MEMO/10/200
Brussell, id-19 ta’ Mejju 2010
Aġenda Diġitali għall-Ewropa: inizjattivi ewlenin
(Ara wkoll IP/10/581 u MEMO/10/199)
Għaliex hemm bżonn Aġenda Diġitali għall-Ewropa?
L-Ewropa għandha bżonn pjan ġdid ta' azzjoni sabiex tuża bl-aħjar mod it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) ħalli tkun tista' tħaffef l-irkupru ekonomiku u tqiegħed il-pedamenti għal futur diġitali sostenibbli. Il-pjan ġdid ta' azzjoni jipproponi li jitneħħew l-ostakli preżenti sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-ICTs permezz ta' investiment fit-tul li jwassal biex jitnaqqsu l-problemi li jistgħu jinqalgħu fil-futur.
30% tal-Ewropej qatt ma użaw l-internet. Illum fl-Amerka titniżżel erba’ darbiet aktar mużika mill-internet milli titniżżel fl-UE minħabba n-nuqqas ta’ offerti legali u l-preżenza ta' swieq frammentati. L-Ewropa wkoll qiegħda lura f'konfront ma'l-isħab industrijali tagħha bħall-Istati Uniti u l-Ġappun f'dak li għandu x'jaqsam ma' investiment fir-riċerka fl-ICT u l-uzu ta' netwerks b'veloċità għolja. 1 % biss tal-Ewropej għandhom aċċess għal netwerks veloċi abbażi ta' fibra meta mqabbel ma' 12 % tal-Ġappuniżi u 15 % tas-Sud Koreani. L-UE qed tonfoq 40 % biss tal-livelli tal-Istati Uniti fir-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT.
L-Ewropa għandha bżonn tindirizza dawn l-isfidi sabiex toħloq ċiċklu virtwuż fejn l-ICT tistimola l-ekonomija tal-UE. Dan jista' jseħħ jekk ikun hemm servizzi attraenti li jkunu disponibbli f'ambjent onlajn bla fruntieri fejn id-disponnibilità u l-użu tagħhom joħolqu talba għal internet aktar veloċi. Fl-istess waqt, din it-talba għal internet aktar veloċi toħloq opportunitajiet ta' investiment f'netwerks aktar veloċi. Ladarba jiġu fis-seħħ u l-użu tagħhom jinxtered sew, in-netwerks veloċi se jwittu t-triq għal servizzi aktar innovativi.
L-Aġenda Diġitali tiddentifika fejn jeħtieġ li l-Ewropa tiffoka l-isforzi tagħha sabiex tmexxi dan iċ-ċiklu virtwuż.

Fuq xiex tiffoka l-Aġenda Diġitali?
L-Aġenda tagħti dettalji dwar seba’ oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni:
jinħoloq Suq Uniku Diġitali
jitjiebu l-kundizzjonijiet qafas għall-interoperabbiltà bejn il-prodotti u s-servizzi tal-ICT
jissaħħu l-fiduċja u s-sigurtà marbuta mal-internet
tiġi ggarantita proviżjoni ta' aċċess għal internet aktar veloċi
jiġi mħajjar l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp
jiżdiedu l-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali
tiġi applikata l-ICT biex jiġu indirizzati sfidi soċjali bħat-tibdil fil-klima, iż-żieda fl-ispejjeż għall-kura tas-saħħa u t-tixjiħ tal-popolazzjoni.
X’inhuma l-azzjonijiet ewlenin li qiegħda tipproponi l-Kummissjoni Ewropea?
Suq diġitali uniku:
Wasal iż-żmien għal Suq Uniku ġdid li jwassal il-benefiċċji tal-era diġitali.
L-Ewropa għadha taħlita ta' swieq onlajn nazzjonali u l-Ewropej huma mċaħħda milli jgawdu l-benefiċċji ta' Suq Uniku Diġitali. Il-kontenut u servizzi kummerċjali u kulturali għandhom jaqsmu l-fruntieri b'mod ħieles; dan għandu jinkiseb billi jiġu eliminati l-ostakli regolatorji u jiġu ffaċilitati l-pagamenti u l-fatturazzjoni elettroniċi, is-soluzzjonijiet għat-tilwim u l-fiduċja tal-konsumatur. Jista' u għandu jsir aktar taħt il-qafas regolatorju attwali sabiex jidħol fis-seħħ Suq Uniku fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet.
