Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/08/86

Brussell, it-13 ta' Frar 2008

Eżaminar tal-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)

Il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar il-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR), bl-għan ewlieni li tipprevjeni l-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, u tnaqqas in-numru ta' immigranti illegali li jitilfu ħajjithom fil-baħar u biex iżżid is-sigurtà interna ta' l-UE billi tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali.

L-isfidi u l-għanijiet

Il-Komunikazzjoni teżamina l-parametri li fihom is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR), li għall-bidu tkun tiffoka fuq il-fruntieri esterni tan-Nofsinhar u tal-Lvant ta' l-Ewropa, tista' tiżviluppa u tissuġġerixxi lill-Istati Membri pjan ta' rotta għall-iżvilupp gradwali ta' tali "sistema tas-sistemi" matul is-snin li ġejjin. Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq it-tisħiħ tas-sorveljanza, bil-għan li

  • Tnaqqas in-numru ta' immigranti illegali li jidħlu fl-Unjoni Ewropea bil-moħbi
  • Għalissa s-sistemi nazzjonali ta' sorveljanza tal-fruntieri qed ikopru biss partijiet speċifiċi mill-fruntieri esterni ta' l-UE. Minħabba limitazzjonijiet tekniċi u finanzjarji, iż-żoni koperti mis-sorveljanza bħalissa huma ristretti għal certi pjanuri jew żoni mal-kosta u dawk iż-żoni fejn isiru l-operazzjonijiet.
  • Jeħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri fl-Istati Membri jiġu pprovduti b'informazzjoni fil-ħin u ta' min jorbot fuqha biex ikunu jistgħu jindunaw, jidentifikaw, jintraċċaw u jinterċettaw lil dawk li jkunu qed jippruvaw jidħlu fl-UE illegalment, biex b'hekk jitnaqqas in-numru ta' immigranti illegali li qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-UE bil-moħbi.
  • Tnaqqis tan-numru ta' mwiet ta' immigranti illegali billi jiġu salvati aktar ħajjiet fuq il-baħar
  • Bosta immigranti illegali u persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali qed jivjaġġaw f'kundizzjonijiet ta' tbatija estrema u qed jieħdu riskji personali kbar bit-tentattivi tagħhom biex jidħlu fl-UE illegalment billi jistaħbew fil-karozzi, fuq vapuri tal-merkanzija, eċċ. Il-prattika reċenti ta' vjaġġi abbord bċejjeċ tal-baħar ippakkjati u li ma jkunux tajbin għat-tbaħħir, immultiplikat in-numri ta' migranti sfortunati li jmutu mgħarrqa fl-Oċean Atlantiku bejn l-Afrika u l-gżejjer Kanarji u l-Baħar Mediterran.
  • In-numru ta' mwiet traġiċi li qed jirriżultaw minn din it-tip ta' immigrazzjoni illegali huwa inaċċettabbli u għalhekk għandu jitnaqqas b'mod sinjifikanti. Għandha tittejjeb il-kapaċità li jiġu interċettati dgħajjes żgħar fl-ibħra miftuħa, li tikkontribwixxi għal ċansijiet akbar ta' tiftix u salvataġġ u b'hekk jiġu salvati aktar ħajjiet fil-baħar. Madankollu, soluzzjonijiet fit-tul għall-isfidi imposti mill-ġestjoni tal-migrazzjoni jistgħu jinkisbu biss permezz ta' strateġija komprensiva li tinkludi kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, anke fis-sorveljanza tal-fruntieri.
  • Żieda fis-sigrutà interna ta' l-UE b'mod ġenerali billi jkun hemm kontribut għall-prevenzjoni tal-kriminalità transkonfinali.
  • Is-sorveljanza tal-fruntieri m'għandhiex biss l-għan li tipprevjeni l-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri, imma wkoll l-kriminalità transkonfinali bħall-prevenzjoni tat-terroriżmu, tat-traffikar tal-bnedmin, traffikar tad-drogi, traffikar illegali ta' l-armi eċċ.
  • Il-ġlieda kontra dawn it-theddidiet hija l-ewwel u qabel kollox f'idejn il-forzi tal-pulizija u s-servizzi ta' l-intelligence ta' l-Istati Membri. Madankollu, sistema effettiva ta' ġestjoni tal-fruntieri kemm fuq il-livell nazzjonali u kemm Ewropew tipprovdi għodda siewja għall-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali.

Il-Kunċett ġenerali

Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) għandha tgħin lill-Istati Membri biex jaslu għal għarfien tas-sitwazzjoni[1] dwar il-qagħda fil-fruntieri esterni tagħhom, u żżid il-kapaċità ta' reazzjoni[2] ta' l-awtoritajiet tagħhom ta' l-infurzar tal-liġi.

Il-EUROSUR għandu jipprovdi l-qafas tekniku komuni biex jissimplifika l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni ta' kuljum bejn l-awtoritajiet ta' Istati Membri u jiffaċilita l-użu ta' l-aħħar teknoloġija għall-iskopijiet ta' sorveljanza tal-funtieri. Għan operazzjonali ewlieni għandu jkun dak ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni, minbarra d-data personali, bejn is-sistemi nazzjonali u Ewropej eżistenti.

Il-EUROSUR jista' jitwaqqaf fi tliet fażijiet paralleli u kontinwi:

  1. FAŻI 1: L-għan ta' din il-fażi huwa biex jgħaqqad u jissimplifika s-sistemi u l-mekkaniżmi eżistenti ta' sorveljanza fil-livell ta' l-Istati Membri.

