Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/10/199

Brussell, id-19 ta’ Mejju 2010

Aġenda Diġitali għall-Ewropa: x'tista' tagħmel għalija?

(ara wkoll IP/10/581 u MEMO/10/200)

Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm ippreżentat Aġenda Diġitali ambizzjuża għall-Ewropa li timmarka seba' oqsma prijoritarji ta' azzjoni: il-ħolqien ta’ Suq Uniku diġitali, interoperabbiltà akbar, l-ixprunar tal-fiduċja fl-internet u tas-sigurtà tiegħu, aċċess aktar veloċi għall-internet, aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, it-titjib tal-ħiliet fil-litteriżmu diġitali u tal-inklużjoni, u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi li s-soċjetà qed tħabbat wiċċha magħhom bħalma huma t-tibdil fl-klima u l-popolazzjoni li qed tixjieħ. F'dawn is-seba' oqsma, l-Aġenda Diġitali tipprevedi li se jkun hemm madwar 100 azzjoni ta’ segwitu, li minnhom, 31 se jkunu azzjonijiet leġiżlattivi. L-Aġenda Diġitali hija l-ewwel inizjattiva ewlenija skont l-istrategija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (ara d-dokument IP/10/225). Kollox ma' kollox, l-Aġenda Diġitali tiffoka fuq it-teknoloġiji tas-seklu 21 u s-servizzi onlajn li se jippermettu lill-Ewropa tixpruna l-ħolqien tax-xogħol, tippromwovi l-prosperità ekonomika u ttejjeb il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE u l-impriżi b'diversi modi. Xi eżempji prattiċi ta' kif dawn il-miżuri għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali huma eżattament ta' benefiċċju għan-nies u n-negozji huma mmarkati hawn taħt.

Il-konsumaturi: Suq Uniku diġitali vibranti u aċċess veloċi għall-Internet

Id-dinja diġitali għandha tkun f'idejn in-nies! Iżda bħalissa hemm wisq nies fl-Ewropa li jħossuhom staġnati fid-dinja tal-Internet minħabba li s-Suq Uniku diġitali mhuwiex żviluppat biżżejjed, m'għandhomx il-kunfidenza li jmorru onlajn jew għaliex lanqas biss għandhom aċċess għall-konnessjoni veloċi tal-internet.

Il-konsumaturi għadhom ma jistgħux jieħdu vantaġġ sħiħ mill-prezzijiet kompetittivi u mill-għażla kbira li hemm disponibbli fis-Suq Uniku Diġitali Ewropew. Ħafna drabi huwa aktar faċli tixtri xi ħaġa onlajn minn negozju bbażat fl-Istati Uniti milli f'pajjiż ieħor tal-UE. Pereżempju, ikun hemm diffikultà f'60% tat-tentattivi biex isir xiri onlajn minn pajjiż ieħor tal-UE, bħar-rifjut tal-ħlas bil-karta tal-kreditu minħabba li din tkun ġejja mill-pajjiż "żbaljat". Eżempju ieħor huwa li l-konsumaturi jistgħu jixtru CDs f'kull ħanut tal-mużika madwar l-Ewropa, iżda spiss ma jkunux jistgħu jniżżlu mużika onlajn b'mod legali minn pajjiż ieħor tal-UE minħabba li d-drittijiet huma liċenżjati abbażi tal-pajjiż. Nuqqas ta' konsistenza bħal din tfisser li fl-Istati Uniti titniżżel erba' darbiet aktar mużika mill-Internet b'mod legali milli fl-UE. Hemm ukoll il-fatt li huma biss 12% tal-utenti tal-Internet fl-UE li jħossu li jistgħu jagħmlu tranżazzjonijiet onlajn mingħajr periklu ta' xejn.