Per eżempju, l-Aġenda Diġitali se:
Tistimola l-kummerċ tat-tniżżil ta' mużika (fejn bħalissa l-UE tokkupa biss il-25% tal-livell tal-Istati Uniti) billi jiġu ssemplifikati l-approvazzjoni, l-immaniġġar u l-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur. Inter alia, sal-aħħar tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea trid tipproponi Direttiva qafas fuq l-immaniġġar tad-drittijiet kollettivi sabiex tissaħħaħ il-governanza, it-trasparenza u l-liċenzjar pan-Ewropew għall-immaniġġar tad-drittijiet (onlajn). Is-sitwazzjoni trid terġa' tiġi evalwata fl-2012 wara l-pubblikazzjoni ta' Green Paper aktar tard din is-sena.
Tistabbilixxi data għad-dħul fis-seħħ ta' Suq Uniku għall-pagamenti onlajn. Bħalissa fl-UE, 8 % biss ta' dawk li jixtru onlajn attwalment jixtru minn pajjiż ieħor filwaqt li 60 % tal-każijiet fejn isir tentattiv ta' ordni ta' xiri onlajn minn pajjiż ieħor, ifallu minħabba raġunijiet tekniċi jew legali bħal meta jiġu rrifjutati karti ta' kreditu li mhumiex domestiċi.
Jiġi inkoraġġit il-kummerċ elettroniku privat u pubbliku billi jiġu mmodernizzati r-regoli dwar il-Firem-e fl-2011 sabiex l-awtentikazzjoni-e sigura tkun interoperabbli u rikonoxxuta bejn il-fruntieri.
Jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u tiżdied il-kunfidenza tagħhom billi jiġi aġġornat il-qafas regolatorju tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta sal-aħħar tal-2010.
Il-Kumissjoni Ewropea se tiżgura wkoll li l-konsumaturi jkunu mħarsa fiċ-ċiberspazju billi jinħareġ kodiċi diġitali li jiġbor fil-qosor id-drittijiet taċ-ċittadini fid-dinja onlajn u li jkun ċar u aċċessibbli. Bħalissa, bosta konsumaturi jsibuha diffiċli jsiru jafu x'inhuma d-drittijiet diġitali tagħhom, speċjalment, meta dawn ikunu mxerrda ma' dokumenti legali varji.
Azzjonijiet oħra taħt l-Aġenda Diġitali għandhom l-għan li jwasslu sabiex il-konsumaturi jkollhom aktar fiduċja fil-possibilità li jagħmlu akkwist tajjeb u ġust onlajn. Il-Kummissjoni se taħdem fuq l-idea ta' marki ta' fiduċja online tal-UE partikolarment għal siti elettroniċi tal-bejgħ bl-imnut u se tipproponi sistema madwar l-UE kollha ta' Soluzzjoni Onlajn tat-Tilwim għat-transazzjonijiet tal-Kummerċ-e sabiex il-konsumaturi jkunu jafu fejn għandhom imorru meta l-affarijiet imorru ħażin.
Interoperabbiltà u standards
Għandna bżonn interoperabbiltà effettiva bejn il-prodotti u s-servizzi tal-IT sabiex verament nibnu soċjetà diġitali.
L-internet huwa l-aħjar eżempju tas-saħħa tal-interoperabbiltà teknika. L-istruttura miftuħa tiegħu ġabet apparat u applikazzjonijiet interoperabbli għand biljuni ta' nies madwar id-dinja. Madankollu, biex inkunu nistgħu nieħdu vantaġġ sħiħ mill-applikazzjoni tal-ICT, huwa essenzjali li tissaħħaħ l-interoperabbiltà bejn l-apparat, l-applikazzjonijiet, ir-repożitorji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks.
Il-kundizzjonijiet qafas għall-interoperabbiltà jistgħu jitjiebu b'modi differerenti. Mezz importanti biex jintlaħaq dak l-għan huwa billi jiġi żgurat li standards tajjbin tal-ICT ikunu disponibbli u applikati, b'mod partikolari, fil-leġislazzjoni u fl-akkwist pubbliku.