Għalhekk għandu jintuża l-finazjament ipprovdut mill-Fond Ewropew tal-Fruntieri Esterni għat-titjib u l-estensjoni tas-sistemi nazzjonali ta' sorveljanza tal-fruntieri u jiġu mwaqqfa ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni għall-kontroll tal-fruntieri fl-Istati Membri fil-fruntieri esterni fin-Nofsinhar u l-Lvant ta' l-UE.

Għandu jitwaqqaf netwerk sikur u kompjuterizzat ta' komunikazzjoni sabiex tiġi skambjata d-data u jiġu kkordinati l-attivitajiet bejn iċ-Ċentri fl-Istati Membri kif ukoll ma' l-Aġenzija FRONTEX.

Aktar minn hekk, għandu jiġi esplorat kif l-appoġġ finanzjarju u loġistiku għandu jingħata lill-pajjiżi terzi ġirien magħżula biex tiġi promossa l-kooperazzjoni operazzjonali dwar is-sorveljanza tal-fruntieri bejn l-Istati Membri.

  1. FAŻI 2: L-għan ta' din il-fażi huwa biex isir użu aħjar ta' l-għodod ta' sorveljanza fil-livell ta' l-UE.

Permezz ta' l-użu tal-programmi ta' l-UE għar-riċerka u l-iżvilupp, il-prestazzjoni teknika ta' l-għodod u s-sensuri ta' sorveljanza (eż. satelliti, vetturi ta' l-ajru mingħajr ekwipaġġ, eċċ) għandhom jiġi mtejba.

Aktar minn hekk, l-applikazzjoni komuni ta' strumenti ta' sorveljanza jipprovdu lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri b'informazzjoni ta' sorveljanza fuq il-fruntieri esterni tagħhom u fiż-żona ta' quddiem il-fruntiera fuq bażi aktar frekwenti u affidabbli.

Fl-aħħar, tista' tiġi żviluppata stampa komuni ta' intelligence taż-żona ta' quddiem il-fruntiera biex tkum imqabbla ma' l-informazzjoni miksuba permezz ta' l-għodod ta' sorveljanza.

  1. FAŻI 3: L-oġġettiv ta' din il-fażi huwa li jinħoloq ambjent komuni ta' skambju ta' informazzjoni għad-dominju marittimu ta' l-UE. Dan għandu jsir bili jiġu integrati s-sistemi kolla eżistenti ta' rappurtaġġ u sorveljar li hemm fl-inħawi fejn hemm il-baħar u taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri u fl-ibħra miftuħa tal-viċin, f'netwerk aktar wiesa' li jippermetti lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri biex jieħdu vantaġġ mill-użu kombinat ta' dawn is-sistemi differenti.

Meta wieħed iqis il-pressjoni migratorja preżenti, bħala l-ewwel pass in-netwerk integrat għandu jkun limitat għall-Baħar Mediterran, in-naħa t'isfel ta' l-Ocean Atlantiku (il-Gżejjer Kanarji) u l-Baħar l-Iswed u jkun iffukat fuq is-sigurtà interna u isensel flimkien l-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri u awtoritajiet oħra fid-dominju marittimu li għandhom interessi u responsabilitajiet ta' sigurtà .

Aktar tard, dan in-netwerk integrat ta' sistemi ta' rappurtaġġ u sorveljanza jista' jkun estiż għad-dominju marittimu kollu ta' l-UE, u jkopri mhux biss l-aspetti relatati mal-fruntieri, imma l-attivitajiet marittimi kollha, bħas-sigurtà marittima, il-ħarsien ta' l-ambjent marittimu, kontroll tas-sajd u l-infurzar tal-liġi.

Filwaqt illi l-1 u t-2 fażi għandhom ikopru l-fruntieri esterni marittimi u ta' l-art, it-3 fażi għandha tiffoka fuq id-dominju marittimu biss. L-aspetti ta' din il-komunikazzjoni li għandha x'taqsam mas-sorveljanza tal-fruntieri esterni marittimi tagħmel parti mill-qafas ġenerali li twaqqaf permezz tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea.

Ladarba tiġi implimentata, il-EUROSUR tkun tikkostitwixxi pass deċiżiv fit-twaqqif gradwali ta' sistema komuni Ewropea tal-ġesjoni integrata tal-fruntieri. Meta jkunu qed jiġu implimentati l-miżuri differenti deskritti f'din il-Komunikazzjoni, il-Fond tal-Fruntieri Esterni ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkun il-mekkaniżmu ewlieni ta' solidarjetà għall-Istati Membri biex iħaffef il-piż finanzjarju.

Għal iktar tagħrif dwar il-ħidma tal-Viċi President Franco Frattini żur il-websajt tiegħu: http://www.ec.europa.eu/commission_barroso/frattini/index_en.htm


[1] L-għarfien tas-sitwazzjoni jkejjel kemm l-awtoritajiet huma kapaċi li jintraċċaw moviment transkonfinali u jsibu bażijiet raġunati għall-miżuri ta' kontroll.

[2] Il-kapaċità ta' reazzjoni tkejjel il-perjodu ta' ħin li jieħu biex jiġi kkontrollat moviment transkonfinali kif ukoll il-ħin u l-mezzi biex wieħed jirreaġixxi kif inhu xieraq f'ċirkostanzi mhux tas-soltu.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website