Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/09/559

Brussell, is-16 ta' Diċembru 2009

Antitrust: Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skrin għall-għażla ta' internet brawżer ġdid tal-Microsoft – gwida għall-utent

(ara wkoll IP/09/1941 u MEMO/09/558 )

X'inhu internet brawżer?

Internet Brawżer huwa softwer li jħalli lill-utenti tal-kompjuters jidħlu u jfittxu fuq l-internet.

X'inhu l-iskrin għall-għażla u kif jista' wieħed jakkwistah?

Microsoft qablet mal-Kummissjoni Ewropea biex toffri lill-utenti tal-Microsoft Windows skrin għall-għażla li jagħtihom għażla faċli dwar liema brawżer jixtiequ jużaw.

L- iskrin għall-għażla se jiġi ppreżentat lil dawk l-utenti tal-Windows Ewropew (attwalment iktar minn 100 miljun) li għandhom l-Internet Explorer issettjat bħala l-brawżer awtomatiku tagħhom.

Sal-lum, Mirosoft ipprovdiet l-internet brawżer tagħha flimkien mas-softwer tal-Windows, filwaqt li l-brawżers ewlenin li jikkompetu jridu jitniżżlu mill-internet. Dan ifisser li brawżers oħra ħafna drabi jispiċċaw ma jkunux installati fuq il-kompjuters tal-konsumaturi.

L-iskrin għall-għażla se jieħu l-forma ta' aġġornament tal-Windows. L-aġġornament se jkun installat awtomatikament għall-utenti li jkunu għażlu l-installazzjoni awtomatika tal-aġġornamenti permezz tal-aġġornament tal-Windows sabiex ma jkollhom bżonn jagħmlu xejn biex ikollhom aċċess.

L-iskrin għall-għażla se jkun disponibbli min-nofs Mejju 2010.

X'inhu internet brawżer awtomatiku?

Dan huwa l-brawżer magħżul għalik mill-manifattur tal-PC. Għall-maġġoranza tal-utenti tal-Windows, dan hu l-internet brawżer tal-Microsoft.

Jekk int tniżżel brawżer ieħor, int tista' tissettjah bħala l-brawżer awtomatiku tiegħek meta tinstallah.

Int tista' tbiddel l-għażla tiegħek f'kull ħin.

Għaliex l-Iskrin għall-Għażla jintwera biss lill-utenti li għandhom internet brawżer tal-Microsoft issettjat bħala l-internet brawżer awtomatiku tagħhom?

L-għan tal-Kummissjoni huwa li tiżgura li Microsoft ma tabbużax mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq tas-sistema operattiva tal-kompjuter personali u b'hekk tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq tal-internet brawżer. Dan huwa parti mill-impenn tal-Kummissjoni lill-konsumaturi biex ittejjeb it-tħaddim tas-swieq – billi twassal għal iktar għażliet, innovazzjoni u kwalità.

Iżda anke jekk in-nies qed jużaw internet brawżer ieħor, naturalment huma jistgħu jbiddlu l-brawżer tagħhom f'kull ħin.

Għaliex in-nies għandhom ikollhom għażla - u jekk huma kuntenti bl-internet brawżer tal-Microsoft?

Il-Kummissjoni mhix qiegħda ġġiegħel lin-nies ibiddlu l-internet brawżer tagħhom. Huma jistgħu jżommu l-internet brawżer tal-Microsoft. Il-Kummissjoni qiegħda sempliċiment taċċerta li n-nies għandhom għażla reali bejn diversi internet brawżers offruti. Fil-fatt, in-nies jistgħu jżommu l-internet brawżer tal-Microsoft u jżidu brawżer ieħor tal-għażla tagħhom jekk jixtiequ jagħmlu hekk.

Microsoft offriet li toħloq Skrin għall-għażla bħala parti minn impenn mogħti lill-Kummissjoni biex tiżgura kompetizzjoni bbażata fuq il-mertu fis-suq tal-brawżers. Fl-aħħar minn l-aħħar, l-esperjenza tan-nies tal-internet hija affettwata mill-brawżer li għażlu, u l-eżistenza ta' numru ta' għażliet tajbin tagħti inċentiv lil kull kumpanija biex twettaq innovazzjoni u toffri lin-nies brawżers aħjar fil-futur. Għalhekk, in-nies huma liberi li jibqgħu jużaw dak li għandhom, jew inkella jużaw l-Iskrin għall-Għażla biex jitgħallmu iktar dwar l-għażliet tagħhom, jew jagħmlu l-għażla li jippreferu.

X'irridu jagħmlu n-nies meta jaraw l-Iskrin għall-Għażla?

L-għażla hija f'idejhom. In-nies jistgħu jagħżlu brawżer wieħed jew iktar. Huma jistgħu jsibu utli li jaqraw l-informazzjoni addizzjonali dwar x'joffri kull brawżer qabel ma jagħmlu l-għażla tagħhom.

U jekk in-nies ma jridu jbiddlu xejn/iridu jżommu l-internet brawżer ta' Microsoft?

In-nies jistgħu sempliċiment jagħlqu l-Iskrin għall-għażla. It-tniżżil ta' brawżer ieħor mhux se jneħħi l-internet brawżer tal-Microsoft mill-kompjuter tiegħek.

In-nies se jitilfu l-internet brawżer tal-Microsoft jew il-personalizzazzjonijiet (pereżempju l-favoriti) jekk jagħżlu internet brawżer ieħor?

Il-maġġoranza tal-brawżers jippermettu lin-nies li jitrasferixxu l-personalizzazzjonijiet meta jniżżluhom.

L-Iskrin għall-Għażla mhux se jneħħi l-internet brawżer tal-Microsoft. Madankollu, l-utenti tal-Windows 7, jistgħu "jitfu" l-internet brawżer tal-Microsoft jekk jixtiequ jagħmlu hekk.

Fil-Windows 7, l-internet brawżer tal-Microsoft se "jitlaq" mit-task bar tal-Windows meta wieħed jiftaħ l-Iskrin għall-Għażla. Madankollu, l-utenti jistgħu faċilment iżidu internet brawżer (jew programm ieħor) fit-task bar, inkluż l-internet brawżer tal-Microsoft.

Uħud mill-internet brawżers fl-Iskrin tal-Għażla ma tantx huma magħrufa – l-użu tagħhom huwa sigur?

L-internet brawżers imniżżla fl-Iskrin għall-Għażla, bħal pereżempju Mozilla Firefox, Google Chrome, Apple Safari u Opera, jinsabu hemm għaliex huma mal-ewwel tnax-il brawżers l-iktar użati fl-Ewropea.

L-internet brawżers fl-Iskrin għall-Għażla huma aħjar mill-internet brawżer tal-Microsoft?

Huwa f'idejn in-nies biex jiskopru liema hu l-aħjar. Kull internet brawżer huwa differenti. L-Iskrin għall-għażla jinkludi l-internet brawżer li huma l-iktar popolari fost l-utenti Ewropej.

Jekk in-nies jagħlqu l-Iskrin għall-Għażla, kif jistgħu jerġgħu jarawh?

Se jkun hemm ikona tal-Iskrin għall-għażla fuq id-desktop tal-pc. Jekk tiklikkja fuqu, l-Iskrin għall-għażla jerġa' jidher. In-nies jistgħu wkoll jiklikkjaw fuq "għażel iktar tard" meta jidher l-Iskrin għall-għażla jekk iridu jieħdu deċiżjoni f'ħin ieħor. Imbagħad, l-iskrin għall-għażla jerġa jidher awtomatikament id-darba li jmiss meta l-utent jidħol fil-Windows.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site