Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/10/247

Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2010

Il-Kummissjoni tistabbilixxi sistema għaċ-ċertifikazzjoni ta' bijofjuwils sostenibbli

(irreferi għal IP/10/711)

X'inhuma l-bijofjuwils?

Il-bijofjuwils huma fjuwils tat-trasport prodotti mill-bijomassa. Il-bijofjuwils l-aktar importanti llum huma l-bijoetanol (magħmula mill-uċuħ tar-raba' taz-zokkor u taċ-ċereali; użati biex jissostitwixxu l-petrol) u l-bijodijżil (magħmul l-aktar miż-żjut veġetali; użat biex jissostitwixxi d-dijżil). Fl-2008 l-bijofjuwils kienu jikkostitwixxu madwar 3.4 % tal-konsum tal-fjuwil tat-trasport – perċentwal ogħla miż-0.5 % tal-ħames snin ta' qabel.

Għaliex għandna bżonnhom il-bijofjuwils?

Għandna bżonn il-bijofjuwils biex niġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u biex ngħinu nnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'20 % skont l-impenn li ta l-Kunsill Ewropew fl-2007. Il-bijofjuwils huma l-alternattiva prinċipali għall-petrol u għad-dijżil użata fit-trasport, li jipproduċi aktar minn 20 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea.

L-UE kif tippromwovi l-bijofjuwils?

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-20091 tistabbilixxi miri vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli. Kull Stat Membru għandu jilħaq miri individwali għas-seħem globali tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija. Barra minn hekk, fis-settur tat-trasport, l-Istati Membri kollha għandhom jilħqu l-istess mira ta' sehem ta' 10 % ta' enerġija rinnovabbli. Il-bijofjuwils huma l-aktar tipi ta' enerġija rinnovabbli użati fit-trasport.

X'hemm ġdid fiż-żewġ Komunikazzjonijiet?

  • Iċ-Ċertifikat dwar Bijofjuwil Sostenibbli: Il-Komunikazzjoni tħeġġeġ lill-industrija, lill-gvernijiet u lill-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi biex jistabbilixxu skemi ta' ċertifikazzjoni volontarji għall-bijofjuwils. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk dawn l-iskemi humiex affidabbli u jekk għandhomx sistema ta' verifikar reżistenti għall-frodi. Iċ-ċertifikati jiggarantixxu li l-bijofjuwils kollha mibjugħin taħt din it-tikketta huma sostenibbli u prodotti skont il-kriterji stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. L-iskemi kollha għandhom ikollhom awdituri indipendenti li jispezzjonaw il-katina sħiħa tal-produzzjoni, mill-bidwi sal-kummerċjant u l-fornitur tal-fjuwil.

  • Il-ħarsien tan-natura: Il-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar ħafna liema tipi ta' artijiet ma JISTGĦUX jintużaw għall-produzzjoni tal-bijofjuwils. Dawn huma: foresti naturali, żoni protetti, artijiet mistgħadra, artijiet tal-pit. Hija teskludi b'mod espliċitu li l-foresti jistgħu jiġu kkonvertiti fi pjantaġġuni taż-żejt tal-palma.

  • Il-promozzjoni biss ta' bijofjuwils li jiffrankaw bil-ħafna l-emissjonijiet tal-gassijiet serra: Il-Kummissjoni tispjega kif wieħed jista' jagħti prova li l-bijofjuwils użati jirriżultaw fl-iffrankar sostanzjali tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Hija tispjega li dawk kollha li ma jiksbux 35 % ta' ffrankar ta' gassijiet serra mqabbel mal-petrol u mad-dijżil, mhux se jiġu aċċettati. Dan il-limitu se jitla' għal 50 % fl-2017. Fil-kalkolu, iddaħħal mhux biss id-dijossidu tal-karbonju, iżda wkoll il-metan (CH4) u l-ossidu tad-dinitrat (N2O), li t-tnejn huma gassijiet serra aktar b'saħħithom mis-CO2.

Dan ifisser li dawn il-bijofjuwils biss jistgħu jiġu importati fl-UE?

Le. Ifisser li dawk il-bijofjuwils biss li jissodisfaw il-kundizzjonijiet se jingħaddu fil-miri nazzjonali li s-27 Stat Membru tal-UE għandhom jilħqu sal-2020 skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tal-2009. . Dan japplika għall-bijofjuwils kollha, kemm jekk huma prodotti fl-Unjoni Ewropea u kemm jekk jiġu importati minn barra l-UE. Dawn il-bijofjuwils biss jistgħu jirċievu appoġġ pubbliku bħall-eżenzjoni mit-taxxa.

