Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/10/282

Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2010

Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferrovija

Għalfejn kienu nħolqu d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija?

Fl-1 ta' Jannar 2010 it-tielet pakkett leġiżlattiv tal-ferroviji tal-2007 fetaħ is-suq tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija1, kif ukoll - skont l-hekk imsejjaħ Regolament dwar is-Servizz Pubbliku2 - ddefinixxa aħjar il-qafas legali u finanzjarju għall-għoti ta' kuntratti ta' servizz pubbliku marbuta mat-trasport intern sabiex jiżgura liċ-ċittadini 'valur għal flushom' fis-servizzi tat-trasport pubbliku madwar l-Ewropa kollha.

F'dan il-kuntest, fejn qiegħed jinħoloq suq uniku, huma essenzjali miżuri għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-utenti sabiex tingħata protezzjoni xierqa lill-konsumaturi filwaqt li lill-industrija tal-ferrovija jingħatawlha kundizzjonjiet ugwali abbażi tal-kwalità tas-servizzi.

X'inhuma d-drittijiet bażiċi komuni għall-Istati Membri kollha?

Skont ir-Regolament 1371/2007 tal-Passiġġieri tal-Ferrovija, regoli minimi komuni japplikaw madwar l-Ewropa kollha, pereżempju f'każ ta' dewmien jew kanċellazzjoni tal-ferroviji. Barra minn dan, peress li d-drittijiet ma jfissru xejn jekk il-passiġġieri ma jkunux konxji minnhom u jafu kif ifittxuhom, il-kumpaniji tal-ferroviji huma obbligati li jinfurmaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u biex iwaqqfu bords tal-ilmenti.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja, jagħtu eżenzjoni temporanja fuq it-traffiku tal-ferrovija purament domestiku tagħhom għal perjodu ta' mhux aktar minn ħames snin li jista' jiġġedded darbtejn sa massimu ta' ħames snin kull darba (għal total massimu ta' 15-il sena) u deroga permanenti għas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali.

Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ser ikunu mandatorji għat-traffiku kollu tal-ferrovoja: regoli dwar id-disponnibbiltà tal-biljetti; responsabbiltà tal-impriżi tal-ferrovija lejn il-passiġġieri u l-bagali tagħhom; livell minimu ta' assigurazzjoni għall-kumpaniji tal-ferrovija; dritt għat-trasport għall-passiġġieri b'diffikultajiet ta' mobbiltà; informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-ferrovija; u obbligi dwar is-sigurtà personali tal-passiġġieri.

Għalhekk, permezz ta' din il-kombinazzjoni ta' drittijiet ewlenin u eżenzjonijiet possibbli nazzjonali, ir-Regolament jirnexxilu jgħaqqad il-mira li jingħataw drittijiet bażiċi lill-passiġġieri madwar l-UE neċessità ta' kundizzjonijiet eteroġenji għas-servizzi tal-ferrovija fl-Istati Membri.

Xi drittijiet għandhom il-passiġġieri tal-ferrovija b'diżabbiltà jew b'diffikultajiet ta' mobbiltà?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tiżgura li l-passiġġieri b'diffikultajiet ta' mobbiltà jkunu jistgħu jivvjaġġaw b'mod komparabbli maċ-ċittadini l-oħra.

Il-kumpaniji tal-ferrovija u l-maniġers tal-istazzjonijiet iridu jistabbilixxu regoli tal-aċċess nondiskriminatorji għat-trasport tal-persuni b'diżabbiltà u għal dawk b'diffikultajiet ta' mobbiltà, fosthom pereżempju l-anzjani.

Il-kumpaniji tal-ferrovija, dawk li jbigħu l-biljetti u l-operaturi tat-tours huma wkoll obbligati jagħtu informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-ferrovija, dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċess u r-raġunijiet tagħhom meta jintalbu.

Il-kumpaniji tal-ferrovija għandhom jipprovdu lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'diffikultajiet ta' mobbiltà bl-assistenza mingħajr ħlas kemm abbord kif ukoll matul it-tlugħ u l-inżul mill-ferrovija. L-assistenza tingħata bil-kundizzjoni li l-kumpanija tal-ferrovija, il-maniġer tal-istazzjoni, il-bejjiegħ tal-biljetti jew l-operatur tat-tours minn fejn inxtera l-biljett jiġu avżati li l-persuna teħtieġ din l-assitstenza mill-anqas 48 siegħa qabel l-assistenza tkun meħtieġa.

Il-persuna b'diżabbiltà jew il-persuna b'diffikultajiet ta' mobbiltà għandha tasal mill-anqas siegħa qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq jew il-ħin li l-passiġġieri kollha jiġu mitluba jagħmlu ċ-check in jew, jekk l-ebda ħin ma jkun stipulat, mill-anqas nofs siegħa qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq jew il-ħin taċ-check in.

