoni.

X'kien l-impatt tal-kriżi fuq is-sistemi tal-pensjoni fl-UE?

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika aggravat serjament l-isfida sottostanti tat-tixjiħ. Bil-wiri tal-interdipendenza tal-iskemi varji u bl-iżvelar tan-nuqqasijiet f'xi tipi ta' skemi, din serviet ta' sinjal ta' emerġenza għall-pensjonijiet kollha: qgħad ogħla, tkabbir iktar baxx, livelli ogħla ta' dejn nazzjonali u volatilità tas-swieq finanzjarji għamluha diffiċli għas-sistemi kollha biex iwettqu l-wegħdiet tal-pensjoni.

Dawn l-impatti, apparti l-isfida demografika prinċipali li issa qiegħda magħna, jfissru li r-riformi diffiċli tal-pensjonijiet ma jistgħux iktar jitħallew għal wara.

Kif il-pensjonijiet se jaffettwaw il-mobilità tal-ħaddiema fl-UE?

Fis-suq tax-xogħol tal-lum in-nies jeħtieġ li jkunu kapaċi jibdlu l-impjiegi b'mod faċli u mingħajr ostakli finanzjarji. Min iħaddem jeħtieġ li jkun jista' jirrekluta l-persuna t-tajba bil-ħiliet meħtieġa. U mat-tixjiħ demografiku, in-nies jeħtieġ li jkollhom opportunitajiet għax-xogħol u li jibnu u jżommu d-drittijiet tal-pensjoni, u mhux jitilfuhom minħabba l-bidla tax-xogħol. Din hi r-raġuni għaliex għandna bżonn insibu soluzzjoni għall-ostakli għall-moviment ħieles ikkawżati mir-regoli tal-pensjoni.

Kif taħdem il-konsultazzjoni?

Din hi konsultazzjoni miftuħa li tistieden kummenti minn kulħadd b'interess fil-kwistjoni dwar dak li l-UE tista' tagħmel biex tgħin fl-iżgurar li l-pensjonijiet huma adegwati, sostenibbli u sikuri, issa u fil-futur. Dan jista' jinkludi ċ-ċittadini, l-imsieħba soċjali, il-gvernijiet nazzjonali, is-sorveljanti tas-suq, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni anzjani u l-industriji, b'mod partikolari il-fondi tal-pensjonijiet u l-assigurazzjoni.

B'din il-Green Paper, il-Kummissjoni qed tfittex ideat dwar jekk u kif għandu jsir l-aġġornar tal-qafas fil-livell tal-UE tal-pensjoni, filwaqt li tirrispetta l-fatt li l-Istati Membri huma primarjament dawk responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjoni tagħhom.

Il-perjodu ta' konsultazzjoni se jdum mis-7 ta' Lulju 2010 sal-15 ta' Novembru 2010, u jagħti lin-nies fuq erba' xhur biex jikkonsidraw il-kwistjonijiet imqajma u jirreaġixxu. Kulħadd jista' jikkontribwixxi permezz ta' kwestjonarju online fuq il-link li ġejja: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=839&furtherNews=yes

Alternattivament, dawk mingħajr aċċess għall-web jistgħu jibagħtu r-reazzjonijiet tagħhom bil-posta lil:

European Commission

Green Paper on Pensions consultation

Directorate-General for Employment, Social Affairs & Equal Opportunities – Unit E4

B - 1040 Brussels

X'inhuma l-passi li jmiss?

Wara li jagħlaq il-perjodu ta' konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tiġbor it-tweġibiet u tippubblika dokument sommarju. It-tweġibiet kollha se jitpoġġew ukoll fuq l-internet bħala parti mill-impenn tagħna għall-ftuħ, għalkemm dawk li jwieġbu jistgħu jitolbu l-anonimità.

Huwa kmieni wisq biex ikunu speċifikati l-passi li jmiss, peress li dawn naturalment ikunu jiddependu fuq l-eżitu tal-konsultazzjoni li tajna bidu għaliha. Approċċi possibbli jistgħu jinvolvu White Paper u/jew inizjattivi separati dwar kwistjonijiet fejn tkun diġà saret xi ħidma qabel il-Green Paper.

Madankollu, ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-Green Paper m'għandux ikun ippreġudikat u mezzi oħra ta' segwitu għat-tweġibiet jistgħu jkunu wkoll fattibli.

Iktar informazzjoni

IP/10/905

Green Paper and online consultation:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=839&furtherNews=yes


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website