Fir-rigward tat-telekomunikazzjonijiet, minkejja l-miżuri tal-UE dwar ir-roaming, il-konsumaturi għadhom mhux imħajra jużaw is-servizzi tal-mowbajl meta jkunu barra minn pajjiżhom minħabba l-prezzijiet ogħla li jridu jitħallsu meta mqabbel mal-użu tal-istess servizz fl-Istat Membru tagħhom stess, b'mod partikolari fil-każ ta' roaming tad-dejta.

L-Aġenda Diġitali Ewropea għandha l-għan li tegħleb dawn il-problemi sabiex tagħti lin-nies aċċess għall-vantaġġi kollha potenzjali tas-soċjetà diġitali.

Pereżempju, ikollha l-għan li tiżgura aċċess veloċi ħafna għall-Internet li jgħin sabiex jippermetti liċ-ċittadini jixtru, joħolqu, jitgħallmu, jissoċjalizzaw u jinteraġixxu onlajn u huwa wkoll essenzjali għat-tkabbir fl-ekonomija. Il-mira tal-Aġenda Diġitali Ewropea hija dik li, sal-2020, ikollha konnessjonijiet tal-Internet ta' 30 Mbps jew aktar għall-Ewropej kollha b'nofs id-djar Ewropej ikunu abbonati għall-konnessjonijiet ta' 100 Mbps jew aktar.

L-Aġenda Diġitali se tħeġġeġ ukoll il-koordinazzjoni tal-UE fl-immaniġġjar tal-ispettru tar-radju biex tixpruna t-tkabbir ta' servizzi innovattivi tal-broadband bla fili. Se tistabilixxi regoli ċari biex tħeġġeġ investiment f'netwerks tal-ġenerazzjoni l-ġdida li huma miftuħin u kompetittivi u se tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi biex jintroduċu infrastruttura ġdida tal-broadband f'postijiet fejn il-ġeografija jew in-numru limitat ta' konsumaturi potenzjali jagħmluha diffiċli għas-suq jew għall-investiment privat waħidhom li joffru internet b'veloċità għolja (eż. żoni rurali).

L-Aġenda Diġitali għandha l-għan li ssib soluzzjonijiet għall-aċċess Pan Ewropew għall-kontenut legali onlajn billi tissimplifika l-awtorizzazzjoni u l-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur u l-għoti tal-liċenzji relatati bejn il-fruntieri. Se tippromwovi wkoll diġitizzazzjoni fuq skala kbira ta' kollezzjonijiet kbar ħafna fil-libreriji nazzjonali, arkivji u mużewijiet, u tippromwovi l-aċċess għalihom permezz tal-Europeana (http://www.europeana.eu/portal), il-portal tal-libreriji diġitali tal-Ewropa (ara MEMO/10/166).

Azzjonijiet oħra f'dan il-qasam jinkludu il-ħlas elettroniku u fatturazzjoni b'mod iktar faċli kullimkien fl-Ewropa sabiex jiġi mħeġġeġ xiri onlajn bejn il-fruntieri.

Sabiex tgħin lill-Ewropej iħossuhom aktar sikuri meta onlajn, l-Aġenda Diġitali se ssaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, ittejjeb il-gwida eYou (http://ec.europa.eu/information_society/eyouguide/index_en.htm) – il-gwida diġitali tad-drittijiet onlajn – biex din tkun aktar prattika u faċli biex tintuża, kif ukoll tipproponi l-ħolqien ta' sistema madwar l-Ewropa kollha ta' soluzzjoni onlajn tat-tilwim għat-tranżazzjonijiet tal-Kummerċ-e.

L-Aġenda Diġitali għandha wkoll l-għan li tixpruna l-kunfidenza tan-nies sabiex jużaw l-internet billi, fost oħrajn, tiżgura koordinazzjoni aħjar fir-rispons Ewropew għal attakki fuq l-Internet, serq ta' identità u spam.

Wara investigazzjoni dwar l-ispejjeż ikkawżati minn nuqqas ta' Suq Uniku fit-telekomunikazzjoni, il-Kummissjoni beħsiebha tieħu aktar miżuri bil-għan li, pereżempju, tiżgura li sal-2015 id-differenza bejn prezzijiet tar-roaming u dawk nazzjonali tkun kważi żero.