Per eżempju, l-Aġenda Diġitali se:
Tipproponi miżuri legali biex jiġu riformulati r-regoli tal-implimentazzjoni tal-istandards tal-ICT fl-Ewropa ħalli jkunu jistgħu jintużaw l-istandards ta' ċerti fora u konsorzji tal-ICT.
Madankollu, il-Kummissjoni trid tindirizza wkoll dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-istandards ma jgħinux minħabba n-nuqqas ta' appoġġ minn atturi sinifikanti tas-suq. Għan ieħor huwa t-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-amminstrazzjonijiet pubbliċi permezz tal-Istrateġija Ewropea u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà biex tiġi żgurata interoperabbiltà bejn l-Gvern-e u servizzi pubbliċi oħra madwar l-Ewropa.
Fiduċja u sigurtà
L-Ewropej mhux se jilqgħu teknoloġija li ma jafdawx – l-era diġitali la hija "Ħutna l-Kbir" u lanqas "ġungla" elettronika.
L-Ewropej mhux se jipparteċipaw f'attivitajiet onlajn li qed isiru aktar sofistikati sakemm huma u t-tfal tagħhom iħossu li jistgħu jafdaw in-netwerks tagħhom. Hija essenzjali li tiġi indirizzata ż-żieda fiċ-"ċiberkriminalità" li tvarja mill-abbuż tat-tfal għas-serq tal-indentità u l-attakki elettronici u, fl-istess waqt, għandhom jinħloqu mekkaniżmi ta' reazzjoni.
Flimkien ma' dan, sfidi ġodda qegħdin jinħloqu mill-multiplikazzjoni ta' bażijiet tad-dejta u t-teknoloġiji ġodda. Fl-UE, id-dritt għall-privatazza u l-ħarsien tad-dejta personali huma drittijiet li jridu jkunu nfurzati wkoll onlajn .
Illum l-internet tant sar infrastruttura informatika kritika, kemm għall-individwi kif ukoll għall-ekonomija Ewropea, li jeħtieġ li jkollna sistemi u netwerks b'saħħithom u siguri biżejjed kontra kull form ta' theddid ġdid.
Per eżempju, l-Aġenda Diġitali se:
Toħloq sistema ta' reazzjoni rapida Ewropea kontra l-attakki ċibernetiċi, inkluż netwerk ta' Skwadri ta’ Rispons f’Emerġenza Relatata mal-Kompjuters (CERTs) u fl-2010 se tipproponi rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA).
Tipproponi liġijiet aktar iebsin fl-2010 li jiġġieldu kontra l-attakki elettroniċi fuq is-sistemi tal-informazzjoni u fl-2013 se tipproponi regoli dwar il-ġurisdizzjoni taċ-ċiberspazju fil-livelli Ewropej u internazzjonali.
Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa wkoll hotlines li jistgħu jintużaw minn tfal u ġenituri biex jirrappurtaw kontenut illegali onlajn u se taħdem mal-pajjiżi tal-UE biex toffri tagħlim fl-iskejjel dwar is-sikurezza onlajn.
Taħt ir-regoli aġġornati tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet, kemm l-operaturi kif ukoll dawk li jipprovdu s-servizz huma obbligati li jinnotifikaw kull ksur tas-sigurtà tad-dejta personali (ara . MEMO/09/568). Ir-reviżjoni tal-qafas ġenerali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta li għaddejja bħalissa għandha tesplora l-possibiltà ta' estensjoni tal-obbligu li jiġi nnotifikat ksur tas-sigurtà tad-dejta.
Aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet
Għandna bżonn internet veloċi ħafna sabiex l-ekonomija tissaħħaħ, jinħolqu l-impjiegi u l-prosperità, u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-kontenut u s-servizzi li jridu.
L-Ewropa għandha bżonn internet veloċi u ultra-veloċi li jkun disponibbli b'mod wiesa' u bi prezzijiet kompetittivi. L-UE għandha l-għan li twassal servizz ta' broadband lill-Ewropej kollha sal-2013 u li tiżgura li sal-2020, (i) l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal internet ferm iktar veloċi u li jaqbeż t-30 Mbps u (ii) 50%, jew aktar, tad-djar Ewropej ikunu rreġistrati ma' servizz tal-internet li jaqbeż l-100 Mbps.
