Sélecteur de langues
Chemin de navigation
MEMO/08/31
Brussell, it-23 ta' Jannar 2008
(Ara wkoll IP/08/80)
Għaliex jiġu ppubblikati linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent?
L-għajnuna mill-Istat trid tissodisfa ċerti kriterji u trid tkun awtorizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tippubblika linji gwida u strutturi biex tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri permezz ta' tħabbir minn qabel tal-miżuri li hi tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq komuni biex b'hekk titħaffef l-awtorizzazzjoni tagħhom.
Il-ħarsien ta' l-ambjent hu għan importanti mħaddan mill-Unjoni Ewropea. Il-livell ta' ħarsien ambjentali mhux meqjus bħala għoli biżżejjed u tinħass il-ħtieġa li titwettaq aktar ħidma f'dan il-qasam. Dan hu dovut l-aktar għall-fatt li l-kumpaniji ma jassumux responsabbiltà sħiħa għall-ispejjeż ikkawżati mit-tinġiż għas-soċjetajiet. Biex jikkoreġu dan il-funzjonament ħażin tas-suq u jippromwovu livell ta' ħarsien ambjentali ogħla, il-gvernijiet jistgħu jirrikorru għar-regolamentazzjoni biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jħallsu għat-tinġiż li jkunu wettqu (pereżempju permezz tat-taxxi jew is-sistemi ta' l-iskambju tad-drittijiet ta' l-emissjoni) jew jissodisfaw ċerti standards ambjentali.
F'xi każi, l-għajnuna mill-Istat tista' wkoll tiġi ġġustifikata biex isservi ta' inċentiva għall-impriżi privati biex jinvestu aktar fil-ħarsien ambjentali jew biex isserraħ lil xi impriżi minn piżijiet finanzjarji relattivament kbar sabiex tiġi infurzata politika ambjentali globali aktar stretta.
Fl-istess ħin, il-linji gwida jservu bħala protezzjoni kontra l-possibbiltà li l-għajnuna mill-Istat tkun immirata ħażin jew tkun ta' ammont eċċessiv li mhux biss iwassal biex hija tfixkel il-kompetizzjoni imma wkoll biex tiffrustra l-għan proprju li jintlaħqu l-miri ambjentali.
X'inhi r-rabta bejn il-linji gwida ta' l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-pakkett ta' miżuri għall-qasam ta' l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima?
F'Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jimmira biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra jitnaqqsu b'20% u jintrabat b'mira li sa l-2020, 20% mill-konsum totali ta' l-enerġija fl-UE jkun jikkonsisti f'enerġija li tiġġedded.
Fil-kuntest tal-pakkett ta' miżuri għall-qasam ta' l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima, il-Kummissjoni qed tressaq miżuri ambizzjużi ta' politika marbuta ma' l-enerġija li tiġġedded u l-iskambju tad-drittijiet ta' l-emissjoni, fost ħwejjeġ oħra. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-pakkett ta' miżuri qed jintroduċi mekkaniżmi tas-suq imfassla biex jiggarantixxu li min iniġġeż iħallas għat-tniġġiż li jkun ikkawża u li jingħata appoġġ lil dawk it-teknoloġiji li jirrispettaw lill-ambjent. Il-Linji Gwida l-ġodda ta' l-Għajnuna għall-Ħarsien ta' l-Ambjent (EAG) huma parti importanti mill-pakkett ta' miżuri biex l-Istati Membri u l-industrija jiġu pprovduti b'inizjattivi tajba biex ikabbru l-isforzi tagħhom favur l-ambjent.
Ibda biex, billi jippreżervaw kompetizzjoni effettiva, l-EAG jsostnu l-istrumenti msejsa fuq il-loġika tas-suq imdaħħla mill-pakkett ta' miżuri. Mingħajr kompetizzjoni effettiva, huwa ċar li l-miri ma jkunx possibbli li jintlaħqu. Jekk min iniġġeż ma jħallasx biżżejjed u jkun jista' jiżgiċċa milli jagħmel investimenti ambjentali suffiċjenti għaliex jirċievi l-għajnuna mill-Istat, ma tkunx qiegħda biss titfixkel il-kompetizzjoni imma wkoll jiġi ffrustrat l-għan proprju li jitlaħqu l-miri ambizzjużi ta' l-Unjoni għall-ambjent.