F'każ li l-apparat tal-mobbiltà użat mill-passiġġier b'diżabbiltà jew il-passiġġier b'diffikultajiet ta' mobbiltà jintilef jew jiġrilu ħsarat totali/parżjali, il-kumpanija tal-ferrovija jkollha tagħti kumpens sħiħ.

Xi drittijiet għall-informazzjoni għandhom il-passiġġieri tal-ferrovija?

Minn Diċembru 2009, il-passiġġieri tal-ferrovija fl-Ewropa trid tingħatalhom informazzjoni b'mod komprensiv u bl-aktar format xieraq. F'dan ir-rigward trid tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tan-nies b'diżabbiltà awditorja jew viżiva. Din l-informazzjoni tinkludi:

Informazzjoni ta' qabel il-vjaġġ:

  • X'kundizzjonijiet ġenerali japplikaw għall-kuntratt?

  • Liema huwa l-aktar vjaġġ veloċi u liema jiswa l-inqas?

  • Jeżistu faċilitajiet għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'diffikultajiet ta' mobbiltà kif ukoll għall-passiġġieri bir-roti waqt li jkun telgħin il-ferrovija u abbord?

  • Hemm kompartimenti fejn it-tipjip huwa permess u kompartimenti fejn mhuwiex, jeżistu l-ewwel u t-tieni klassi, u jeżistu vaguni bis-sodod?

  • Il-vjaġġ ser jiġi interrott jew ittardjat?

  • X'tipi ta' servizzi huma offruti abbord?

  • Il-passiġġieri kif u minn fejn jistgħu jiġbru lura l-bagalji mitlufin u kif u minn fejn jistgħu jagħmlu ilment?

Informazzjoni matul il-vjaġġ:

  • X'servizz huma offruti abbord?

  • Liema hu l-istazzjon li jmiss?

  • Il-ferrovija tinsab tard u jekk iva meta mistennija tasal?

  • Liema huma l-konnessjonijiet prinċipali possibbli?

  • X'għandu jitqies f'termini ta' kwistjonijiet ta' sigurtà?

Il-passiġġieri huma intitolati jtelgħu r-roti tagħhom magħhom fuq il-ferrovija?

Il-kumpaniji tal-ferrovija huma obbligati jippermettu lill-passiġġieri jtellgħu r-roti tagħhom fuq kwalunkwe ferrovija, jekk dawn ikunu jistgħu jiġu mmaniġġati faċilment, jekk ma jaffettwawx ħażin is-servizz speċifiku tal-ferrovija, u jekk il-vaguni jkunu jippermettu.

X'jiġri jekk vjaġġ tal-ferrovija jittardja jew jitħassar?

Meta jkun previst dewmien ta' mill-anqas siegħa, il-passiġġieri għandhom għażla bejn:

  • Rimborż tal-prezz sħiħ tal-biljett jew tal-parti li ma tkunx saret u tal-parti li tkun diġà saret jekk il-vjaġġ jitlef l-iskop tiegħu fil-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier. Aktar minn hekk, f'dan il-każ il-passiġġier ikun intitolat għal servizz ta' ritorn lura lejn l-ewwel punt ta' tluq tiegħu mill-aktar fis possibbli.

  • Kontinwazzjoni tal-vjaġġ jew rotta ġdida b'kundizzjonijiet simili lejn id-destinazzjoni finali mal-ewwel opportunità jew f'ġurnata oħra meta jkun konvenjenti għall-passiġġier.

F'każ li l-passiġġier ikompli bil-vjaġġ tiegħu/tagħha minkejja d-dewmien, il-passiġġier ikun intitolat għal kumpens.

Il-kumpens minimu għal dewmien huwa:

  • 25% tal-prezz tal-biljett għal dewmien ta' bejn siegħa u 119-il minuta

  • 50% tal-prezz tal-biljett għal dewmien ta' mill-anqas sagħtejn

Il-kumpens tal-prezz tal-biljett għandu jitħallas fi żmien massimu ta' xahar wara li titressaq it-talba. F'ċerti ċirkustanzi l-passiġġier mhuwiex intitolat għal kumpens, eż. jekk il-kanċellazzjoni, id-dewmien jew it-telf tal-konnessjoni ġraw minħabba ċirkustanzi li t-trasportatur ma setgħax jevita, minkejja li jkun ħa l-miżuri kollha meħtieġa fil-każ partikolari.

Il-kumpanija għandha d-dover tinforma lill-passiġġieri bid-dewmien u l-kanċellazzjoni tal-ferroviji jekk kif din l-informazzjoni tkun disponibbli.

F'każ ta' kwalunkwe dewmien ta' mill-anqas siegħa, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti ikliet u xarbiet bla ħlas fi proporzjon raġonevoli mal-ħin tal-istennija.

