Navigation path

Left navigation

Additional tools

Memo dwar il-Pakkett ta’ l-Enerġija Rinnovabbli u t-Tibdil fil-Klima

European Commission - MEMO/08/33   23/01/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/08/33

Brussell, it-23 ta’ Jannar 2008

Memo dwar il-Pakkett ta’ l-Enerġija Rinnovabbli u t-Tibdil fil-Klima

1. DAĦLA

F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-istil ta’ ħajja tagħna u l-ġid li dejjem qed jitkattar kellhom effett qawwi fuq is-settur ta’ l-enerġija, u dan il-proċess biddel b’mod konsiderevoli l-ideat dwar l-enerġija. Id-domanda dejjem tikber għall-enerġija, prezzijiet taż-żejt jogħlew mas-smewwiet, provvisti inċerti ta’ l-enerġija u beżgħat dwar it-tisħin globali fetħulna għajnejna għall-fatt li ma nistgħux nibqgħu moħħna kwiet dwar l-enerġija. Il-mexxejja ta’ l-UE għalhekk impenjaw ruħhom li jżidu l-użu ta’ l-enerġija rinnovabbli; enerġija li tista’ tissostitwixxi l-idrokarboni, tiddiversifika l-provvista tagħna ta’ l-enerġija u tnaqqas l-emissjonijiet tagħna tal-karbonju. L-ixprunar ta’ l-investment fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza ta’ l-enerġija u t-teknoloġiji ġodda jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u għas-sigurtà ta’ provvista, u jgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda, tkabbir ekonomiku, kompetittività ogħla u żvilupp rurali. Qafas ġuridiku komprensiv huwa meħtieġ għall-promozzjoni u l-użu ta’ enerġija rinnovabbli. Dan biss jista’ jwassal l-istabbiltà fuq medda twila ta’ żmien li l-komunità kummerċjali għandha bżonn biex tieħu deċiżjonijiet ta' investiment razzjonali fis-settur ta’ l-enerġija rinnovabbli u jqiegħed lill-Unjoni Ewropea fuq it-triq it-tajba għal futur fl-enerġija aktar nadif, aktar sigur u aktar kompetittiv.

2. IL-KUNTEST

Il-Kummissjoni Ewropea f’Jannar ta’ l-2007 ppreżentat proposta dwar l-enerġija integrata/it-tibdil fil-klima li indirizzat il-kwistjonijiet ta’ provvista ta’ l-enerġija, tibdil fil-klima u żvilupp industrijali. Xahrejn wara, il-Kapijiet ta’ l-Istati Ewropej iffirmaw il-pjan u ftiehmu dwar Politika ta’ l-Enerġija għall-Ewropa.

Il-Pjan ippropona:

żieda ta’ 20% fl-effiċjenza ta’ l-enerġija
tnaqqis ta’ 20% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG)
sehem tas-sorsi rinnovabbli ta’ 20% mill-konsum globali ta’ l-enerġija fl-UE sa l-2020
komponent ta’ 10% ta’ bijofjuwils fil-fjuwil tal-vetturi sa l-2020

Dawn il-miri huma ambizzjużi ħafna: attwalment 8.5% mill-enerġija hija rinnovabbli. Biex nilħqu s-sehem ta’ 20% sa l-2020 għandna bżonn sforzi maġġuri fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija u mill-Istati Membri kollha.

Tenħtieġ strateġija Ewropea biex tiżgura li l-isforz biex nilħqu l-mira ta’ 20% jinqasam b’mod ġust bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, għandu jkun hemm ċertezza għall-investitur dwar l-għanijiet u l-linji li jridu jissegwew.

3. PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI

Biex niksbu l-miri tal-politika ta’ enerġija rinnovabbli, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Direttiva. Din għandha l-għan li tistabbilixxi miri nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli li jirriżultaw f’mira ġenerali li torbot ta’ sehem ta’ 20% tas-sorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli mill-konsum ta’ l-enerġija fl-2020 u f’mira minima li torbot ta’ 10% għal biofjuwils fit-trasport li għandha tintlaħaq minn kull Stat Membru.