Il-ħaddiema – ħiliet xierqa għall-era diġitali

L-Ewropa illum qed issofri minn nuqqas dejjem jiżdied ta' ħiliet fl-ICT. 150 miljun Ewropew – xi 30% - qatt ma użaw l-internet u s-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tal-Ewropa ma żammewx mal-ħiliet tal-ICT meħtieġa fis-suq tal-impjieg diġitali tal-lum. L-Aġenda Diġitali għandha l-għan li żżid u taġġorna l-ħiliet diġitali taċ-ċittadini tal-UE kollha, irrispettivament mill-età, post jew sitwazzjoni ekonomika tagħhom biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà diġitali u fis-suq tax-xogħol.

Hemm ukoll potenzjal kbir ħafna u li għadu mhux qed jiġi użat fil-miljuni ta' żgħażagħ u miljuni ta' nisa ta' kull età li huma utenti regolari tal-ICT u li jistgħu jkunu interessati f'impjieg fl-ICT jew fis-settur tat-teknoloġija. Jinħtieġ li din il-ġabra massiva ta' talent u riżorsi potenzjali tiġi użata għat-tkabbir u l-kompetittività Ewropea. L-Aġenda Diġitali se tipprova tiżgura li ċ-ċittadini kollha, speċjalment dawk żgħażagħ, ikunu konxji mill-potenzjal tal-ICT għal kull tip ta' professjonijiet. L-UE se ssejjaħ lill-Istati Membri biex jagħmlu mill-kompetenzi u mil-litteriżmu diġitali prijorità għall-Fond Soċjali Ewropew.

Għan-nies li diġà jużaw il-ħiliet tal-ICT u li jaħdmu fis-settur tat-teknoloġija, l-Aġenda Diġitali se tgħin biex il-kompetenzi tal-utenti tal-ICT jiġu identifikati u rikonoxxuti, sabiex l-industrija fil-ħtieġa ta' impjegati b'ħiliet partikulari fl-ICT tkun tista' tidentifikahom faċilment.

Il-pazjenti u t-tobba – l-użu tal-ICT għal kura tas-saħħa sostenibbli

L-investiment f'teknoloġiji diġitali relatati mal-kura tas-saħħa, magħruf ukoll bħala s-Saħħa-e, jista' jtejjeb b'mod drammatiku l-għażla u l-kwalità tal-kura disponibbli għall-pazjenti u l-ispeċjalisti mediċi tal-Ewropa. Pereżempju, servizzi ġodda tat-telemediċina bħalma huma l-konsultazzjonijiet mediċi onlajn u tagħmir portabbli li jippermetti l-monitoraġġ tal-kundizzjoni tas-saħħa ta' nies li jbatu minn mard u diżabbiltajiet kroniċi għandhom il-potenzjal li joffru l-libertà tal-moviment li l-pazjenti qatt qabel ma gawdew.

F'termini prattiċi, is-Saħħa-e tista' tnaqqas ħafna r-riskji ta' żbalji mediċi u tgħin biex il-problemi tas-saħħa jiġu skoperti minn kmieni. It-telemonitoraġġ mid-dar ta' pazjenti morda b'qalbhom jista' jtejjeb ir-rati ta' sopravivenza bil-15%, inaqqas il-jiem ġewwa l-isptar b'26% u jiffranka 10% fi spejjeż tal-infirmiera - li huwa ferm importanti fi żminijiet finanzjarji iebsin. Il-Preskrizzjonijiet-e jistgħu jnaqqsu ż-żbalji fid-doża tal-mediċina bi 15%. Is-Saħħa-e se tkun kruċjali biex iżomm il-kura tas-saħħa affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd fis-soċjetajiet Ewropej li qed jixjieħu.