Iċ-ċertifikat kif jaħdem fil-prattika?

Eżempju: Fornitur tal-fjuwil mir-Renju Unit li juża l-etanol mill-Brażil għandu jinnotifika l-kwantitajiet ta' bijofjuwils lill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Biex juri li huma sostenibbli kif tirrikjedi d-Direttiva, jista' jissieħeb fi skema volontarja. Il-fornitur tal-fjuwil għandu jiżgura li jinżammu r-reġistri kollha fil-katina kollha tal-produzzjoni, mill-kummerċjant minn għand min hu jixtri l-fjuwil, mill-impjant tal-etanol mnejn il-kummerċjant jixtri l-etanol, u mill-bidwi li jforni l-impjant tal-etanol biz-zokkor tal-kannamieli. Dan il-kontroll isir qabel mal-kumpanija tissieħeb fl-iskema u mbagħad tal-anqas darba fis-sena.

Il-verifika ssir bħal ma ssir fis-settur finanzjarju: L-awditur jiċċekkja l-karti kollha u jispezzjona kampjun minn tal-bdiewa, tal-mtieħen u tal-kummerċjanti. Għandu jiċċekkja jekk l-art fejn huwa prodott l-għalf għall-etanol kinitx qabel verament art għall-biedja u mhux foresta tropikali.

Nista' jien nara t-tikketta, meta mmur għand il-pompa tal-fjuwil?

Mhix obbligatorja li skema ta' ċertifikazzjoni timmarka l-prodott finali b'tikketta. Madankollu, l-iskemi jistgħu jagħmlu dan jekk iridu. Tkun tagħmel aktar sens mill-perspettiva promozzjonali, jekk il-pompi tal-fjuwil juru li jkollhom fjuwils sostenibbli. Dan huwa l-każ speċjalment meta skema tapplika kriterji ta' sostenibbiltà li jmorru saħansitra lil hinn minn dawk mitluba bil-liġi tal-UE.

Il-kumpaniji jew il-gvernijiet s'issa wrew interess fl-istabbiliment ta' skema bħal din?

Il-Kummissjoni qiegħda f'kuntatt ma' ħafna kumpaniji u organizzazzjonijiet differenti interessati fl-istabbiliment ta' skemi volontarji. Huwa mistenni issa li jidher ċar x'se jkunu r-rekwiżiti għall-verifika, li dalwaqt se jirrikorru għand il-Kummissjoni biex jitolbu għar-rikonoxximent tal-iskemi volontarji tagħhom.

Jista' jagħti l-każ li ma jkunx hemm frodi? L-awdituri ma jkunux hemm il-ħin kollu

Fil-każ xejn probabbli – u minkejja l-awditjar indipendenti – li jibqa' suspett ta' frodi, kwalunkwe persuna tista' tressaq każ quddiem il-Kummissjoni u l-Kummissjoni tista' tirtira r-rikonoxximent ta' skema.

Liema bijofjuwils jintużaw fit-trasport?

Fl-2007 il-bijodijżil ammonta għal 75 % (6.1 Mtoe) tal-fjuwils rinnovabbli tal-UE fit-trasport, il-bijoetanol ikkostitwixxa 15 % (1.24 Mtoe), u l-bqija ta' 10 % kien magħmul minn żejt purament veġetali.

Kemm jiġu importati bijofjuwils fl-UE?

Fl-2007, madwar 26 % tal-bijodijżil u 31 % tal-bijoetanol ikkunsmat fl-UE kienu importati. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-importazzjonijiet ġew mill-Brażil u mill-Istati Uniti tal-Amerika. Il-maġġoranza globali tal-bijofjwuils huma prodotti fl-Unjoni Ewropea. Minbarra l-kriterji ta' sostenibbiltà, il-bijofjuwils tal-UE jridu jkunu konformi mal-liġi ambjentali u mar-rekwiżiti agrikoli tal-UE, inkluż iż-żamma tal-pajsaġġ, il-protezzjoni tal-ħamrija kontra l-erożjoni u l-ġestjoni fl-użu tal-ilma.

L-art hija limitata. Mhemmx il-ħtieġa li jitwaqqgħu l-foresti għall-produzzjoni tal-bijofjuwils?

