Navigation path

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-proposta għal Direttiva dwar il-ħażna ġeoloġika tad-dijossidu tal-karbonju

European Commission - MEMO/08/36   23/01/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/08/36

Brussell, it-23 ta’ Jannar 2008

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-proposta għal Direttiva dwar il-ħażna ġeoloġika tad-dijossidu tal-karbonju

1) X’inhuma l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju?

Il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju huma parti minn katina ta’ proċessi teknoloġiċi li jinvolvu l-ġbir tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) mill-gassijiet li jintremew mill-industrija, biex is-CO2 mbagħad jiġi trasportat u injettat ġo formazzjonijiet ġeoloġiċi.

L-applikazzjoni ewlenija tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) hija li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-ġenerazzjoni ta’ enerġija minn idrokarboni, prinċipalment faħam u gass, iżda s-CCS tapplika wkoll għal industriji intensivi fis-CO2 bħal siment, raffineriji, ħadid u azzar, petrokimiki, ipproċessar ta' żejt u gass u oħrajn. Wara li s-CO2 jinġabar, jiġi trasportat għal formazzjoni ġeoloġika adegwata fejn jiġi injettat, bl-iskop li jiġi iżolat mill-atmosfera għal medda twila ta’ żmien.

Hemm għażliet ta’ ħżin oħra barra l-ħażna ġeoloġika, bħal ħażna fil-kolonna ta’ l-ilma u ħażna minerali. Il-ħażna fil-kolonna ta’ l-ilma jitqies li fiha riskju ambjentali għoli, u d-Direttiva proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħażna ġeoloġika tas-CO2 tipprojbixxiha fl-Unjoni. Il-ħażna minerali hija bħalissa s-suġġett tar-riċerka. L-iżviluppi se jkunu riveduti kontinwament.

2) Kif taħdem il-ħażna ġeoloġika?

Jeżistu erba’ mekkaniżmi ewlenin li jaħżnu s-CO2 f'formazzjonijiet ġeoloġiċi magħżula tajjeb. L-ewwel wieħed huwa l-ġbir strutturali, li jinvolvi l-preżenza ta’ saff impermeabbli tal-blat li mill-ewwel jipprevjeni t-telf tas-CO2. It-tieni metodu jissejjaħ ġbir residwali tas-CO2 fejn is-CO2 jinħażen permezz ta’ forzi kapillari fix-xquq tal-formazzjoni tal-blat, li jiżviluppa wara 10 snin mill-injezzjoni. It-tielet metodu huwa l-ħażna tas-solubbiltà fejn is-CO2 jinħall fl-ilma li jinstab fil-formazzjoni ġeoloġika u jegħreq minħabba il-fatt li s-CO2 fl-ilma huwa itqal mill-ilma normali. Dan isir importanti bejn l-10 u l-100 sena wara l-injezzjoni. Fl-aħħarnett, il-ħażna minerali sseħħ meta s-CO2 maħlul jirreaġixxi kimikament mal-formazzjoni tal-blat u jipproduċi minerali.

3) Għaliex hija meħtieġa s-CCS?

Filwaqt li l-effiċjenza u r-rinnovabbiltà ta’ l-enerġija huma l-aktar soluzzjonijiet sostenibbli fuq medda twila għas-sigurtà kemm tal-provvista kif ukoll tal-klima, l-emissjonijiet ta’ l-UE u tad-dinja tas-CO2 ma jistgħux jitnaqqsu b’50% sa l-2050 jekk ma nużawx ukoll għażliet oħra bħall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju.

Iż-żmien huwa kruċjali. Madwar terz tal-kapaċità eżistenti ta’ enerġija mill-faħam fl-Ewropa ser tkun sostitwita fi żmien l-10 snin li ġejjin. Fis-sitwazzjoni internazzjonali, il-konsum ta’ l-enerġija fiċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil, l-Afrika t'Isfel u l-Messiku ser iwassal għal żieda kbira fid-domanda globali, li aktarx ser tintlaħaq l-aktar bl-użu ta’ l-idrokarboni. Jeħtieġ li niżviluppaw b’urġenza l-kapaċità biex nittrattaw dawn l-emissjonijiet li jistgħu jkunu tassew kbar.

4) Is-CCS hija matura teknikament?