Biex jintlaħqu dawn l-miri ambizzjużi jeħtieġ li tiġi żviluppata politika komprensiva li tkun ibbażata fuq taħlita ta' teknoloġiji u li tiffoka fuq żewġ għanijiet paralleli: fuq naħa, li tiġi żgurata kopertura universali b'broadband (li tinkludi kemm dak fiss kif ukoll dak mingħajr fili) b'veloċita ta' internet li tiżdied gradwalment sa 30 Mbps u aktar. Fuq naħa oħra, l-għan huwa li, biż-żmien, jiġu mħeġġa l-applikazzjoni u l-użu ta' netwerks b'aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA) f'parti kbira tal-UE li tippermetti konnessjonijiet tal-internet ulta veloċi li jaqbzu l-100 Mbps.
Per eżempju, l-Aġenda Diġitali se:
Tiżgura li sal-2020, l-Ewropej kollha jista' jkollhom aċċess għal internet ferm aktar veloċi kif ġie stabbilit fil-miri tal-UE. Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta komunikazzjoni dwar il-broadband li se tfassal qafas komuni għall-attivitajiet fuq livell ta' UE u tal-Pajjiż Membru, fejn se jiġi esplorat ukoll kif jista' jinġibed kapital għall-finanzjament permezz ta' żieda fil-kreditu (sostnuta mill-fondi tal-BEI u tal-UE). Dan il-qafas se jinkludi wkoll Programm ambizzjuż għall-Politika Ewropea dwar l-Ispettru u Rakkomandazzjoni li tħeġġeġ l-investiment fin-netwerks b'Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni
L-Ewropa trid tinvesti aktar fir-Riċerka u fl-Iżvilupp u tiżgura li l-aqwa ideat tagħna jaslu fis-suq.
Fid-dawl li l-ICT tirrapreżenta sehem sinifikanti fit-total tal-valur miżjud fil-pilastri tal-industrija Ewropea bħall-karozzi (25%), l-apparat tal-konsumatur (41%) jew is-saħħa u l-mediċina (33%), in-nuqqas ta' investiment fir-R&Ż tal-ICT huwa ta' theddida sħiħa għas-setturi Ewropej tal-manifattura u s-servizzi.
L-ewwel nett, id-differenza fl-investiment hija relatata ma' sforż pubbliku dgħajjef u mxerred fir-R&Ż. Per eżempju, is-settur pubbliku tal-UE jonfoq anqas minn EUR 5.5 biljuni fis-sena fir-R&Ż tal-ICT, ħafna anqas mill-ekonomiji kompetitturi. It-tieni nett, il-framentazzjoni tas-suq u t-tixrid tal-mezzi finanzjarji għar-riċerka huma fatturi li jillimitaw it-tkabbir u l-iżvilupp ta' negozju innovattiv fl-ICT u speċjalment tal-SMEs. It-tielet punt, l-Ewropa ddum biex tibda tapplika l-innovazzjonijiet ibbażati fuq l-ICT. Filwaqt li l-isfidi soċjali bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-kriżi ambjentali huma motivaturi ewlenin tal-innovazzjoni, l-Ewropa ftit li xejn takkwista l-innovazzjoni u r-R&Ż sabiex ittejjeb il-kwalità u l-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi tagħha.
Biex jiġu indirizzati dawn il-problemi, l-Aġenda Diġitali, per eżempju, se:
Timmobilizza aktar investiment privat permezz tal-użu tal-akkwist pubbliku pre-kummerċjali u s-sħubijiet pubbliċi-privati, billi tuża fondi strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni u billi żżomm il-pass taż-żieda ta' 20% fis-sena fil-baġit għar-R&Ż tal-ICT, speċjalment, waqt il-perjodu tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka (FP7).
Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll mezzi għal aċċess 'ħafif u veloċi' għall-fondi tal-UE għar-riċerka fl-ICT li jkunu disponibbli għall-SMEs u r-riċerkaturi żgħażagħ. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Pajjiżi Membri tal-UE jirduppjaw in-nefqa pubblika annwali fir-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT minn EUR 5.5 biljuni għal EUR 11-il biljun (li jinkludu l-programmi tal-UE), b'modi li jimmobilizzaw żieda ekwivalenti fin-nefqa privata minn EUR 35 biljun għal EUR 70 biljun.