Tliet setturi huma implikati fl-enerġija rinnovabbli: l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ u t-trasport. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu fuq it-taħlita ta’ kontribuzzjonijiet minn dawn is-setturi biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tagħhom, bl-għażla tal-mezzi li huma adattati l-aktar għaċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom. Ser jingħataw l-għażla wkoll biex jiksbu l-miri tagħhom billi jappoġġaw l-iżvilupp ta’ l-enerġija rinnovabbli fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi.

Is-sehem minimu ta’ 10% ta’ bijofjuwils fit-trasport japplika f’kull Stat Membru. Il-bijofjuwils jittrattaw id-dipendenza tas-settur tat-trasport fuq iż-żejt, li hija waħda mill-aktar kwistjonijiet gravi li jaffettwaw is-siġurtà tal-provvista ta’ l-enerġija li tiffaċċa l-UE.

Fl-aħħarnett, id-Direttiva għandha l-għan ukoll li tneħħi ostakli li jeżistu bla bżonn għat-tkabbir ta’ l-enerġija rinnovabbli – pereżempju billi tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għal żviluppi ġodda fl-enerġija rinnovabbli – u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ tipi aħjar ta’ enerġija rinnovabbli (billi tistipula standards ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils, eċċ).

4. KALKOLU TAL-MIRI

Jekk il-mira globali ta’ 20% għas-sorsi rinnovabbli ser tintlaħaq b’mod effettiv, il-miri individwali ta’ kull Stat Membru għandhom jiġu determinat bl’aktar mod ġust possibbli. Għalhekk il-Kummissjoni ppreżentat approċċ sempliċi f’ħames stadji:

  • Modulazzjoni tas-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fl-2005 (is-sena bażi għal kwalunkwe kalkolu fil-pakkett) biex jirrifletti l-punti nazzjonali ta’ tluq u l-isforżi li diġà saru minn Stati Membri li kisbu żieda ta’ aktar minn 2% bejn l-2001 u l-2005
  • Jiżdied 5.5% mas-sehem modulat ta’ enerġija rinnovabbli ta’ l-2005 għall kull Stat Membru
  • Dan l-isforz li jifdal (0.16 toe għal kull persuna fl-UE) jiġi ddifferenzjat b’indiċi PGD/capita biex jirrifletti l-livelli differenti ta’ ġid fl-Istati Membri kollha, imbagħad jiġi mmultiplikat bil-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru
  • Dawn iż-żewġ elementi jingħaddu flimkien biex naslu għas-sehem sħiħ ta’ enerġija rinnovabbli mill-konsum totali u finali ta’ l-enerġija fl-2020
  • Fl-aħħarnett, livell globali fuq is-sehem tal-mira għall-enerġija rinnovabbli fl’2020 japplika għal Stati Membri individwali.

Dan il-metodu ta’ stipular ta’ miri jipprovdi għal distribuzzjoni ġusta ta’ l-isforzi bejn l-Istati Membri. Fl-istess waqt, il-ħolqien ta’ garanzija kummerċjabbli ta’ reġim ta’ l-oriġini jippermetti l-Istati Membri li jilħqu l-miri tagħhom bl-aktar mod ekonomiku possibbli. Minflok ma jiżviluppaw sorsi lokali ta’ enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jixtru garanziji ta’ l-oriġini (ċertifikati li jippruvaw l-oriġini ta’ l-enerġija rinnovabbli) minn għand Stati Membri oħra fejn l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli huwa orħos.