It-tieninett, l-EAG jipprovdu sensiela ta' miżuri li jikkumplimentaw u jsostnu l-ksib ta' ħarsien ambjentali akbar. Jista' jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom il-prinċipju ta' 'min iniġġeż iħallas' (PPP) ma jkunx jista' jiġi implimentat kif xieraq mill-Istati Membri. F'dawn is-sitwazzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat tista' toffri alternattiva biex twieġeb għad-defiċjenza tas-suq marbuta ma' l-esternalitajiet negattivi relatati ma' l-ambjent. L-għajnuna mill-Istat tista' tippermetti li l-impriżi jbiddlu mġibithom u jadottaw proċessi jew li jinvestu f'teknoloġiji li jirrispettaw aktar lill-ambjent. L-għajnuna mill-Istat tista' wkoll tippermetti li l-Istati Membri jadottaw regolamentazzjoni jew standards li jmorru lilhinn mill-istandards Komunitarji billi jnaqqsu t-toqol tal-piżijiet li xi impriżi ma jkunux jifilħu jġorru. Dan jista' jkun ta' sostenn għall-mixja lejn il-ksib ta' l-għanijiet ambjentali Komunitarji.
Jekk l-għajnuna tkun immirata tajjeb, il-Linji Gwida huma ġenerużi ħafna. Pereżempju, għall-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded, l-Istati Membri igawdu l-possibbiltà li jkopru mija fil-mija ta' l-ispejjeż supplimentari sostnuti mill-kumpaniji.
X'inhu t-tibdil ewlieni li sar mil-linji gwida l-ġodda ta' l-ambjent meta mqabbla mal-linji gwida ta' qabel?
It-tibdil ewlieni li sar mil-linji gwida l-ġodda ta' l-ambjent meta mqabbla mal-linji gwida ta' l-2001 huwa dan:
Għaliex l-ammont ta' għajnuna hu bbażat fuq l-ispejjeż aġġuntivi ta' l-investiment ambjentali u mhux fuq l-ispejjeż kumplessivi ta' l-investiment?
L-ammont ta' għajnuna hu bbażat fuq l-ispejjeż aġġuntivi ta' l-investiment ambjentali meħtieġa biex jinkiseb il-livell ta' protezzjoni ambjentali komparabbli, pereżempju, ma' dak ta' impjant konformi ma' standards obbligatorji jew dak ta' metodu ta' produzzjoni li minħabba n-nuqqas ta' standards, ikun inqas kompatibbli ma' l-ambjent. Kieku dan ma kienx il-każ, kieku kwalunkwe investiment li jgħolli l-livell tal-protezzjoni ambjentali kien ikun eliġibbli għall-għajnuna ambjentali, ukoll jekk l-investiment ikun jiswa aktar mill-investiment alternattiv. Barra dan, l-għajnuna kienet tingħata biex jiżdiedu l-kapaċità jew il-produttività. Għandha tiġi awtorizzata biss dik l-għajnuna mill-Istat li għandha effett ulterjuri fuq l-ambjent u jekk l-għajnuna tingħata skond il-metodu bbażat fuq l-ispejjeż aġġuntivi tikber il-possibbiltà li l-għajnuna tikkontribwixxi għaż-żieda fil-livell ta' protezzjoni ambjentali.
Għaliex l-intensità ta' l-għajnuna għall-investimenti mhix 100% meta l-għajnuna tkopri biss l-ispejjeż ambjentali aġġuntivi?
L-intensitajiet ta' l-għajnuna għall-investimenti mhumiex normalment 100% ta' l-ispejjeż ta' investiment aġġuntivi għaliex, l-ewwelnett il-kalkolu ta' l-ispejjeż aġġuntivi mhux preċiż, pereżempju, il-benefiċċji operattivi ma jitqisux fuq il-medda sħiħa tal-ħajja ta' l-impjant. It-tieni, immaġni aktar ambjentalista jista' jkollha valur kommerċjali għall-impriża jew tista' tkun ukoll indispensabbli għas-sopravvivenza ta' din l-impriża fil-ġejjieni. Għalhekk, mhux meħtieġ li jiġu koperti l-ispejjeż kollha ambjentali aġġuntivi kkalkulati biex jiġi stimulat l-investiment.