Ħiliet diġitali, litteriżmu u inklużjoni-e
L-era diġitali għandha tfisser l-għoti tas-setgħa u l-emanċipazzjoni; l-ambjent u l-ħiliet ta' dak li jkun ma għandhomx ikunu ta' ostaklu biex wieħed ikollu aċċess għal dan il-potenzjal.
Hekk kif aktar attivitajiet ta' kuljum qed jitwettqu onlajn, minn applikazzjoni għal impjieg sal-ħlas tat-taxxi jew ir-riżervazzjoni ta' biljetti, l-użu tal-internet sar parti integrali mill-ħajja ta' kuljum ta' ħafna Ewropej. Aktar minn nofs l-Ewropej (250 miljun) jidħlu onlajn kuljum iżda 150 miljun Ewropew - madwar 30% - qatt ma użaw l-internet. Ta' spiss jgħidu li ma għandhomx bżonnu jew li jiswa wisq. Dan il-grupp huwa magħmul l-aktar min-nies ta' bejn 65 u 74 sena, nies bi dħul baxx, dawk qiegħda u dawk b' livell aktar baxx ta' edukazzjoni.
Flimkien ma' dan, l-Ewropa qed tbati minn nuqqas dejjem jikber fil-ħiliet professjonali tal-ICT u, b'hekk, tonqos milli jkollha ħaddiema kompetenti biex sal-2015 jimtlew daqs 700,000 impjieg fl-IT.
Dawn in-nuqqasijiet qegħdin jeskludu bosta ċittadini mis-soċjetà u l-ekonomija diġitali u; fl-istess waqt, qegħdin iżommu lura l-impatt pożittiv li jista' jkollha l-ICT fuq iż-żieda fil-produttività.
Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, l-Aġenda Diġitali, per eżempju, se:
Tnaqqas id-differenza fil-ħiliet diġitali billi tippromwovi aktar koordinazzjoni bejn l-inizjattivi marbuta mal-ħiliet fl-ICT li jsiru fuq livell ta' Pajjiż Membru, speċjalment billi jiġu proposti l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali bħala prijorità għall-Fond Soċjali Ewropew.
Tippromwovi l-provvista u t-talba għall-ħiliet fl-ICT fis-suq tax-xogħol billi, sal-2012, tiżviluppa għodda li jiddentifikaw l-kompetenzi tal-ħaddiema u l-utenti tal-ICT sabiex ikun jista' faċilment isir qbil bejn il-ħiliet ta' ħaddiema fl-ICT li jkunu mfittxija mill-kumpaniji.
Sal-2013, il-Kummissjoni, abbażi ta' analiżi tal-alternattivi, se tagħmel ukoll proposti li jiżguraw li sal-2015, il-websajts tas-settur pubbliku ikunu aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, inkluż l-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà.
Benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà
Użu intelliġenti tat-teknoloġija u l-esplojtazzjoni tal-informazzjoni se jgħinuna nindirizzaw l-isfidi li qed taffronta s-soċjetà bħat-tibdil fil-klima u t-tixjiħ tal-popolazzjoni.
L-użu u l-applikazzjoni tal-ICT qiegħed isir fattur kritiku sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li ġejjin bħas-sostenn ta' soċjetà li qed tixjieħ, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, it-titjib tal-effiċjenza fit-trasport u l-mobbiltà, l-għotja tas-setgħa lill-pazjenti u li tkun żgurata l-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà.
Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, l-Aġenda Diġitali, per eżempju, se:
Tiżgura li s-settur tal-ICT ikun fuq quddiem fl-irrappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiegħu billi tżgura li sal-2011 tiġi adottata metodoloġija komuni li tkun ta' xempju għal setturi oħra li huma intensivi fl-enerġija.
Tistabbilixxi, fuq skala kbira, azzjonijiet pilota li se jagħtu lill-Ewropej aċċess onlajn sigur għad-dejta dwar is-saħħa medika tagħhom li tkun aċċessibbli wkoll għat-tobba irrispettivament mill-post fejn ikunu l-pazjenti.
Iżżid is-sikurezza u l-assistenza medika lill-Ewropej, per eżempju, f'każ ta' emerġenza waqt li persuna tkun imsiefra. Dan jista' jsir billi jiġi defnit sett minimu ta' dejta tal-pazjenti għall-interoperabbiltà tar-reġistri tal-pazjenti li jkun aċċessibbli elettronikament madwar l-UE kollha.