L-elementi diversi tal-ġbir, it-trasport u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju rajniehom ilkoll, iżda l-integrazzjoni tagħhom fi proċess komplut tas-CCS u t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż jibqgħu sfida għalina.

L-akbar proġetti tal-ħżin tas-CO2 li huma involuti fihom kumpaniji Ewropej huma l-proġett ta' Sleipner[1], proġett fil-Baħar tat-Tramuntana (Statoil) u l-proġett ta' In Salah[2] fl-Alġerija (Statoil, BP u Sonatrach). Iż-żewġ proġetti jinvolvu t-tneħħija tas-CO2 minn gass naturali – proċess li diġà qed isir qabel ma jkun jista’ jinbiegħ il-gass – u l-ħżin tiegħu f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art. Il-proġett ta’ Sleipner ġie xprunat bit-taxxa Norveġiża fuq id-dijossidu tal-karbonju li kienet wisq ogħla mill-ispiża ta’ kull tunnellata ta’ CO2 maħżuna fil-formazzjoni ġeoloġika ta’ Sleipner. Il-proġett ta’ In Salah jaf il-bidu tiegħu mis-sistema interna tal-kumpanija BP għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet. Proġetti oħrajn ta’ turija li qed iseħħu huma l-proġett ta’ Vattenfall fi Schwartze Pumpe[3] fil-Ġermanja, li għandu jibda jopera sa nofs l-2008, u l-proġett tas-CCS ta’ Total fil-baċin tal-Lacq fi Franza. Il-Pjattaforma tat-Teknoloġija Ewropea għall-Impjant ta' l-Enerġija ta’ Idrokarboni mingħajr Emissjonijiet (ETP-ZEP), inizjattiva tal-partijiet interessati apoġġata mill-Kummissjoni, identifikat xi 15-il proġett ta’ turija kompluti li jistgħu jipproċedu malli jiġi stabbilit il-qafas ekonomiku meħtieġ.

5) Kemm ser jiswew il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju?

L-ispiża tas-CCS tinvolvi parti bħala investiment kapitali f’apparat għall-ġbir, trasport u ħżin tas-CO2, u parti bħala l-ispiża ta’ l-operat ta’ dan l-apparat biex jinħażen is-CO2 fil-prattika – pereżempju l-ammont ta’ enerġija meħtieġa għall-ġbir, trasport u injezzjoni tas-CO2. Bil-prezzijiet attwali tat-teknoloġija, l-ispejjeż li jitnaqqsu mill-investiment inizjali huma minn 30% sa 70% (jiġifieri bosta mijiet ta’ miljuni ta’ ewro għal kull impjant) akbar minn impjanti standard, u l-ispejjeż operattivi huma attwalment minn 25% sa 75% akbar minn ta’ impjanti li mhumiex tas-CCS u li jaħdmu bil-faħam. Huwa mistenni li dawn l-ispejjeż jonqsu b’mod sostanzjali hekk kif it-teknoloġija tirrendi fuq skala kummerċjali.

6) Meta ser nilħqu l-użu aktar mifrux tas-CCS?

It-tqabbid tas-CCS jiddependi mill-prezz tal-karbonju u l-prezz tat-teknoloġja. Jekk il-prezz ta’ kull tunnellata ta’ CO2 evitata permezz tas-CCS ikun aktar baxx mill-prezz tal-karbonju, allura s-CCS għandha tibda tintuża. Għalkemm dawn iż-żewġ prezzijiet jibqgħu inċerti ħafna, il-pakket tal-klima u ta’ l-enerġija għandu sa ċertu punt iżommhom stabbli.

Is-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet (ETS) ta’ l-UE mhux se tqis bħala emissjoni s-CO2 miġbur, trasportat u maħżun b’mod sikur. Ir-reviżjoni tas-sistema biex tippermetti li s-settur li jipparteċipa fl-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet jaqdi l-impenji tiegħu bħala kontribut lejn l-għan ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ tnaqqis ta’ 20% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għandha tiggarantixxi prezz tajjeb għal-karbonju.