Madankollu, jekk l-għajnuna mill-Istat hi marbuta ma' proċess ta' sejħiet għall-offerti, l-intensità ta' l-għajnuna tista' togħla sa 100%. Barra minn hekk, għall-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded u għall-koġenerazzjoni, l-għajnuna operattiva tista' tingħata flimkien ma' l-għajnuna għall-investiment biex tkun koperta d-differenza sħiħa bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' l-enerġija u l-prezz tas-suq għall-enerġija kkonċernata. L-għajnuna tista' saħansitra tkopri rendiment normali fuq il-kapital. Għaldaqstant, 100% ta' l-ispejjeż aġġuntivi huma koperti.
X'inhu l-investiment ta' riferiment?
L-investiment ta' riferiment hu l-investiment li kien isir mingħajr l-għajnuna mill-Istat. Huwa investiment teknikament komparabbli li jipproduċi livell aktar baxx ta' protezzjoni ta' l-ambjent (li jikkorrispondi ma' l-istandard Komunitarju obbligatorju, jekk ikun jeżisti) u li kien jiġi effettwat b'mod kredibbli mingħajr l-għajnuna. Għall-enerġija li tiġġedded, l-investiment ta' riferiment spiss huwa meqjus bħala impjant li jaħdem bil-gass bl-istess kapaċità ta' produzzjoni, u għall-koġenerazzjoni spiss jintuża impjant bi produzzjoni separata tal-produzzjoni l-aktar dominanti fl-impjant tal-koġenerazzjoni. Imma l-għażla ta' l-investiment ta' riferiment tiddependi mit-tip ta' produzzjoni u s-suq u l-investiment ta' riferiment rilevanti jista' wkoll jinbidel maż-żmien. Għalhekk, mhux ta' utilità li jġi speċifikat l-investiment ta' riferiment b'iktar dettall fil-linji gwida.
L-għajnuna tista' tingħata jekk impriża taqbeż il-limitu ta' l-istandard Komunitarju imma x'inhu l-istandard Komunitarju?
Fil-leġiżlazzjoni ta' l-UE hemm għadd ta' standards li jistabbilixxu l-livell li jrid jintlaħaq f'termini ambjentali. l-obbligu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż sabiex jintużaw l-aqwa teknika disponibbli kif stipulat fl-informazzjoni l-aktar riċenti ppubblikata mill-Kummissjoni, huwa wkoll meqjus bħala Standard Komunitarju.
Dawk l-istandards biss imposti direttament fuq impriżi individwali mil-leġiżlazzjoni Komunitarja huma meqjusa bħala standards. L-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mhumiex meqjusa bħala standards fil-kuntest ta' dawn il-linji gwida.
Meta jista' każ jiġi sottomess għal valutazzjoni dettaljata?
L-ammonti ta' għajnuna għoljin għandhom ir-riskju li jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ, u għalhekk huma suġġetti għal valutazzjoni dettaljata. Għalhekk, l-ammonti ta' għajnuna għoljin mogħtija lil benefiċjarji individwali jridu jiġu nnotifikati individwalment lill-Kummissjoni, ukoll jekk jingħataw taħt skema diġà approvata mill-Kummissjoni. Għall-għajnuna operattiva għall-kapaċità ta' produzzjoni ta' l-enerġija, jitużaw limiti indikattivi għall-ammonti ta' għajnuna għoljin. L-għotjiet ta' għajnuna li ġejjin irid jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni:
Ovvjament, il-valutazzjoni dettaljata ma tfissirx li l-għajnuna mill-Istat prevista mhix ser tingħata. Dan ifisser biss li l-Kummissjoni tkun ser tiċċekkja bir-reqqa jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa u jekk tikkontribwixxix attwalment għall-protezzjoni ambjentali mingħajr ma toħloq tfixkil bla bżonn għall-kompetizzjoni.
Kif tista' l-impriża tiegħi tirċievi għajnuna ambjentali?
Il-linji ta' gwida jistabbilixxu regoli għall-kundizzjonijiet li l-Istati Membri jridu jirrispettaw meta jagħtu l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, impriża għandha tikkuntattja lill-awtorità fl-Istat Membru tagħha li tkun responsabbli għall-għoti ta' l-għajnuna ambjentali, jekk tkun tixtieq li ttejjeb il-livell tal-protezzjoni ambjentali u jkollha bżonn l-għajnuna biex tagħmel dan.
It-test sħiħ tal-Qafas jinstab fuq:
http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/reform/reform.cfm