Ittejjeb l-aċċess onlajn għar-rikkezza tal-wirt kulturali Ewropew billi tipproponi mudell sostenibbli għall-iffinanzjar tal-librerija diġitali pubblika tal-UE Europeana u d-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet kulturali Ewropej.
Tara li l-Gvern-e jsir konvenjenza ta' kuljum għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej billi tistabbilixxi lista komuni ta' servizzi transkonfinali li tippermetti li intraprendituri u ċittadini jistgħu joperaw indipendentament jew jgħixu fi kwalunkwe post fl-UE kif ukoll billi toħloq sistemi ta' rikonoxximent reċiproku ta' identitajiet elettroniċi.
Dawn flimkien ma' bosta azzjonijiet oħra jsarrfu l-Aġenda Diġitali fi pjan ta' azzjoni ambizzjuż għas-snin li ġejjin.
Meta se tidħol fis-seħħ l-Aġenda Diġitali?
Din l-istqarrija llum tiddentifika sensiela sħiħa ta' miżuri li jidħlu fis-seħħ jew li se jiġu proposti matul is-sentejn jew tlett snin li ġejjin u li se jwasslu għal azzjonijiet ta' segwitu sal-2015. Din l-inizjattiva imbgħad se tevolvi u tiżviluppa fl-għaxar snin li ġejjin bħala l-inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex jintlaħqu l-miri għall-2020.
Il-Kummissjoni Ewropea se timplimenta l-Aġenda Diġitali waħedha? Kif jistgħu jgħinu l-partijiet interessati?
Sabiex dan il-programm ambizzjuż isir realtà, il-Kummissjoni Ewropea se taħdem fil-qrib mal-Parlament Ewropew (permezz ta' djalogu regolari) u l-Pajjiżi Membri (permezz ta' grupp ta' rappreżentanti ta' livell għoli) kif ukoll mal-partijiet interessati kollha ta' kull livell fil-Pajjiżi Membri kollha. Il-Kummissjoni se torganizza pjattaformi b'orjentazzjoni lejn l-azzjoni għall-partijiet interessati kif ukoll Assemblea Diġitali annwali sabiex jiġi evalwat il-progress milħuq u l-isfidi li ġejjin.
Anness 1: Azzjonijiet ewlenin
Data ppjanata ta' twettiq | ||||||||
Suq uniku diġitali vivaċi | ||||||||
Azzjoni Ewlenija 1: Tiġi ssemplifikata l-approvazzjoni, l-immaniġġar u l-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur billi: | ||||||||
| ||||||||
Azzjoni Ewlenija 2: Tiġi żgurata t-tlestija taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) billi eventwalment jiġu stabbiliti miżuri legali li jistipulaw, b'mod li jorbot, data għat-twettiq finali tal-migrazzjoni. Għandu jiġi ffaċilitat ukoll l-iżvilupp ta' qafas Ewropew interoperabbli għall-faturazzjoni-e kif ukoll għandu jiġi stabbilit forum għall-partijiet interessati differenti. | 2010 | |||||||
Azzjoni Ewlenija 3: Tiġi proposta reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Firem-e bl-għan li jiġi provdut qafas legali għar-rikonoxximent reċiproku transkonfinali u l-interoperabbiltà ta' sistemi siguri ta' Awtentikazzjoni-e. | 2011 | |||||||
Azzjoni Ewlenija 4: Jiġi evalwat il-qafas regolatorju tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta, ħalli żżid il-konfidenza tal-individwi u ssaħħaħ id-drittijiet tagħhom | 2010 | |||||||
Interoperabbiltà u standards | ||||||||
Azzjoni Ewlenija 5: Bħala parti mir-reviżjoni tal-politika tal-UE ta' standardizzazzjoni, se jiġu proposti miżuri legali fuq l-interoperabbilità tal-ICT sabiex issir riforma tar-regoli fuq l-implimentazzjoni ta' standards ta' ICT fl-Ewropa u, b'hekk, tippermetti l-użu ta' standards ta' certu fora u konsorzji tal-ICT | 2010 | |||||||
Fiduċja u sigurtà | ||||||||
