Navigation path

Left navigation

Additional tools

Għajnuna mill-Istat: linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent – mistoqsijiet li jsiru ta' spiss

European Commission - MEMO/08/31   23/01/2008

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/08/31

Brussell, it-23 ta' Jannar 2008

Għajnuna mill-Istat: linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent – mistoqsijiet li jsiru ta' spiss

(Ara wkoll IP/08/80)

Għaliex jiġu ppubblikati linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent?

L-għajnuna mill-Istat trid tissodisfa ċerti kriterji u trid tkun awtorizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tippubblika linji gwida u strutturi biex tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri permezz ta' tħabbir minn qabel tal-miżuri li hi tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq komuni biex b'hekk titħaffef l-awtorizzazzjoni tagħhom.

Il-ħarsien ta' l-ambjent hu għan importanti mħaddan mill-Unjoni Ewropea. Il-livell ta' ħarsien ambjentali mhux meqjus bħala għoli biżżejjed u tinħass il-ħtieġa li titwettaq aktar ħidma f'dan il-qasam. Dan hu dovut l-aktar għall-fatt li l-kumpaniji ma jassumux responsabbiltà sħiħa għall-ispejjeż ikkawżati mit-tinġiż għas-soċjetajiet. Biex jikkoreġu dan il-funzjonament ħażin tas-suq u jippromwovu livell ta' ħarsien ambjentali ogħla, il-gvernijiet jistgħu jirrikorru għar-regolamentazzjoni biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jħallsu għat-tinġiż li jkunu wettqu (pereżempju permezz tat-taxxi jew is-sistemi ta' l-iskambju tad-drittijiet ta' l-emissjoni) jew jissodisfaw ċerti standards ambjentali.

F'xi każi, l-għajnuna mill-Istat tista' wkoll tiġi ġġustifikata biex isservi ta' inċentiva għall-impriżi privati biex jinvestu aktar fil-ħarsien ambjentali jew biex isserraħ lil xi impriżi minn piżijiet finanzjarji relattivament kbar sabiex tiġi infurzata politika ambjentali globali aktar stretta.

Fl-istess ħin, il-linji gwida jservu bħala protezzjoni kontra l-possibbiltà li l-għajnuna mill-Istat tkun immirata ħażin jew tkun ta' ammont eċċessiv li mhux biss iwassal biex hija tfixkel il-kompetizzjoni imma wkoll biex tiffrustra l-għan proprju li jintlaħqu l-miri ambjentali.

X'inhi r-rabta bejn il-linji gwida ta' l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-pakkett ta' miżuri għall-qasam ta' l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima?

F'Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jimmira biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra jitnaqqsu b'20% u jintrabat b'mira li sa l-2020, 20% mill-konsum totali ta' l-enerġija fl-UE jkun jikkonsisti f'enerġija li tiġġedded.

Fil-kuntest tal-pakkett ta' miżuri għall-qasam ta' l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima, il-Kummissjoni qed tressaq miżuri ambizzjużi ta' politika marbuta ma' l-enerġija li tiġġedded u l-iskambju tad-drittijiet ta' l-emissjoni, fost ħwejjeġ oħra. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-pakkett ta' miżuri qed jintroduċi mekkaniżmi tas-suq imfassla biex jiggarantixxu li min iniġġeż iħallas għat-tniġġiż li jkun ikkawża u li jingħata appoġġ lil dawk it-teknoloġiji li jirrispettaw lill-ambjent. Il-Linji Gwida l-ġodda ta' l-Għajnuna għall-Ħarsien ta' l-Ambjent (EAG) huma parti importanti mill-pakkett ta' miżuri biex l-Istati Membri u l-industrija jiġu pprovduti b'inizjattivi tajba biex ikabbru l-isforzi tagħhom favur l-ambjent.

Ibda biex, billi jippreżervaw kompetizzjoni effettiva, l-EAG jsostnu l-istrumenti msejsa fuq il-loġika tas-suq imdaħħla mill-pakkett ta' miżuri. Mingħajr kompetizzjoni effettiva, huwa ċar li l-miri ma jkunx possibbli li jintlaħqu. Jekk min iniġġeż ma jħallasx biżżejjed u jkun jista' jiżgiċċa milli jagħmel investimenti ambjentali suffiċjenti għaliex jirċievi l-għajnuna mill-Istat, ma tkunx qiegħda biss titfixkel il-kompetizzjoni imma wkoll jiġi ffrustrat l-għan proprju li jitlaħqu l-miri ambizzjużi ta' l-Unjoni għall-ambjent.