Barra minn dan, il-kumpanija tal-ferrovija trid toffri lukanda jew akkomodazzjoni oħra b'xejn kif ukoll trasport bejn l-istazzjon tal-ferrovija u l-post tal-akkomodazzjoni fil-każijiet fejn tkun meħtieġa waqfa ta' lejl jew aktar minħabba d-dewmien.

Jekk il-ferrovija tkun imblokkata fuq il-binarji, il-kumpanija tal-ferrovija trid torganizza trasport lejn l-istazzjon tal-ferrovija, lejn punt alternattiv tat-tluq jew lejn id-destinazzjoni finali tas-servizz, fejn u meta dan ikun fiżikament possibbli.

Jekk is-servizz tal-ferrovija ma jkunx jista' jkompli, il-kumpanija trid torganizza servizzi alternattivi tat-trasport mill-aktar fis.

X'jiġri jekk iweġġa' jew imut passiġġier?

Jekk passiġġier iweġġa' jew imut f'inċident tal-ferrovija, il-kumpanija tal-ferrovija tkun meħtieġa, fi żmien 15-il jum, tħallas l-ispejjeż tal-ħtiġijiet immedjati tal-passiġġieri jew tad-dipendenti tiegħu/tagħha affettwati - li ma għandhomx ikunu ta' inqas minn €21 000 f'każ li l-passiġġier jitlef ħajtu.

Kif jistgħu jilmentaw il-passiġġieri tal-ferrovija?

Il-kumpaniji tal-ferrovija huma obbligati jistabbilixxu mekkaniżmu li jimmaniġja l-ilment marbut mad-drittijiet u l-obbligi koperti bir-Regolament u biex ixandru mal-passiġġieri kollha d-dettalji tal-kuntatt u l-lingwi użati minn din l-entità tal-ilmenti.

L-ilmenti jridu normalment jitwieġbu fi żmien xahar; f'każijiet ġustifikati, il-passiġġier għandu jiġi infurmat sa liema data fi żmien perjodu ta' anqas minn tliet xhur mid-data tal-ilment għandu jistenna risposta.

X'inhu r-rwol tal-Entitajiet Nazzjonali tal-Infurzar (NEBs)?

F'kull Stat Membru ser ikun hemm entità indipendenti (l-"NEB Ferrovija"), li ser tiżgura li l-passiġġieri tal-ferrovija jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet mogħtija skont ir-Regolament, jimmoniterjaw li l-impriżi tal-ferrovija, il-maniġers tal-istazzjonijiet u l-bejjiegħa tal-biljetti jkunu komformi mad-dispożizzjonijiet u l-penalitajiet applikabbli tiegħu fejn xieraq.

Il-Kummissjoni ġiet infurmata bid-deżinjazzjoni ta' NEB Ferrovija fi 23 Stat Membru minn 25 li għandhom sistema tal-ferrovija. Id-dettalji tal-kuntatt tal-NEB Ferrovija ser ikunu disponibbli fil-websajt tal-Kummissjoni f'http://ec.europa.eu/transport/passengers/rail/rail_en.htm

Il-passi li jmiss

Xi drittijiet oħra tal-passiġġieri qegħdin jitħejjew?

Il-Kummissjoni tinsab ħerqana li testendi d-drittijiet tal-passiġġieri għall-modi kollha tat-trasport u għalhekk f'Diċembru 2008 ippreżentat żewġ proposti biex tipproteġi d-drittijiet tal-passiġġieri li jkunu qed jivjaġġaw fuq l-ilma jew b'tal-linja/kowċ. Dan huwa f'komformità mal-għanijiet stipulati fil-Komunikazzjoni mill-Kumissjoni "Tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri fi ħdan l-Unjoni Ewropea", tas-16 ta' Frar 20053.

Il-protezzjoni tal-passiġġieri fis-sistema Ewropea kollha tat-trasport ser tkun kompluta meta l-Parlament Ewopew u l-Kunsill jadottaw leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport bil-karozzi tal-linja u l-kowċies4 kif ukoll tat-trasport bil-baħar u fil-mogħdijiet interni tal-ilma5. Meta jidħlu fis-seħħ, ir-regolamenti għandhom jagħtu lil dawn il-passiġġieri drittijiet komuni bażiċi madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

1 :

Id-Direttiva (KE) 2007/58 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferrovija.

2 :

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/7.

3 :

Il-Komunikazzjoni mingħand il-Kummissjoni lill-Paralment Ewropew u lill-Kunsill "Tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri fi ħdan l-Unjoni Ewropea" [COM(2005) 46 finali].

4 :

Proposta għal Regolamen dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar ta' liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi [COM(2008)817]

5 :

Proposta għar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi [COM(2008)816].


Side Bar