L-Aġenda Diġitali, sal-2015, se tipprova tipprovdi lill-Ewropej b'aċċess sikur għar-rekords mediċi tagħhom onlajn, mhux biss id-dar iżda wkoll meta jkunu qed jivvjaġġaw kullimkien madwar l-UE. Dan jiffaċilita x-xogħol tat-tobba u jippermetti lill-pazjenti li jkollhom l-aħjar għajnuna possibbli jekk dawn jaraw tabib id-dar jew f'pajjiż ieħor tal-UE.

L-industrija tal-manifattura – opportunitajiet ta' ekonomija diġitali interoperabbli

Is-settur tal-ICT jikkontribwixxi b'mod drammatiku għat-tkabbir ġenerali fil-produttività fl-ekonomija Ewropea sħiħa (nofs it-tkabbir fil-produttività f'dawn l-aħħar 15-il sena kien diġà xprunat mit-teknoloġiji ta' informazzjoni u tal-kommunikazzjoni – ara IP/10/571 – u jidher li din ix-xejra se tkompli tikber b'rata mgħaġġla).

F'dinja ideali, is-servizzi u l-mezzi diġitali jaħdmu flimkien u jikkomunikaw flimkien perfettament. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali mhix hekk. Għandna bosta mezzi u interfaċċi ta' softwer li ma jinteroperawx tajjeb daqs kemm jistgħu, li jwassal għal swieq frammentati u nuqqas ta' kompetizzjoni. Għandna wkoll proċessi tal-istandardizzazzjoni li mhux dejjem iżommu mal-pass tal-bidla teknoloġika. Flimkien, dawn il-problemi jagħmlu l-użu integrat tat-teknoloġiji diffiċli ħafna u dan ifisser li s-servizzi onlajn, inkluż is-servizzi pubbliċi, għadhom ta' spiss jisfurzaw lill-utenti sabiex jaħdmu b'mezzi jew softwer speċifiċi, li jwassal għal riskju ta' restrizzjonijiet kbar u prezzijiet ogħla. Limiti bħal dawn iżommu wkoll l-industrija tal-manifattura milli tiżviluppa prodotti u servizzi innovattivi u tista' tibblokka tkabbir ekonomiku u impjiegi tant bżonnjużi.

Sabiex jingħelbu dawn il-problemi, l-Aġenda Diġitali tipprevedi li sal-2010 ikun hemm reviżjoni tal-politika tal-istandardizzazzjoni tal-UE li se tindirizza b'mod partikolari l-bżonn li l-istandardizzazzjoni tal-ICT iżżomm mal-pass mgħaġġel li bih qed jiżviluppaw is-swieq tat-teknoloġija. Barra dan, il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar ir-regoli għall-iffissar tal-istandards, l-akkwist pubbliku tas-soluzzjonijiet tal-ICT u l-interoperabbiltà.

L-industrija tal-ICT – ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-ekonomija diġitali

L-Aġenda Diġitali għandha l-għan, b'mod partikolari, li tegħleb il-problema kbira ta' nuqqas ta' investiment u frammentazzjoni fir-riċerka dwar l-ICT fl-Ewropa. In-nefqa tal-Ewropa għar-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT (R&Ż) hija daqs 40% tan-nefqa tal-Istati Uniti. Din hija dgħjufija fl-istrateġija meta wieħed iqis li l-ICT hija l-aktar teknoloġija importanti u li għandha setgħa fl-ekonomija moderna.

L-Aġenda Diġitali se timmira biex tal-anqas sal-2013, iġġib aktar investiment privat bl-użu strateġiku tal-akkwist prekummerċjali u assoċjazzjonijiet bejn il-pubbliku u l-privat, permezz ta' fondi reġjonali tal-UE u fondi oħrajn għar-riċerka u l-innovazzjoni u billi żżomm il-pass maż-żidiet annwali tal-baġit tal-UE għar-R&Ż tal-ICT, stabbilit fil-programmi qafas Ewropej ta' riċerka.