Azzjoni Ewlenija 6: Jiġu ppreżentati miżuri bl-għan li jkun hemm Politika msaħħa u ta' livell għoli dwar is-Sigurta' tan-Network u l-Informazzjoni permezz ta' inizjattivi leġislattivi bħall-immodernizzar tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) kif ukoll miżuri li jippermettu reazzjonijiet aktar veloċi f'każijiet ta' attakki ċibernetiċi, bħall-preżenza ta' Skwadra ta’ Rispons f’Emerġenza Relatata mal-Kompjuters (CERT) għall-istituzzjonijiet tal-UE. | 2010 | |||||||
Azzjoni Ewlenija 7: Sal-2010, jiġu proposti miżuri, fosthom, inizjattivi leġislattivi li jiġġieldu kontra l-attakki ċibernetiċi fuq is-sistemi tal-informazzjoni u, sal-2013, jiġu proposti regoli dwar il-ġurisdizzjoni taċ-ċiberspazju fil-livelli Ewropej u internazzjonali | 2010 2013 | |||||||
Aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet | ||||||||
Azzjoni Ewlenija 8: Tiġi adottata Komunikazzjoni dwar il-Broadband li tistipula qafas komuni għall-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri għall-broadband tal-Ewropa 2020, fosthom: | 2010 | |||||||
| ||||||||
Ir-riċerka u l-innovazzjoni | ||||||||
Azzjoni Ewlenija 9: Jiġi mmobilizzat aktar investiment privat permezz tal-użu strateġiku tal-akkwist pubbliku prekummerċjali u s-sħubijiet pubbliċi-privati, billi tuża fondi strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni u billi żżomm il-pass taż-żieda ta' 20% fis-sena fil-baġit għar-R&Ż tal-ICT stabbilit fil-FP7 | _ | |||||||
Titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali | ||||||||
Azzjoni Ewlenija 10: Jiġi propost li l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali jkunu prijorità fir-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew (2014-2020) | _ | |||||||
Azzjoni Ewlenija 11: Sal-2012 jiġu żviluppati għodod għall-identifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-kompetenzi tal-ħaddiema u l-utenti tal-ICT, marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u mal-EUROPASS u jiġi żviluppat Qafas Ewropew għall-Professjonaliżmu fl-ICT ħalli jiżdiedu l-kompetenzi u l-mobbiltà tal-ħaddiema tal-ICT madwar l-Ewropa | 2012 | |||||||
Benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE | ||||||||
Azzjoni Ewlenija 12: Jiġi evalwat jekk is-settur tal-ICT issodisfax l-iskeda ta' żmien biex jadotta metodoloġiji komuni għall-kejl biex jirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiegħu stess u jiġu proposti miżuri legali jekk ikun xieraq | 2011 | |||||||
Azzjoni Ewlenija 13: Sal-2015, jiġu mwettqa azzjonijiet pilota li jipprovdu aċċess onlajn sikur lill-Ewropej għad-dejta medika tagħhom u biex sal-2020 jkun hemm użu wiesa' tas-servizzi tat-telemediċina | 2015- 2020 | |||||||
Azzjoni Ewlenija 14: Tinħareġ rakkomandazzjoni li tiddefinixxi sett komuni minimu ta' dejta tal-pazjenti għall-interoperabbiltà tar-reġistri tal-pazjenti li għandhom ikunu aċċessibbli jew skambjati elettronikament fl-Istat Membri | 2012 | |||||||
Azzjoni Ewlenija 15: Jiġi propost mudell sostenibbli għall-iffinanzjar tal-librerija diġitali pubblika tal-UE Europeana u d-diġitalizzazzjoni tal-kontenut | 2012 | |||||||
Azzjoni Ewlenija 16: Tiġi proposta Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament biex jiġi żgurat r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni-e u tal-awtentikazzjoni-e madwar l-UE kollha abbażi ta' 'servizzi ta' awtentikazzjoni' onlajn li għandhom ikunu offruti fl-Istati Membri kollha (li jistgħu jużaw l-aktar dokumenti offiċjali u adattati taċ-ċittadini - maħruġa mis-settur pubbliku jew privat) | 2012 | |||||||
Anness 2: Miri Ewlenin għall-Prestazzjoni
Dawn l-indikaturi huma prinċipalment meħuda mill-qafas ta' Benchmarking għall-2011-2015 1 approvat mill-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2009.