Il-mira ta' 10 % tkun tirrikjedi madwar 2 – 5 miljun ettari ta' art, skont l-estimi differenti tal-impatt nett tal-bidla fl-użu tal-art. L-UE għandha ammont biżżejjed ta' art li qabel kienet tintuża għall-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba u li issa m'għadhiex tintuża bħala art li tinħarat, biex tkopri l-ammont ta' art meħtieġ, ukoll fil-każ li l-bijofjuwils kollha kkunsmati kellhom ikunu prodotti fl-Ewropa. Barra minn hekk f'partijiet oħra tad-dinja, jeżistu alternattivi għal deforestazzjoni mill-ġdid. Fl-Indoneżja, huwa stmat li bejn 3 – 12 miljun ettaru ta' art li fl-imgħoddi sfat deforestata tħalliet issir art deżolata. Tkun tagħmel sens li din l-art tibda tintuża.

Jista' wieħed iqaċċat il-foresti tropikali u jipproduċi ż-żejt tal-palma għall-produzzjoni tal-fjuwils favur il-miri tal-UE?

Le. Il-Komunikazzjoni teskludi din il-possibbiltà. Hija tgħid b'mod espliċitu li l-foresti ma jistgħux jiġu kkonvertiti fi pjantaġġuni taż-żejt tal-palma.

Il-biċċa l-kbira tal-bijofjuwils ġejjin l-aktar miż-żejt tal-palma?

Bejn 4-5 % biss tal-bijofjuwils fl-UE huma prodotti miż-żejt tal-palma. Dan jikkostitwixxi madwar 1 % tal-produzzjoni tad-dinja taż-żejt tal-palma. Barra l-UE l-użu taż-żejt tal-palma għall-bijofjuwils mhuwiex mifrux ħafna l-anqas. Aktar minn 95 % taż-żejt tal-palma jintuża għall-ikel u għall-użu industrijali bħall-kożmetiċi.

Bejn is-sena 2000 u l-2008, il-produzzjoni taż-żejt tal-palma żdiedet b'20 miljun tunnellata. Dak ifisser għal erbgħin darb'oħra l-ammont taż-żejt tal-palma li jmur għall-bijofjuwils fl-UE (500 000 tunnellata). Għaldaqstant, il-bijofjuwils mhumiex il-kawża prinċipali tad-deforestazzjoni. Madankollu l-kriterji dwar is-sostenibbiltà, jikkostitwixxu biċ-ċar ostaklu għad-deforestazzjoni.

L-istudji tal-UE juru li l-bijofjuwils mhumiex qed jiffrankaw l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Kif qed tirreaġixxi għal dan l-UE?

Dan mhuwiex il-każ. Ir-rapporti li ħarġu dan l-aħħar jissuġġerixxu li l-bijofjuwils fil-fatt qed jiffrankaw l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Sa tmiem din is-sena l-Kummissjoni għandha tippubblika abbażi ta' dawn l-istudji rapport dwar l-użu indirett tal-art, kif mitlub fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

Il-progress li sar fl-użu tal-bijofjuwils fl-UE, 2003-2008

Is-sehem tal-bijofjuwils fil-fjuwils tat-trasport

Stat Membru

Is-sehem tal-bijofjuwils fl-2003

Is-sehem tal-bijofjuwils fl-2008

L-Awstrija

0.1

5.5

Il-Belġju

0.0

1.1

Il-Bulgarija

-

0.22

Ċipru

0.0

1.3

Ir-Repubblika Ċeka

1.1

1.3

Id-Danimarka

0.0

0.23

L-Estonja

0.0

0.6

Il-Finlandja

0.1

2.1

Franza

0.7

5.7

Il-Ġermanja

1.2

6.0

Il-Greċja

0.0

1.0

L-Ungerija

0.0

3.5

L-Irlanda

0.0

1.6

L-Italja

0.5

0.6

Il-Latvja

0.2

0.2

Il-Litwanja

0.0

4.3

Il-Lussemburgu

0.0

2.0

Malta

0.0

0.44

Il-Pajjiżi l-Baxxi

0.0

3.3

Il-Polonja

0.5

3.7

Il-Portugall

0.0

2.0

Ir-Rumanija

-

2.35

Is-Slovakkja

0.1

2.7

Is-Slovenja

0.0

1.2

Spanja

0.4

2.0

L-Isvezja

1.3

5.0

Ir-Renju Unit

0.0

2.0

L-UE 25

0.5 %

L-UE 27

3.4 %6

1 :

Id-Direttiva 2009/28/ tat-23 ta' April 2009 L-Enerġija Rinnovabbli, ĠU L 140/28, 5.6.2009

2 :

Il-bijodijżil biss

3 :

Dejta tal-2007

4 :

Il-bijodijżil biss

5 :

Il-bijodijżil biss

6 :

Stima


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website