Il-Komunikazzjoni dwar l-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Ġenerazzjoni Sostenibbli ta' l-Enerġija tistipula l-impenn tal-Kummissjoni għal turija bikrija u effettiva tas-CCS u tħeġġeġ inizjattivi kuraġġjużi u f'waqthom mill-industrija u mill-pubbliku. L-għan ta’ din il-ħidma ta’ turija huwa li nitgħallmu minn integrazzjoni prattika ta’ l-elementi tal-proċess fuq skala kummerċjali. Il-qafas ġuridiku li jippermetti dan japplika għal proġetti ta’ turija u għal kull proġett tas-CCS ieħor fil-ġejjieni. Meta jibdew jitħaddmu l-proġetti ta' turija, il-prezz tat-teknoloġija għandu jonqos b’mod sostanzjali matul l-għaxar snin li ġejjin.

Skond il-projezzjonijiet tal-Kummissjoni stipulati fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tal-proposta għal Direttiva dwar il-ħażna ġeoloġika tad-dijossidu tal-karbonju, it-tqabbid tas-CCS fuq skala kummerċjali aktarx għandu jibda f’xi waqt fl-2020 u wara jiżdied b’mod sostanzjali.

7) Min se jħallas l-ispiża?

Il-proposta biex nippermettu s-CCS mhux ser timponi spejjeż addizzjonali fuq dawk li diġà meħtieġa biex nilħqu l-mira ta’ tnaqqis ta’ 20% fil-gassijiet serra. Ladarba s-CCS timmatura, għandhom ikunu l-operaturi individwali li jiddeċiedu jekk jirrilixxawx l-emissjonijiet u jħallsux l-kwoti ta’ l-ETS biex jagħmlu tajjeb għalihom, jew inkella jużawx is-CCS biex inaqqsu l-emissjonijiet u l-obbligi tagħhom fil-qafas ta’ l-ETS. Il-massimu tal-ħlas minn operatur se jkun stabbilit l-aktar skond il-prezz tal-karbonju. Is-CCS se tintuża biss jekk l-ispiża ta’ kull tunnellata ta’ CO2 evitata tkun aktar baxxa mill-prezz tal-karbonju. F’dan ir-rigward il-prezz tal-karbonju jinternalizza l-prezz ta’ l-emissjonijiet ta’ CO2 mil-lat tat-tibdil fil-klima. L-operaturi jistgħu jgħaddu parti mill-ispiża tal-karbonju lill-konsumaturi. Dan jiddependi mill-kundizzjonijiet fis-suq ikkonċernat. (Ara MEMOs dwar il-qsim ta’ l-isforzi u l-proposta riveduta ta’ l-ETS).

Fl-istadju tal-bidu, il-proġetti ta’ turija tas-CCS se jeħtieġu finanzi addizzjonali aktar minn dawk ta’ l-inċentiv provdut mis-suq tal-karbonju minħabba l-fatt li l-ispiża attwali tat-teknoloġija hija sostanzjalment ogħla mill-prezz tal-karbonju. L-impenn finanzjarju deċisiv mill-industrija se jkun kruċjali biex dan l-iffinanzjar addizzjonali jintlaħaq; miżuri ta’ appoġġ mill-Istati Membri aktarx se jkollhom ukoll irwol importanti.

Minħabba l-importanza tat-turija kmieni tat-teknoloġiji tas-CCS fil-ġenerazzjoni ta' l-enerġija, u minħabba li xi wħud minn dawn il-proġetti se jeħtieġu xi fondi pubbliċi, il-Kummissjoni hija lesta li tħares b'mod favorevoli lejn l-użu ta' għajnuna mill-istat biex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali marbutin mat-turija tat-teknoloġiji tas-CCS fil-proġetti ta' produzzjoni ta' l-enerġija. Il-Linjigwida riveduti għall-Għajnuna mill-Istat għall-Ambjent u li ġew adottati f'dan il-pakkett jirriflettu dan l-impenn.

8) Is-CCS se ssir obbligatorja?

Mhux għalissa. Il-proposta tal-Kummissjoni tippermetti l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju billi tipprovdi qafas għall-ġestjoni ta’ riskji ambjentali u għat-tneħħija ta’ ostakli fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Il-prezz tal-karbonju u l-ispiża tat-teknoloġija għandhom jiddeterminaw jekk is-CCS taqbadx jew le fil-prattika. Id-deċiżjoni jekk jagħmilx sens kummerċjalment li tintuża s-CCS taqa’ f’idejn kull operatur.

Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt għad-Direttiva proposta teżamina l-implikazzjonijiet ta’ jekk is-CCS ssir obbligatorja. Filwaqt li fil-bidu jkun hemm xi użu bikri tas-CCS, dan għandu jkollu spiża sinifikanti u m’għandu jipprovdi l-ebda vantaġġ ċar la fl-istimulazzjoni ta’ l-iżvilupp teknoloġiku u t-titjib fil-kwalità ta’ l-arja, u lanqas fil-promozzjoni tat-tqabbid aktar bikri tas-CCS minn pajjiżi mhux fl-UE. Jekk is-CCS ssir obbligatorja, dan ikun wkoll kontra l-approċċ ibbażat fuq is-suq tas-Sistema Ewropea għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet. L-obbligu ta’ teknoloġija li għadha trid tkun dimostrata fuq skala kummerċjali jippreżenta wkoll riskji li attwalment mhumiex ġustifikati.

Madankollu, din is-sitwazzjoni tista’ tevolvi. L-użu tas-CCS għandu jkun kruċjali biex jintlaħaq it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra ‘l hinn mill-2020, u sa l-2015 l-għażliet teknoloġiċi se jkunu aktar ċari. Għalhekk, jekk it-tqabbid kummerċjali tas-CCS huwa kajman, dawk li jfasslu l-politika se jkunu obbligati li jerġgħu jeżaminaw l-applikazzjoni obbligatorja tat-teknoloġija tas-CCS.

9) Kif ser tkun ittrattata s-CCS skond is-Sistema għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet ta’ l-UE?

L-ETS ser tipprovdi l-inċentiv ewlieni għall-użu tas-CCS. Skond l-ETS, is-CO2 miġbur u maħżun b'mod sikur skond il-qafas ġuridiku ta’ l-UE mhux se jitqies bħala emissjoni. Fit-tieni fażi ta’ l-ETS (2008-12) jistgħu jiddaħħlu l-istallazzjonijiet tas-CCS. Fit-tielet fażi (mill-2013 ’il quddiem), skond il-proposta għal emenda tad-Direttiva ta’ l-lskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet, stallazzjonijiet tal-ġbir, it-trasport u l-ħżin għandhom ikunu inklużi espliċitament fl-Anness I ta’ l-ETS.

10) Kemm ser tikkontribwixxi s-CCS għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE?

Il-kontribuzzjoni eżatta se tiddependi minn kemm taqbad is-CCS, iżda projezzjonijiet li saru għall-Valutazzjoni ta’ l-Impatt tad-Direttiva proposta juru li, bis-CCS megħjuna permezz ta’ l-ETS u jekk nassumu tnaqqis ta’ 20% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020 u progress aktar sinifikanti fil-għan tagħna ta’ nofs is-seklu sa l-2030, 7 miljun tunnellata ta’ CO2 jista’ jinġabar sa l-2020, li jiżdied għal madwar 160 Mt fl-2030. Is-CO2 evitat fl-2030 ikun jirrappreżenta madwar 15% tat-tnaqqis meħtieġ fl-Ewropa[4]. L-estimi għall-kontribuzzjoni potenzjali globali huma simili, fl-ordni ta’ madwar 14% sa l-2030[5].

11) X’tip ta’ siti ser jintgħażlu u kif?

Hemm żewġ tipi ewlenin ta’ formazzjoni ġeoloġika li jistgħu jintużaw għal ħażna tas-CO2: żoni fejn spiċċaw ir-riżorsi ta’ żejt u gass, u blat li jżomm fih ħafna ilma bi mluħa (ilmijiet ta’ taħt l-art li minħabba l-kontenut ta’ melħ li fihom ma humiex tajbin bħala ilma tax-xorb jew agrikolu).

L-għażla tas-sit huwa stadju kruċjali fid-disinn tal-proġett ta’ ħażna. L-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddeterminaw liema żoni mit-territorju tagħhom huma liberi għall-użu tal-ħażna tas-CO2. Meta jkun hemm bżonn esplorazzjoni biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa, iridu jinħarġu l-permessi għall-esplorazzjoni fuq bażi mhix diskriminatorja, validi għal sentejn bil-possibbiltà li jiġu estiżi.