It-tieninett, l-EAG jipprovdu sensiela ta' miżuri li jikkumplimentaw u jsostnu l-ksib ta' ħarsien ambjentali akbar. Jista' jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom il-prinċipju ta' 'min iniġġeż iħallas' (PPP) ma jkunx jista' jiġi implimentat kif xieraq mill-Istati Membri. F'dawn is-sitwazzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat tista' toffri alternattiva biex twieġeb għad-defiċjenza tas-suq marbuta ma' l-esternalitajiet negattivi relatati ma' l-ambjent. L-għajnuna mill-Istat tista' tippermetti li l-impriżi jbiddlu mġibithom u jadottaw proċessi jew li jinvestu f'teknoloġiji li jirrispettaw aktar lill-ambjent. L-għajnuna mill-Istat tista' wkoll tippermetti li l-Istati Membri jadottaw regolamentazzjoni jew standards li jmorru lilhinn mill-istandards Komunitarji billi jnaqqsu t-toqol tal-piżijiet li xi impriżi ma jkunux jifilħu jġorru. Dan jista' jkun ta' sostenn għall-mixja lejn il-ksib ta' l-għanijiet ambjentali Komunitarji.

Jekk l-għajnuna tkun immirata tajjeb, il-Linji Gwida huma ġenerużi ħafna. Pereżempju, għall-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded, l-Istati Membri igawdu l-possibbiltà li jkopru mija fil-mija ta' l-ispejjeż supplimentari sostnuti mill-kumpaniji.

X'inhu t-tibdil ewlieni li sar mil-linji gwida l-ġodda ta' l-ambjent meta mqabbla mal-linji gwida ta' qabel?

It-tibdil ewlieni li sar mil-linji gwida l-ġodda ta' l-ambjent meta mqabbla mal-linji gwida ta' l-2001 huwa dan:

  1. Hemm għadd ta' dispożizzjonijiet ġodda fil-linji gwida, pereżempju, għal għajnuna għall-addattament bikri għall-istandards, għajnuna għal studji ambjentali, għajnuna għal tisħin distrettwali, għajnuna għall-ġestjoni ta' l-iskart u għajnuna involuta fi skemi ta' permessi negozjabbli.
  2. L-intensitajiet ta' l-għajnuna żdiedu b'mod konsiderevoli. L-intensitajiet għall-impriżi l-kbar telgħu minn skala ta' 30%-40% għal 50%-60%. Għall-impriżi ż-żgħar l-intensitajiet telgħu minn 50%-60% għal 70%-80%. Barra dan, meta investiment biex jittejbu l-Istandards Komunitarji jew biex jittejjeb il-livell tal-ħarsien ta' l-ambjent fl-assenza ta' standards, jinvolvi l-ekoinnovazzjoni, tista' tingħata żieda ta' bonus ta' 10%. Minbarra hekk, iddaħħlet ukoll il-possibbiltà li ssir għotja ta' 100% wara li titnieda proċedura kompetittiva. Kontra dak li hemm stipulat fil-linji gwida ta' l-2001, issa mhemmx aktar bonus għal għajnuna għal dawk ir-reġjuni li jirċievu assistenza jew għal installazzjonijiet ta' enerġija li tiġġedded li jaqdu l-ħtiġiet kollha ta' komunità sħiħa.
  3. Għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis fit-taxxa, il-linji gwida jżommu miftuħa l-possibbiltà ta' derogazzjonijiet fuq medda twila ta' żmien minn taxxi ambjentali mingħajr kundizzjonijiet sakemm wara li jsir it-tnaqqis, l-impriżi kkonċernati jħallsu mill-inqas il-minimu Komunitarju. Meta l-impriżi ma jħallsux mill-inqas il-minimu Komunitarju, id-derogazzjonijiet għat-tul jibqgħu possibbli imma l-Istat Membru jrid jagħti prova li dawn id-derogi jkunu meħtieġa u proporzjonati. Il-benefiċjarji ta' tnaqqis importanti ħafna anke ta' eżenzjonijiet intieri huma kultant dawk li jniġġżu l-aktar. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li f'dawn il-kundizzjonijiet, derogi simili jistgħu jkunu ġustifikati, imma l-Istati Membri għandhom jiġġustifikaw il-ħtieġa tagħhom.
  4. Il-linji gwida huma maqsuma f'valutazzjoni standard u valutazzjoni dettaljata. Iddaħħal metodu ta' valutazzjoni dettaljata għal ammonti kbar ta' għajnuna lil impriżi individwali sabiex jitħalla spazju għal skrutinju fil-fond tal-każi individwali li għandhom l-akbar potenzjal biex ifixklu l-kompetittjoni u l-kummerċ. L-iskemi li jinvolvu eżenzjonijiet mit-taxxi u tnaqqis fiskali jiġu vvalutati biss fuq il-livell ta' l-iskema, jiġifieri impriżi individwali ma jkunux soġġetti għal valutazzjoni dettaljata.
  5. Teżisti rabta importanti bejn il-linji gwida l-ġodda u l-eżenzjoni ġenerali skond il-kategorija li ser isseħħ fil-ġejjieni u li ser tadotta l-Kummissjoni qabel il-btajjel tas-sajf. L-eżenzjoni skond il-kategorija ser teħles lill-Istati Membri mill-obbligu li jkunu jridu jinnotifikaw ċerti miżuri ta' għajnuna lill-Kummissjoni, u dan ser iħaffilhom il-piż amministrattiv li qed jerfgħu bħalissa. Hu previst li fil-ġejjieni ċerti tipi ta' għajnuna ambjentali li tkun taħt ċertu ammont m'għandhiex għalfejn tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hu previst li meta tidħol fis-seħħ l-eżenzjoni skond il-kategorija jkun jista' jintuża metodu ssimplifikat biex jiġi kkalkulat l-ammont ta' għajnuna.