5. BIJOFJUWILS

Il-mira ta’ 10% għall-enerġija rinnovabbli fit-trasport ġiet stipulata fl-istess livell għal kull Stat Membru sabiex tkun żgurata konsistenza fl-ispeċifikazzjonijiet u d-disponibbiltà tal-fjuwil tat-trasport. L-Istati Membri li ma għandhomx ir-riżorsi rilevanti biex jipproduċu bijofjuwils ser ikunu jistgħu jakkwistaw faċilment fjuwils rinnovabbli għat-trasport minn x’imkien ieħor. Filwaqt li għandu jkun teknikament possibbli li l-Unjoni Ewropea tilħaq il-bżonnijiet tagħha ta’ bijofjuwils mill-produzzjoni domestika biss, huwa kemm probabbli kif ukoll mixtieq li dawn il-ħtiġijiet jintlaħqu finalment permezz ta’ taħlita ta’ produzzjoni domestika fl-UE u importazzjonijiet minn pajjiżi terzi.

Intwera tħassib dwar jekk il-produzzjoni ta’ bijofjuwils hijiex sostenibbli. Filwaqt li l-bijofjuwils huma parti kruċjali tal-politika ta’ enerġija rinnovabbli u soluzzjoni ewlenija għal emissjonijiet li qed jikbru fis-settur tat-trasport, ma għandhomx jiġu promossi ħlief meta jkunu prodotti b’mod sostenibbli. Għalkemm il-maġġoranza ta’ bijofjuwils attwalment ikkonsmati fl-UE huma prodotti b’mod sostenibbli, it-tħassib huwa leġittimu u jeħtieġ li jiġi indirizzat. Id-Direttiva għalhekk tistabbilixxi kriterji stretti ta’ sostenibbiltà ambjentali biex jiżguraw li l-bijofjuwils li ser jgħoddu għall-miri Ewropej huma sostenibbli u li ma jmorrux kontra l-għanijiet ambjentali globali. Dan ifisser li għandhom jiksbu għall-anqas livell minimu ta’ ffrankar tal-gassijiet serra u jirrispettaw għadd ta’ rekwiżiti relatati mal-bijodiversità. Fost affarijiet oħra dan se jipprevjeni l-użu ta’ art b’valur għoli ta’ bijodiversità, bħal foresti naturali u żoni protetti, għall-produzzjoni ta’ materja prima għall-bijofjuwils.

Il-bijofjuwils iqumu aktar minn forom oħra ta’ enerġija rinnovabbli u mhux ser jiġu żviluppati mingħajr mira minima separata għall-bijofjuwils. Dan huwa importanti għaliex ix-xejriet tal-gassijiet serra huma l-agħar fit-trasport, u l-bijofjuwils huma waħda mill-ftit miżuri – flimkien ma’ l-effiċjenza tal-fjuwil tal-vetturi – li huma kapaċi realistikament li jagħmlu impatt sinifikanti fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport. Barra minn hekk, id-dipendenza tas-settur tat-trasport fuq iż-żejt hija l-aktar problema serja ta’ siġurtà tal-provvista minnhom kollha. U fl-aħħarnett, irridu niftakru nibagħtu s-sinjali t-tajbin għall-ġejjieni. il-karozzi l-qodma ta’ l-2020 qed jinbnew illum. Il-manifatturi tal-vetturi jeħtieġu li jkunu jafu għal liema fjuwil ser jiddisinjaw.

6. X’INHUMA L-VANTAĠĠI TA’ L-ENERĠIJA RINNOVABBLI?

Il-benefiċċji numerużi ta’ l-enerġija rinnovabbli – f’termini ta’ l-impatt fuq it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija u l-benefiċċji ekonomiċi fuq medda twila – huma ġeneralment aċċettati. L-analiżi tal-Kummissjoni turi li jekk nilħqu l-miri tagħna għall-enerġija rinnovabbli għandna niksbu:

  • Iffrankar ta’ 600 sa 900 miljun tunnellata ta’ l-emissjonijiet tas-CO2 fis-sena – b’hekk nikkontrollow ir-rata tat-tibdil fil-klima u nħajru pajjiżi oħra biex jagħmlu l-istess
  • Tnaqqis fil-konsum ta’ idrokarboni ta’ 200 sa 300 miljun tunnellata fis-sena, ħafna minnhom importati – b’hekk il-provvisti ta’ l-enerġija jiġu aċċertati aktar għaċ-ċittadini Ewropej
  • Xprunar għall-industriji ta’ teknoloġija avvanzata, opportunitajiet ekonomiċi u impjiegi ġodda.