Għandha ssir analiżi dettaljata tas-sit potenzjali skond il-kriterji speċifikati fl-Anness I tal-proposta, inkluż mudell tal-komportament mistenni tas-CO2 wara l-injezzjoni. Is-sit jista’ jintuża biss jekk din l-analiżi turi li taħt il-kundizzjonijiet proposti ta’ l-użu m’hemm l-ebda riskju sinifikanti ta’ rilaxx, u li m’hemm l-ebda probabbiltà ta’ xi impatt sinifikanti fuq is-saħħa jew l-ambjent.

L-analiżi iniżjali tas-sit issir mill-operatur potenzjali, li mbagħad jibgħat id-dokumentazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fl-applikazzjoni għall-permess. L-awtorità kompetenti tanalizza l-informazzjoni u jekk tkun sodisfatta li l-kundizzjoni intlaħqet, toħroġ abbozz ta' deċiżjoni tal-permess.

Il-proposta tinkludi salvagwarda addizzjonali għall-proġetti bikrija ta’ ħażna. Biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti tad-Direttiva fl-UE u tiżdied il-kunfidenza pubblika fil-ġbir u l-ħżin tal-karbonju, l-abbozz tal-permessi jistgħu jiġu riveduti mill-Kummissjoni bl-assistenza ta’ bord xjentifiku magħmul minn esperti tekniċi. L-opinjoni tal-Kummissjoni tkun ippubblikata, iżda d-deċiżjoni finali tal-permess tibqa’ f’idejn l-awtorità nazzjonali kompetenti skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

12) Ser tkun permessa ħażna barra mill-UE?

Id-Direttiva proposta tista’ tirregola biss il-ħażna fi ħdan l-Unjoni Ewropea u (jekk tiġi inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE, kif qed tawgura l-Kummissjoni) fiż-Żona Ekomomika Ewropea. Skond id-Direttiva proposta, l-emissjonijiet maħżuna f’dawn ir-reġjuni mhux se jibqgħu jitqiesu bħala emissjonijiet fil-kuntest ta’ l-ETS. Il-ħażna ta’ emissjonijiet tas-CO2 barra l-Unjoni Ewropea mhux se tkun projbita, iżda kwalunkwe ħażna ta’ emissjonijiet bħal din mhux ser tirċievi kreditu skond l-ETS, u b’hekk ma tantx jingħata inċentiv biex ikun hemm ħażniet bħal dawn.

13) X’inhu r-riskju ta’ rilaxx X’jiġri jekk f’sit ikun hemm rilaxx tas-CO2?

Ir-riskju ta’ rilaxx għandu jiddependi kważi totalment mis-sit ikkonċernat. Ir-Rapport Speċjali ta’ l-IPCC dwar is-CCS ikkonkluda li:

'osservazzjonijiet jissuġġerixxu li l-frazzjoni [tas-CO2] miżmuma f’ġibjuni ġeoloġiċi magħżula u mmexxija kif xieraq aktarx li tista’ taqbeż id-99% f’100 sena u aktarx li taqbeż id-99% f’1000 sena'[6].

Għalhekk l-għażla u t-tmexxija xierqa tas-siti huwa l-punt kruċjali. Ir-rekwiżiti għall-għażla tas-sit huma mfassla biex jiżguraw li jintgħażlu biss dawk is-siti li għandhom riskju minimu ta’ rilaxx, u r-reviżjoni ta’ l-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-permess mill-Kummissjoni – megħjuna minn bord xjentifiku indipendenti – se jipprovdi kunfidenza addizzjonali li r-rekwiżiti se jkunu implimentati b’mod konsistenti fl-UE kollha.

Għandu jsir pjan ta’ monitoraġġ biex ikun ivverifikat li s-CO2 injettat għandu komportament kif mistenni. Jekk, minkejja l-prekawzjonijiet meħuda fl-għażla tas-sit, fil-verità jkun hemm rilaxx iridu jittieħdu miżuri korrettivi biex titranġa s-sitwazzjoni u s-sit jerġa’ jiġi f'qagħda sikura. Il-Kwoti taħt l-Iskema għall-Iskambju ta’ l-Emissjonijiet għandhom jiġu ċeduti għal kwalunkwe rilaxx ta’ CO2, biex tpatti għall-fatt li l-emissjonijiet maħżuna kienu ġew kreditati taħt l-ETS bħalli kieku qatt ma ġew emessi meta telqu mis-sors. Fl-aħħarnett, f’każ ta’ rilaxx għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali[7] f'dak li għandu x'jaqsam mar-rimedju għal danni ambjentali lokali.