Għaliex l-ammont ta' għajnuna hu bbażat fuq l-ispejjeż aġġuntivi ta' l-investiment ambjentali u mhux fuq l-ispejjeż kumplessivi ta' l-investiment?

L-ammont ta' għajnuna hu bbażat fuq l-ispejjeż aġġuntivi ta' l-investiment ambjentali meħtieġa biex jinkiseb il-livell ta' protezzjoni ambjentali komparabbli, pereżempju, ma' dak ta' impjant konformi ma' standards obbligatorji jew dak ta' metodu ta' produzzjoni li minħabba n-nuqqas ta' standards, ikun inqas kompatibbli ma' l-ambjent. Kieku dan ma kienx il-każ, kieku kwalunkwe investiment li jgħolli l-livell tal-protezzjoni ambjentali kien ikun eliġibbli għall-għajnuna ambjentali, ukoll jekk l-investiment ikun jiswa aktar mill-investiment alternattiv. Barra dan, l-għajnuna kienet tingħata biex jiżdiedu l-kapaċità jew il-produttività. Għandha tiġi awtorizzata biss dik l-għajnuna mill-Istat li għandha effett ulterjuri fuq l-ambjent u jekk l-għajnuna tingħata skond il-metodu bbażat fuq l-ispejjeż aġġuntivi tikber il-possibbiltà li l-għajnuna tikkontribwixxi għaż-żieda fil-livell ta' protezzjoni ambjentali.

Għaliex l-intensità ta' l-għajnuna għall-investimenti mhix 100% meta l-għajnuna tkopri biss l-ispejjeż ambjentali aġġuntivi?

L-intensitajiet ta' l-għajnuna għall-investimenti mhumiex normalment 100% ta' l-ispejjeż ta' investiment aġġuntivi għaliex, l-ewwelnett il-kalkolu ta' l-ispejjeż aġġuntivi mhux preċiż, pereżempju, il-benefiċċji operattivi ma jitqisux fuq il-medda sħiħa tal-ħajja ta' l-impjant. It-tieni, immaġni aktar ambjentalista jista' jkollha valur kommerċjali għall-impriża jew tista' tkun ukoll indispensabbli għas-sopravvivenza ta' din l-impriża fil-ġejjieni. Għalhekk, mhux meħtieġ li jiġu koperti l-ispejjeż kollha ambjentali aġġuntivi kkalkulati biex jiġi stimulat l-investiment.

Madankollu, jekk l-għajnuna mill-Istat hi marbuta ma' proċess ta' sejħiet għall-offerti, l-intensità ta' l-għajnuna tista' togħla sa 100%. Barra minn hekk, għall-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded u għall-koġenerazzjoni, l-għajnuna operattiva tista' tingħata flimkien ma' l-għajnuna għall-investiment biex tkun koperta d-differenza sħiħa bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' l-enerġija u l-prezz tas-suq għall-enerġija kkonċernata. L-għajnuna tista' saħansitra tkopri rendiment normali fuq il-kapital. Għaldaqstant, 100% ta' l-ispejjeż aġġuntivi huma koperti.

X'inhu l-investiment ta' riferiment?