L-industrija tal-ICT qed tħabbat wiċċha wkoll ma' nuqqas sinifikanti ta' professjonisti mħarrġa sew fl-ICT biex tlaħħaq mad-domanda ta' xogħol attwali u dik fil-futur. L-Aġenda Diġitali Ewropea qed tindirizza din il-problema billi tħeġġeġ l-edukazzjoni fl-ICT u billi tipproponi miżura sabiex iżjed nies jinġibdu lejn dan għall-iżvilupp tal-karriera. Id-disponibbiltà u l-preparazzjoni aħjar tal-professjonisti tal-ICT iħeġġu t-tkabbir sod tal-industrija, hekk kif l-iżvilupp tagħha jiddependi ħafna fuq il-ħiliet u l-kompetenzi tan-nies.

Għan-nies li diġà jużaw il-ħiliet tal-ICT u li jaħdmu fis-settur tat-teknoloġija, l-Aġenda Diġitali se tgħin biex il-kompetenzi tal-utenti tal-ICT jiġu identifikati u rikonoxxuti, sabiex l-industrija fil-ħtieġa ta' impjegati b'ħiliet partikulari fl-ICT tkun tista' tagħrafhom faċilment.

L-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) – il-Gvern-e jiffaċilita il-funzjonament tal-SMEs

L-Aġenda Diġitali għandha l-għan li taqta' l-burokrazija u tneħħi l-limiti li qed iżommu lil 99% tal-impriżi kollha Ewropej milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet disponibbli fis-Suq Uniku Diġitali. Wieħed mill-iskopijiet ġenerali tal-Aġenda Diġitali huwa li 33% tal-SMEs għandhom jibdew jagħmlu x-xiri u l-bejgħ onlajn sal-2015.

B'mod partikolari, it-tlestija taż-Żona Unika ta' Pagament Ewropea (SEPA) se tagħmel il-pagamenti u l-fatturazzjoni elettroniċi aktar faċli min-naħa għal-oħra tal-fruntieri nazzjonali, ibbażata fuq metodi ta' pagament sikuri u effiċjenti.

L-impenn tal-Aġenda Diġitali għat-titjib tal-funzjonament tal-Gvern-e għandu l-għan li jiżgura li l-SMEs jistgħu jqattgħu anqas ħin fuq il-proċeduri amministrattivi u jistgħu jiksbu opportunitjiet ġodda ta' negozju. B'mod partikolari, l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Akkwist-e, l-Identifikazzjoni-e prattika u l-Awtentikazzjoni-e għal servizzi transkonfinali tiftaħ ħafna opportunitajiet ġodda min-naħa għal oħra tal-fruntieri. Sal-2011, il-pajjiżi tal-UE għandhom jaqblu dwar lista komuni ta' servizzi pubbliċi transkonfinali ewlenin (eż. ċertifikati elettroniċi meħtieġa għall-kwalifika ta' kuntrattur fil-proċessi ta' akkwisti) li jippermettu lin-negozjanti li jwaqqfu u jmexxu negozju kullimkien fl-Ewropa, b'mod indipendenti mill-post tagħhom. Dawn is-servizzi ewlenin għandhom ikunu totalment disponibbli onlajn sal-2015.

L-artisti, l-awturi u l-mużiċisti

L-internet huwa pjattaforma unika għat-tqassim ta' kontenut kulturali billi joħloq opportunitajiet għall-awturi, kompożituri u artisti biex jilħqu udjenzi akbar. L-Ewropa għandha bżonn timxi 'l quddiem b'mod mgħaġġel għall-ħolqien, produzzjoni u tqassim tal-kontenut diġitali. Dan jinħtieġ Suq Uniku Ewropew li jaħdem b'mod sħiħ u protezzjoni aħjar tal-ħlas tal-awturi u l-ħallieqa.