Dan kollu għandu jqum madwar €13-18 biljun fis-sena. Madankollu, dan l-investiment ser inaqqas il-prezz tat-teknoloġiji ta’ l-enerġija rinnovabbli li għandhom isiru parti dejjem akbar mill-provvista ta’ l-enerġija tagħna fil-ġejjieni.

L-enerġija rinnovabbli tagħmel sens ekonomikament

Bil-prezzijiet taż-żejt fil-livelli attwali, is-sorsi rinnovabbli qed jitqiesu dejjem aktar bħala alternattiva ekonomikament soda. Bl-użu akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, għandna nistennew li naraw l-ispiża ta’ l-enerġija rinnovabbli tkompli tonqos matul iż-żmien, bl-istess mod li ġara fit-teknoloġija ta’ l-informatika. Verament, l-ispejjeż diġà naqsu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin.

Is-sena l-oħra, l-investiment globali f’enerġija sostenibbli żdied bi 43%. Huwa previst li l-introjtu mis-swieq ta’ l-enerġija mix-xemx, ir-riħ, il-bijofjuwils u ċ-ċelluli ta’ l-idroġenu ser jiżdied għal madwar €150 biljun sa l-2016, filwaqt li livelli rekord ta’ investiment fl-enerġija mir-riħ, xemx u bijofjuwils jirrifletti maturità teknoloġika, tkabbir fl-inċentivi politiki u kunfidenza akbar ta’ l-investitur.

Dan il-proċess ser jitkompla permezz ta’ l-użu kontinwu u li jespandi. Kuntrarju għal dan, l-ispiża ta’ l-idrokarboni, b’mod notevoli taż-żejt, ilha togħla b’mod mgħaġġel mill-1998. Id-dinamiki involuti huma ċari: prezzijiet neżlin ta’ l-enerġija rinnovabbli, prezzijiet telgħin ta’ l-enerġija ta’ l-idrokarboni.

Iżda l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jikkontribwixxi wkoll għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol lokali u reġjonali. L-enerġija rinnovabbli fl-UE għandha fatturat ta' 30 biljun, u tipprovdi madwar 350 000 impjieg. Bosta huma l-opportunitajiet ta’ xogħol, li jvarjaw minn manifattura ta’ teknoloġija avvanzata ta’ komponenti fotovoltajċi għal impjiegi fil-manutenzjoni ta’ impjanti ta’ enerġija mir-riħ jew fil-produzzjoni ta’ bijomassa fis-settur agrikolu.

Il-politiki proattivi ta’ l-UE dwar l-enerġija rinnovabbli jipprovdu opportunità industrijali. Bil-bidu, aktar bikri milli jista’ jiġri, tat-tranżizzjoni għal ekonomija li tiddependi fuq livell ta’ karbonju baxx, il-ħtieġa għal aġġustament aktar radikali u malajr titnaqqas. Se jkun hemm iffrankar ta’ flus fuq idrokarboni importati, u diversità akbar ta’ sorsi ta’ l-enerġija tiżgura li l-Unjoni Ewropea tkun aktar imħarsa minn xokkijiet esterni.

L-enerġija rinnovabbli tagħmel sens ambjentalment

Il-mira ta’ enerġija rinnovabbli hija relatata mill-qrib mal-mira tagħna ta’ l-emisssjonijiet tal-gassijiet serra. Se jkun prattikament impossibbli li nilħqu l-għanijiet ta’ l-UE għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mingħajr ma nżidu sinifikament is-sehem ta’ l-enerġija rinnovabbli fit-taħlita ta’ l-enerġija ta’ l-UE.