14) Minn se jkun responsabbli li jispezzjona s-siti tal-ħażna tas-CO2?

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri għandha tiżgura li jsiru spezzjonijiet biex jivverifikaw li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta qed jiġu mħarsa. Spezzjonijiet ta’ rutina għandhom isiru ta’ l-inqas darba fis-sena, u jinvolvu l-eżaminar ta’ l-injezzjoni u l-monitoraġġ ta’ facilitajiet u l-medda kompluta ta’ effetti ambjentali mill-kumpless tal-ħażna. Barra minn hekk, għandhom isiru spezzjonijiet li mhumiex ta’ rutina jekk ikun hemm notifikazzjoni ta’ xi rilaxx, jekk ir-rapport annwali ta’ l-operatur mibgħut lill-awtorità kompetenti juri li l-istallazzjoni mhijiex konformi mad-Direttiva proposta, u jekk ikun hemm kwalunkwe raġuni oħra għal tħassib.

15) Kif se tkun żgurata r-responsabbiltà għas-sit fuq medda twila ta’ żmien?

Il-ħażna ġeoloġika ser tkun mifruxa fuq perjodi wisq itwal mit-tul ta’ ħajja ta’ entità kummerċjali medja. Jeħtieġ li jsiru arranġamenti biex jiżguraw ir-responsabbiltà tas-siti tal-ħażna fuq medda twila. Il-proposta għalhekk tipprovdi għat-trasferiment tas-siti għall-kontroll ta’ l-Istat Membru fil-medda t-twila. Madankollu, skond il-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas", jeħtieġ li l-operatur iżomm ir-responsabbiltà għas-sit meta dan jippreżenta riskju sinifikanti ta’ rilaxx. Hekk ukoll, jeħtieġu regoli biex jiżguraw li ma jkunx hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni minn approċċi differenti fl-Istati Membri. Skond id-Direttiva proposta, sit ta' ħażna għandu jiġi trasferit lill-istat meta l-evidenza kollha disponibbli tindika li s-CO2 ser ikun ikkontrollat kompletament għall-futur indefinit. Billi din hija t-tieni deċiżjoni kruċjali fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ sit ta’ ħażna (id-deċiżjoni li tippermetti s-sit għall-użu hija l-ewwel waħda), qed tiġi proposta reviżjoni mill-Kummissjoni.

Għal aktar tagħrif:
Is-sitiweb tal-Kummissjoni dwar il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju:
http://ec.europa.eu/environment/climat/ccs/index_en.htm (bl-Ingliż)

Ir-Rapport Speċjali tal-Bord Intergovernattiv għat-Tibdil fil-Klima dwar il-Ġbir u l-Ħżin tad-Dijossidju tal-Karbonju:

http://arch.rivm.nl/env/int/ipcc/pages_media/SRCCS-final/IPCCSpecialReportonCarbondioxideCaptureandStorage.htm (bl-Ingliż)


[1] http://www.statoil.com/statoilcom/technology/SVG03268.nsf?OpenDatabase&lang=en (bl-Ingliż)

[2] http://www.colloqueco2.com/IFP/fr/minisiteCO2/presentations2007/ColloqueCO2-2007_Session2_3-Wright.pdf (bl-Ingliż)

[3] http://www.vattenfall.com/www/vf_com/vf_com/365787ourxc/366203opera/366779resea/366811co2-f/index.jsp (bl-Ingliż)

[4] Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt (SEC(2008)XXX) għad-Direttiva dwar il-ħażna ġeoloġika tad-dijossidju tal-karbonju.

[5] Il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt (SEC(2007)8) għall-Komunikazzjoni COM(2007)2 'Nillimitaw it-tibdil fil-klima għal żewġ gradi Celsius'.

[6] Ir-Rapport Speċjali ta’ l-IPPC (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1), p. 14.

[7] Id-Direttiva 2004/35/KE.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website