Għal xi oqsma tal-kontenut, bħalissa s-Suq Uniku Ewropew onlajn għadu frammentat minħabba li l-immaniġġjar tad-drittijiet huwa organizzat fuq bażi nazzjonali, sabiex il-mużika onlajn Pan Ewropea u l-video store ikollhom jinnegozzjaw id-drittijiet b'mod individwali b'entitajiet differenti ta' ġestjoni tad-drittijiet għal kull wieħed mis-27 Stat Membru. Ir-riżultat huwa li għalkemm il-konsumaturi Ewropej jistgħu, pereżempju, jixtru CDs f'kull ħanut, ta' spiss ma jkunux jistgħu jixtru l-mużika minn pjattaformi onlajn legali fl-UE kollha minħabba li d-drittijiet huma liċenzjati fuq bażi nazzjonali.

Bħalissa, id-dħul potenzjali għall-ħallieqa huwa mnaqqas minħabba li ċ-ċittadini Ewropej li jrid ikollhom aċċess għall-kontenut kreattiv u kulturali ma jistgħux jagħmlu dan minħabba li m'għandhomx il-mezzi legali biex ikollhom aċċess għal xogħol bħal dan. Il-fatt li kontenut pirata jiċċirkola b'mod aktar liberu mill-kontenut legali fl-Ewropa joħloq paradoss. Hemm il-ħtieġa ta' soluzzjoni bbilanċjata; l-industriji kreattivi għandhom jiġu mqanqla biex joffru aktar kontenut onlajn filwaqt li jieħdu lura protezzjoni legali aħjar. L-Aġenda Diġitali trid tegħleb dawn il-problemi billi tħeġġeġ liċenzjar li jaqsam il-fruntieri u dak pan Ewropew fl-ambjent diġitali. Dan se jsir, fost oħrajn, permezz ta' Direttiva ta' qafas dwar l-immanniġġjar tad-drittijiet kollettivi li mistennija għall-2011, proposta għad-Direttiva dwar xogħlijiet orfni u diskussjonijiet li tkomplew mal-partijiet interessati dwar xogħlijiet li m'għadhomx jiġu ppubblikati, u permezz ta' reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar l-Użu mill-Ġdid ta' Informazzjoni tas-Settur Pubbliku. Il-ħtieġa għal miżuri oħra se tiġi stimata fl-2012 wara Green Paper tal-2010 dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tat-tqassim ta' xogħlijiet awdjoviżivi u kontenut kreattiv ieħor onlajn.

L-ambjent – l-użu tal-ICT għat-tnaqqis tal-impatt tagħna fuq l-ambjent

It-tmexxija globali tal-Ewropa sabiex tegħleb il-bidla fil-klima wittiet it-triq b'politika ambizzjuża ta' tibdil tal-enerġija u l-klima li tistipula t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra b'mill-inqas 20% sal-2020. Il-potenzjal sħiħ tal-għodda tal-ICT sabiex jgħinu liċ-ċittadini u lill-impriżi jnaqqsu l-impatt tal-karbonju tagħhom għandu jinfetaħ għal kollox biex dan jgħin lill-UE tlaħħaq mal-impenji globali tagħha.

Is-soluzzjonijiet ta' monitoraġġ tal-ICT bħal sistemi intelliġenti ta' distribuzzjoni (smart grids) u miters li janalizzaw il-konsum tal-enerġija jistgħu jiffrankaw aktar enerġija fl-uffiċċju u d-dar. Id-dawl huwa responsabbli minn kważi 20% tal-konsum tal-elettriku mad-dinja kollha. Bl-użu ta' sistemi effiċjenti ta' mmaniġġjar ta' dawl intelliġenti bbażat fuq l-ICT, jista' jiġi ffrankat madwar 70% minn dan. Skont l-Aġenda Diġitali, sal-2020, għandu jkun hemm tnaqqis ta' 20% fl-użu tal-enerġija għad-dawl meta mqabbel mal-2010.

L-Aġenda Diġitali għandha l-għan li tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija tal-ICT u s-setturi prinċipali ta' emissjoni jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex jaċċelleraw l-introduzzjoni massiva ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT u din tilħaq il-miri tagħha tal-enerġija.