L-investiment ta' riferiment hu l-investiment li kien isir mingħajr l-għajnuna mill-Istat. Huwa investiment teknikament komparabbli li jipproduċi livell aktar baxx ta' protezzjoni ta' l-ambjent (li jikkorrispondi ma' l-istandard Komunitarju obbligatorju, jekk ikun jeżisti) u li kien jiġi effettwat b'mod kredibbli mingħajr l-għajnuna. Għall-enerġija li tiġġedded, l-investiment ta' riferiment spiss huwa meqjus bħala impjant li jaħdem bil-gass bl-istess kapaċità ta' produzzjoni, u għall-koġenerazzjoni spiss jintuża impjant bi produzzjoni separata tal-produzzjoni l-aktar dominanti fl-impjant tal-koġenerazzjoni. Imma l-għażla ta' l-investiment ta' riferiment tiddependi mit-tip ta' produzzjoni u s-suq u l-investiment ta' riferiment rilevanti jista' wkoll jinbidel maż-żmien. Għalhekk, mhux ta' utilità li jġi speċifikat l-investiment ta' riferiment b'iktar dettall fil-linji gwida.

L-għajnuna tista' tingħata jekk impriża taqbeż il-limitu ta' l-istandard Komunitarju imma x'inhu l-istandard Komunitarju?

Fil-leġiżlazzjoni ta' l-UE hemm għadd ta' standards li jistabbilixxu l-livell li jrid jintlaħaq f'termini ambjentali. l-obbligu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż sabiex jintużaw l-aqwa teknika disponibbli kif stipulat fl-informazzjoni l-aktar riċenti ppubblikata mill-Kummissjoni, huwa wkoll meqjus bħala Standard Komunitarju.

Dawk l-istandards biss imposti direttament fuq impriżi individwali mil-leġiżlazzjoni Komunitarja huma meqjusa bħala standards. L-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mhumiex meqjusa bħala standards fil-kuntest ta' dawn il-linji gwida.

Meta jista' każ jiġi sottomess għal valutazzjoni dettaljata?

L-ammonti ta' għajnuna għoljin għandhom ir-riskju li jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ, u għalhekk huma suġġetti għal valutazzjoni dettaljata. Għalhekk, l-ammonti ta' għajnuna għoljin mogħtija lil benefiċjarji individwali jridu jiġu nnotifikati individwalment lill-Kummissjoni, ukoll jekk jingħataw taħt skema diġà approvata mill-Kummissjoni. Għall-għajnuna operattiva għall-kapaċità ta' produzzjoni ta' l-enerġija, jitużaw limiti indikattivi għall-ammonti ta' għajnuna għoljin. L-għotjiet ta' għajnuna li ġejjin irid jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni:

  1. għajnuna għall-investiment: meta l-ammont ta' l-għajnuna jaqbeż is-€ 7.5 miljun għal impriża waħda
  2. għajnuna operattiva għal konsum anqas ta' enerġija: meta l-ammont ta' l-għajnuna jaqbeż il-€ 5 miljun kull impriża għal tul ta' ħames snin
  3. għajnuna operattiva għall-produzzjoni ta' elettriku li tiġġedded u/jew produzzjoni kombinata ta' sħana li tiġġedded: meta l-għajnuna tingħata lil impjanti li jipproduċu elettriċità li tiġġedded f'siti fejn il-kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' elettriċità li tiġġedded li tirriżulta taqbeż il-125 MVV
  4. għajnuna operattiva għall-produzzjoni tal-bijokarburant: meta l-għajnuna tingħata lil impjanti li jipproduċu l-bijokarburant f'siti fejn il-produzzjoni li tirriżulta taqbeż il-150,000 t kull sena
  5. għajnuna operattiva għall-koġenerazzjoni: meta l-għajnuna tingħata lil impjant ta' koġenerazzjoni b'kapaċità ta' elettriku ta' koġenerazzjoni li tirriżulta li taqbeż il-200 MVV. L-għajnuna għall-produzzjoni ta' sħana mill-koġenerazzjoni tiġi vvalutata fil-kuntest ta' notifika bbażata fuq kapaċità ta' l-elettriku.

Ovvjament, il-valutazzjoni dettaljata ma tfissirx li l-għajnuna mill-Istat prevista mhix ser tingħata. Dan ifisser biss li l-Kummissjoni tkun ser tiċċekkja bir-reqqa jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa u jekk tikkontribwixxix attwalment għall-protezzjoni ambjentali mingħajr ma toħloq tfixkil bla bżonn għall-kompetizzjoni.

Kif tista' l-impriża tiegħi tirċievi għajnuna ambjentali?

Il-linji ta' gwida jistabbilixxu regoli għall-kundizzjonijiet li l-Istati Membri jridu jirrispettaw meta jagħtu l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, impriża għandha tikkuntattja lill-awtorità fl-Istat Membru tagħha li tkun responsabbli għall-għoti ta' l-għajnuna ambjentali, jekk tkun tixtieq li ttejjeb il-livell tal-protezzjoni ambjentali u jkollha bżonn l-għajnuna biex tagħmel dan.

It-test sħiħ tal-Qafas jinstab fuq:

http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/reform/reform.cfm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website