1. Miri għall-broadband:
Broadband bażiku għal kulħadd sal-2013: kopertura b'broadband bażiku għal 100% taċ-ċittadini tal-UE. (Punt ta' tluq: Il-kopertura totali b'DSL (bħala perċentwali tal-populazzjoni totali tal-UE) kienet ta' 93 % f'Diċembru 2008.)
Broadband veloċi sal-2020: kopertura b'broadband ta' 30 Mbps jew aktar għal 100 % taċ-ċittadini tal-UE. (Punt ta' tluq: 23 % tal-abbonamenti broadband kienu minn tal-anqas ta' 10 Mbps f'Jannar 2010.)
Broadband ultra-veloċi sal-2020: 50% tad-djar Ewropej għandu jkollhom abbonament b'aktar minn 100 Mbps. (L-ebda punt ta' tluq)
2. Suq diġitali uniku:
Il-promozzjoni tal-Kummerċ-e: 50 % tal-populazzjoni għandha tkun qed tixtri minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 37 % tan-nies b'età bejn 16-74 sena kienu ordnaw prodotti jew servizzi għall-użu privat matul it-12-il xahar ta' qabel.)
Kummerċ-e transkonfinali: 20% tal-populazzjoni għandha tkun qed tagħmel xiri transkonfinali minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 8 % tan-nies b'età bejn 16-74 sena kienu ordnaw prodotti jew servizzi mingħand bejjiegħa minn pajjiż oħra tal-UE matul it-12-il xahar ta' qabel.)
Kummerċ-e għan-negozju: 33 % tal-SMEs għandhom ikunu qed jixtru/ibiegħu minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Matul l-2008, 24 % tal-intrapriżi kienu qed jixtru u 12 % ibiegħu elettronikament, b'ammont li kien daqs 1 % tal-fatturat/xiri totali jew aktar.
Suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjonjiet: id-differenza bejn l-imposti tar-roaming u dawk nazzjonali għandha tispiċċa kważi għal kollox sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, il-prezz medju tar-roaming kien ta' 38 ċenteżmu l-minuta (għal telefonata magħmula) u l-prezz medju tat-telefonati kollha fl-UE kien ta' 13-il ċenteżmu l-minuta (roaming inkluż).
3. Inklużjoni diġitali:
Jiżdiedu l-utenti regolari tal-internet minn 60% għal 75% sal-2015 u minn 41% għal 60% għal dawk żvantaġġati. (Ċifri tal-punt tat-tluq huma tal-2009).
Sal-2015, jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-populazzjoni li qatt ma uża l-internet (għal 15%). (Punt ta' tluq: Fl-2009, 30 % ta' dawk b'età bejn 16-74 sena kienu għadhom qatt ma użaw l-internet.
4. Servizzi pubbliċi:
Gvern-e sal-2015: 50% taċ-ċittadini jkun qed jużaw il-Gvern-e, b'aktar min-nofshom jirritornaw il-formoli mimlijin. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 38 % ta' dawk b'età bejn 16-74 kienu użaw servizzi tal-Gvern-e matul it-12-il xahar ta' qabel, u 47% minnhom użaw is-servizzi tal-Gvern-e biex jibgħatu formoli mimlijin.)
Servizzi pubbliċi transkonfinali: disponibbiltà onlajn sal-2015 tas-servizzi pubbliċi transkonfinali ewlenin kollha li jkunu jinsabu fil-lista miftehma bejn il-Pajjiżi Membri sal-2011. (L-ebda punt ta' tluq)
5. Riċerka u innovazzjoni:
Żieda fir-R&Ż tal-ICT: Irduppjar tal-investiment pubbliku għal EUR 11-il biljun. (Punt ta' tluq: L-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-governanza tal-ICT jew l-infiq fuq ir-R&Ż (ICT GBAORD) kienu ta' EUR 5.7 biljuni nominali fl-2007.)
6. Ekonomija b'livell baxx ta' karbonju:
Promozzjoni ta' dawl b'użu baxx ta' enerġija: Minn tal-anqas tnaqqis totali ta' 20% fl-użu tal-enerġija għad-dawl sal-2020. (L-ebda punt ta' tluq)
Għal aktar tagħrif ara Benchmarking framework 2011-2015; Dan huwa qafas konċettwali għall-ġbir ta' statistika dwar is-soċjetà ta' informazzjoni kif ukoll isservi bħala lista tal-indikaturi ewlenin għall-valutazzjoni komparattiva.