Ir-riċerkaturi – żieda u aggregazzjoni ta' finanzjament għar-riċerka dwar l-ICT

In-nuqqas ta' investiment tal-Ewropa fir-riċerka u l-iżvilupp relatati mal-ICT jhedded is-setturi tal-manifattura u servizzi Ewropej (l-aktar dak awtomobbli, l-apparat tal-konsumatur, tas-saħħa u mediku). In-nuqqas ta' investiment huwa kkawżat l-aktar minn infiq dgħajjef għar-R&Ż (inqas minn €5.5 biljun kull sena), burokrazija eċċessiva u frammentazzjoni tas-suq.

Fl-Aġenda Diġitali, il-Kummissjoni kkommettiet ruħha li ġġib aktar investiment privat permezz ta' użu strateġiku tal-akkwist prekummerċjali. Il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll sitt assoċjazzjonijiet ibbażati fuq l-ICT bejn il-pubbliku u l-privat fis-seba' programm qafas ta' riċerka tal-UE (FP7) b'total ta' finanzjament mill-UE ta' €1 biljun u billi ġġib madwar €2 biljun tal-infiq privat. Se żżomm ukoll il-pass maż-żidiet fis-sena tal-baġit għar-R&Ż tal-ICT, tal-inqas sal-2013. L-Aġenda Diġitali tistieden lill-Istati Membri tal-UE sabiex jirdoppjaw in-nefqa totali fis-sena fuq ir-R&Ż tal-ICT sal-2020 għal €11 –il biljun.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tinkludi wkoll miżuri sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv biex hekk ir-riċerkaturi żgħażagħ u l-SMEs ikollhom aċċess aktar faċli u veloċi għall-finanzjament tal-UE għar-riċerka fl-ICT li jibda fl-2011 u tissaħħaħ il-koordinazzjoni u t-tgħaqqid ta' riżorsi mal-Istati Membri u l-industrija.

It-tfal u l-ġenituri tagħhom: aktar sikurezza onlajn

Iż-żgħażagħ u t-tfal huma l-aktar grupp attiv li juża l-internet illum il-ġurnata: 73% tan-nies li għandhom bejn 16 u 24 sena jużaw b'mod regolari servizzi avvanzati biex joħolqu u jaqsmu kontenut onlajn, id-doppju tal-medja tal-UE (35%). 66% tal-Ewropej taħt l-età ta' 24 sena jużaw l-internet kuljum, imqabbla ma' medja ta' 43 % għall-UE kollha. Madankollu, għalkemm dawn iż-żgħażagħ jistgħu jħossuhom totalment komdi meta onlajn, xorta jibqgħu vulnerabbli għall-periklu fuq l-internet.

L-Aġenda Diġitali se tgħin lill-ġenituri u lit-tfal biex ikollhom aktar sikurezza meta onlajn. B'mod partikolari, grazzi għall-Programm tal-UE għal Internet Aktar Sikur, l-Istati Membri Ewropej kollha se jkunu mħeġġa jagħmlu hotlines fejn ikun irrappurtat kontenut onlajn li hu offensiv u minn fejn isir tagħlim dwar is-sikurezza onlajn fl-iskejjel. Il-fornituri tas-servizzi onlajn li huma l-aktar popolari fost il–ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ (eż netwerks soċjali, operaturi tal-mowbajls) se jkunu mitluba li sal-2013 jiżviluppaw aktar il-miżuri awtoregolatorji dwar is-sikurezza onlajn tat-tfal.

Fl-aħħarnett, l-Aġenda Diġitali tipproponi li tissaħħaħ tal-kooperazzjoni fuq livell Ewropew u internazzjonali kontra l-kriminalità fuq l-Internet (eż. pjattaforma ta' allert onlajn fuq livell nazzjonali u tal-UE sabiex jingħelbu l-isfruttament sesswali u t-tixrid ta' materjal ta' abbuż sesswali fuq it-tfal) u forom oħra ta' attakki fuq l-internet, serq ta' identità u spam.