Iżda t-terminu "enerġija nadifa" ma japplikax biss għal tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra – ikopri wkoll sustanzi li jniġġsu tradizzjonali, bħall-ossidi ta' nitroġenu, dijossidi tal-kubrit u tal-partiċelli solidi fl-arja. Dawn jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem kif ukoll lill-ambjent.

L-enerġija ta’ l-idrokarboni tikkawża impatti ambjentali matul il-katina kollha: mill-estrazzjoni u l-produzzjoni sat-trasportazzjoni u l-użu aħħari. Permezz ta’ l-enerġija rinnovabbli dawn l-effetti negattivi jiġu minimizzati, jekk mhux imwarrba għal kollox.

Huwa ċar li l-enerġija rinnovabbli mhijiex dejjem soluzzjoni bla difetti u ma nistgħux niċħdu xi tħassib ambjentali u estetiku, iżda soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda se jikkontribwixxu biex inaqqsu dawn l-impatti matul iż-żmien. Madankollu, meta nikkunsidraw il-qagħda strateġikament usa’, m’hemm ebda dubju li l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima għandhom sinifikat wisq akbar.

L-enerġija rinnovabbli ġġib provvista ta’ enerġija sigura

Id-dipendenza fuq għadd limitat ta’ sorsi ta’ l-enerġija (żejt u gass) iġġib tħassib li dejjem jikber. Iż-żejt ma għadux kommodità rħisa li nistgħu noqogħdu moħħna kwiet dwarha. Il-prezzijiet taż-żejt telgħu u niżlu minn $25-30 matul l-ewwel snin ta’ dan is-seklu, iżda llum ivarjaw għal madwar $100 kull barmil.

Mill-perspettiva ta’ siġurtà ta’ provvista, l-enerġija rinnovabbli ta’ l-UE hija l-aktar ġġenerata fl-UE. Dan ifisser li anqas hija suġġetta għal tfixkil fil-provvista u ttaffi ż-żidiet fil-prezz tal-fjuwil. Għalhekk, jagħmel sens, li nipproduċu aktar mill-enerġija tagħna proprja u minn varjetà li qed tikber ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Provvista differenti ta’ enerġija hija provvista aktar sigura ta’ enerġija.

Iċ-Cittadini ta’ l-UE jiffavorixxu l-enerġija rinnovabbli

Qed ifeġġu dejjem aktar b'mod ċar tibdiliet fl-attitudnijiet tal-klijenti lejn l-enerġija ekoloġika. Stħarriġ juri li l-klijenti japprezzaw il-benefiċċji ambjentali ta’ l-enerġija rinnovabbli aktar minn sorsi konvenzjonali ta’ enerġija li tniġġes u jippreferu kumpaniji ta’ l-elettriku li jfornu għall-anqas parti mill-enerġija tagħhom minn teknoloġiji ta’ enerġija rinnovabbli[1].

Skond stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru li sar f’Jannar 2007, 55% taċ-ċittadini Ewropej jaraw futur li jipprometti ħafna bl-użu ta’ enerġija rinnovabbli. 60% jikkunsidraw li r-riċerka fl-enerġija għandha tkun prijorità għall-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, iċ-ċittadini jidhru li jappoġġaw bidla fl-istruttura ta’ l-enerġija, titjib fir-riċerka u l-iżvilupp u l-għotja ta’ garanzija ta’ l-istabbiltà fil-qasam ta’ l-enerġija.