L-Anzjani u l-persuni b'diżabilità – opportunitajiet ġodda

Is-Saħħa-e hija qasam ewlieni għall-innovazzjoni li tista' tagħti riżultati aħjar għall-anzjani u nies b'diżabilità, speċjalment f'soċjetà li qed tixjieħ.

Pereżempju, grazzi għall-finanzjament tal-UE, it-teknoloġiji tal-Għixien Mgħejun Kontestwalment (Ambient Assisted Living (AAL)) jqiegħdu lill-ICT fl-azzjoni biex jiżguraw li s-soċjetà diġitali tippermetti ħajja aktar indipendenti u dinjituża lil dawk li huma debboli jew ibatu minn kundizzjonijiet kroniċi u għall-persuni b'diżabilità.

Il-programm AAL jippromwovi l-innovazzjoni u l-użu tal-ICT f'oqsma bħall-prevenzjoni mill-waqgħat (dan jaffettwa aktar minn terz tan-nies li għandhom iktar minn 65 sena fl-UE) jew biex jappoġġja aktar minn 7 miljun ċittadin tal-UE li jsofru minn dimenzja, telf ta' memorja, nuqqas ta' attenzjoni jew nuqqas ta' ħila li jsolvu problemi żgħar. L-Aġenda Diġitali għandha l-għan li tirdoppja l-arranġamenti tal-għixien indipendenti għall-anzjani sal-2015.

150 miljun Ewropew - xi 30% - għadhom qatt ma użaw l-internet. Dan il-grupp huwa magħmul l-aktar minn nies li għandhom bejn 65 u 74 sena. L-aċċessibbiltà u l-faċiltà tal-użu huma wkoll problema għall-Ewropej b'diżabbiltà. Ir-rebħa fuq din il-qasma diġitali tista' tgħin lil dawk li jinsabu fi gruppi soċjalment żvantaġġjati biex jipparteċipaw b'mod aktar ugwali fis-soċjetà diġitali (fosthom servizzi li jinteressawhom direttament bħat-Tagħlim-e, il-Gvern-e, is-Saħħa-e) u jżidu l-impjegabbiltà u titjieb il-kwalità tal-ħajja.

In-nies f'żoni rurali u remoti – jingħaqdu l-kommunitajiet

L-għan tal-Aġenda Diġitali huwa li sal-2013, iwassal l-internet broadband lil kulħadd, anke lil dawk in-nies li jgħixu f'żoni iżolati. Madankollu, il-prezzijiet għoljin tal-bini ta' infrastrutturi ġodda flimkien ma' densità baxxa tal-popolazzjoni jfissru li l-kumpanija tat-telekomunikazzjoni jiskoraġġixxu ruħhom mill-installazzjoni ta' infrastruttura meħtieġa tal-broadband.

Sabiex tingħeleb din il-problema, l-UE se taħdem mal-Istati Membri biex issaħħaħ u ttejjeb il-mira reġjonali u programmi ta' finanzjament oħrajn biex tappoġġja l-investiment u tadotta miżuri li jnaqqsu l-ispejjeż tal-investiment. L-Aġenda Diġitali tipprevedi wkoll proposti biex tiżgura li parti mid-dividend diġitali – il-frekwenzi tar-radju meħlusa permezz taċ-ċaqliq minn xandir analogu għal dak diġitali – li jista' jintuża għat-teknoloġiji broadband bla fili. Dan huwa partikolarment importanti minħabba li broadband bla fili (terrestri u bis-satellita) ma jwassalx biss servizzi ġodda interessanti iżda huwa kruċjali għall-provvediment ta' internet veloċi għal kulħadd, inklużi r-reġjuni 'l bogħod u dawk rurali.

Biex tippromwovi l-iżvilupp tan-netwerks broadband, il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi Programm ambizzjuż għall-Politika Ewropea dwar l-Ispettru iktar tard din is-sena biex iżżid l-effiċjenza tal-immaniġġjar tal-ispettru tar-radju u żżid il-benefiċċji għall-konsumaturi u l-industrija.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site