Bosta minnhom jaħsbu li l-garanzjija ta' prezzijijiet baxxi ta’ l-enerġija u ta’ provvista kontinwa ta’ l-enerġija għandha tkun prijorità għal gvern nazzjonali u 40% huma ppreparati li jħallsu aktar għal enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Dawn is-sorsi juru b’mod ċar l-importanza ta’ enerġiji rinnovabbli għaċ-ċittadini Ewropej. Aktar u aktar qed tiżdied il-fehma li jekk nagħmlu aktar użu minn enerġija rinnovabbli aktar qed nersqu lejn ħajja f'ambjent nadif, sostenibbli u aktar sigur.

7. ENERĠIJA RINNOVABBLI FL-UE LLUM

L-Unjoni Ewropea diġà qiegħda quddiem nett fl-enerġija rinnovabbli u dan is-settur għandu importanza ekonomika enormi u dejjem titkattar mad-dinja kollha. Hija l-ambizzjoni ta’ l-UE li tibqa’ minn ta’ quddiem f’dan il-qasam li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla. Madankollu, sal-ġurnata tal-lum, l-iżvilupp kien żbilanċjat madwar l-UE, u l-enerġiji rinnovabbli għadhom jirrapreżentaw sehem żgħir mit-taħlita totali ta’ l-enerġija ta’ l-UE relattivament mad-dominanza ta' gass, żejt u faħam.

Enerġiji rinnovabbli differenti qegħdin fi stadji diversi ta’ żvilupp teknoloġiku u kummerċjali. F’ċerti lokalitajiet u taħt ċerti kundizzjonijiet, sorsi bħar-riħ, l-ilma, il-bijomassa u s-sħana tax-xemx diġà huma ekonomikament viabbli. Iżda sorsi oħrajn, bħal fotovoltajċi, se jiddependu fuq domanda akbar biex itejbu l-ekonomiji ta’ l-iskala u jnaqqsu l-ispejjeż.

Attwalment, hemm fis-seħħ żewġ direttivi ta’ l-UE fil-qasam ta’ l-enerġija rinnovabbli: waħda dwar l-elettriku u oħra dwar il-bijofjuwils. It-tielet settur, dak tas-tisħin u t-tkessiħ, s’issa ġie eskluż fuq livell Ewropew. Il-miri stabbiliti sa l-2020 joffru opportunità għal proposta ta’ direttiva komprensiva waħda li tkopri t-tliet setturi ta’ enerġiji rinnovabbli. Dan għandu jagħmel possibbli t-twaqqif ta’ miżuri individwali fis-setturi differenti kif ukoll l-indirizzar ta’ kwistjonijiet trasversali (eż. skemi ta’ appoġġ u ostakli amministrattivi). Direttiva waħda u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali uniċi jinkoraġġixxu lill-Istati Membri biex jaħsbu dwar politika ta’ l-enerġija b’mod aktar integrat, b’konċentrazzjoni fuq l-aqwa allokazzjoni ta’ riżorsi.

Id-Direttiva l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-miri għall-enerġija rinnovabbli u għandha l-għan li tipprovdi qafas stabbli u integrat għal kull enerġija rinnovabbli, dan huwa kritiku biex jiżgura li l-investituri jkollhom il-kunfidenza meħtieġa sabiex iħaddmu s-sorsi rinnovabbli skond ir-rwol previst għalihom. Fl-istess waqt, il-qafas huwa flessibbli biżżejjed biex iqis is-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ l-Istati Membri u biex jiżgura li jkollhom flessibbiltà biex jilħqu l-miri tagħhom b’mod ekonomiku, inkluż permezz ta’ reġim aħjar għat-trasferimenti ta’ garanziji ta’ l-oriġini. Barra minn hekk, id-Direttiva fiha miżuri speċifiċi biex tneħħi l-ostakli għall-iżvilupp ta’ enerġiji rinnovabbli bħal kontrolli amministrattivi eċċessivi, u biex tinkoraġġixxi aktar użu ta’ tipi ta’ enerġija rinnovabbli ta’ prestazzjoni ogħla.


[1] Unjoni ta’ xjentisti mħassba, www.ucsusa.org


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website