Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/08/240

Brussell, 11 ta' April 2008

[Graphic in PDF & Word format]

REACH Pre-reġistrazzjoni u Reġistrazzjoni - Mistoqsijiet u Tweġibiet

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida ta' l-UE dwar il-kimika REACH (Registration, Evaluation, Authorisation and Restriction of Chemicals - Reġistrazzjoni, Valutazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni ta' Kimiċi) daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2007. Hija tkopri s-sustanzi kimiċi kollha, iffabbrikati jew importati fl-UE, fi kwantitajiet ta' tunnellata jew iktar fis-sena. Ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta' sustanzi ġodda tibda fl-1 ta' Ġunju 2008. Jeżistu xi skadenzi iktar fit-tard għas-sustanzi li saritilhom pre-reġistrazzjoni. Dawn jiddependu mill-kwantitajiet involuti u jvarjaw minn Novembru 2010 sa Mejju 2018. Kumpanija li ma tagħmilx il-pre-reġistrazzjoni ta' sustanza li tiddaħħal b'mod gradwali sa l-1 ta' Diċembru 2008 la tkun tista' timportaha u lanqas tiffabbrikaha minn wara dik id-data sakemm ma tirreġistrahiex bis-sħiħ ma' l-Aġenzija Ewropea tal-Kimika.

X'inhu l-ħsieb wara l-pre-reġistrazzjoni u r-reġistrazzjoni REACH?

REACH titlob lill-fabbrikanti u lill-importaturi ta' sustanzi kimiċi (≥ tunnellata fis-sena) biex jiksbu tagħrif dwar il-proprjetajiet fiżikokimiċi, tas-saħħa, u ambjentali tas-sustanzi tagħhom u jużawh biex jiddeterminaw kif dawn jistgħu jintużaw mingħajr periklu. Kull fabbrikant u importatur irid jibgħat lill-Aġenzija fajl ta' reġistrazzjoni li jiddokumenta d-data u l-valutazzjonijiet.

Kull min juża kimiċi perikolużi se jkun obbligat jiżgura l-użu sikur ta' dawk il-kimiċi permezz ta' miżuri ta' ġestjoni tar-riskju identifikati fil-fajls ta' reġistrazzjoni u kkomunikati lill-utenti tal-kimiċi permezz ta' Dokumenti ta' Data dwar is-Sigurtà.

Ġħexieren ta' eluf ta' kumpaniji madwar l-UE huma mistennija jkunu affettwati mill-obbligi ta' pre-reġistrazzjoni u reġistrazzjoni. Ġie stmat li se jintbagħtu iktar minn 180 000 fajl ta' pre-reġistrazzjoni. Dawn mistennija jkopru xi 30 000 sustanza u 40 000 intermedju.

Hawn taħt qiegħda tingħata gwida ta' l-obbligi ta' pre-reġistrazzjoni li japplikaw għas-sustanzi li r-rekwiżiti REACH se jiddaħħlu gradwalment u progressivament għalihom.

Fil-każ ta' sustanzi li mhux se jiddaħħlu gradwalment, ir-reġistrazzjoni tibda fl-1 ta' Ġunju 2008.

1. Pre-reġistrazzjoni

X'inhi pre-reġistrazzjoni?

Pre-reġistrazzjoni ta' sustanzi li jiddaħħlu gradwalment[1] tippermetti lill-kumpaniji li jibbenefikaw minn estensjoni ta' l-iskadenzi ta' reġistrazzjoni (2010, 2013 jew 2018). Inkella, ikollhom jirreġistraw is-sustanzi tagħhom mill-ewwel jekk ikunu jixtiequ jkomplu jiffabbrikaw jew jimportaw.

Għalfejn il-kumpaniji għandhom jagħmlu l-pre-reġistrazzjoni?

L-għan tal-pre-reġistrazzjoni huwa li jiffaċilita l-qsim ta' data bejn ir-reġistranti, fejn ikun possibbli, sabiex jitnaqqas l-ittestjar bla bżonn, speċjalment fuq annimali vertebrati, u biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-industrija.

Il-Kumpaniji huma mħeġġa bil-qawwi biex jagħmlu l-pre-reġistrazzjoni ħalli jibbenefikaw mill-estensjoni ta' l-iskadenzi għar-reġistrazzjoni (2010, 2013, 2018, ara iktar 'l isfel). Il-pre-reġistrazzjoni tiżgura li mhux se jkun hemm interruzzjoni fil-fabbrikazzjoni, l-importazzoni jew il-forniment ta' sustanzi lill-utenti. Tagħrif limitat biss għandu bżonn jintbagħat lill-Aġenzija Ewropea tal-Kimika u ma hemm l-ebda ħlas ta' pre-reġistrazzjoni.

X'se jiġrilhom il-kumpaniji li ma jagħmlux il-pre-reġistrazzjoni ta' sustanza?

Kumpanija li ma tkunx għamlet il-pre-reġistrazzjoni ta' sustanza li tiddaħħal gradwalment trid tissospendi l-fabbrikazzjoni jew l-importazzjoni tagħha wara l-1 ta' Diċembru 2008 sakemm ma jintbagħatx fajl sħiħ ta' reġistrazzjoni[2] għas-sustanza lill-Aġenzija Ewropea tal-Kimika.

X'inhuma d-dmirijiet marbuta mal-pre-reġistrazzjoni?

Il-kumpaniji kollha li jagħmlu pre-reġistrazzjoni ta' l-istess sustanzi se jsiru membri tal-Forum ta' Skambju ta' Tagħrif dwar is-Sustanzi (SIEF) li għandu l-għan li jevita d-duplikazzjoni ta' l-ittestjar tas-sustanzi. F'SIEF, il-kumpaniji jkunu obbligati jaqsmu l-istudji fuq l-ittestjar ta' l-annimali biex dawn it-testijiet isiru mill-anqas possibbli. Huma jkunu jistgħu wkoll jaqsmu data oħra.

Min għandu jagħmel il-pre-reġistrazzjoni?

Il-kumpaniji bbażati fl-UE kollha li jiffabbrikaw jew jimportaw sustanzi kimiċi fl-UE għandhom jagħmlu l-pre-reġistrazzjoni jekk il-kwantitajiet tas-sustanza huma ta' tunnellata jew iżjed fis-sena.

Produtturi jew importaturi ta' artikoli bbażati fl-UE wkoll għandhom jagħmlu pre-reġistrazzjoni ta' dawk is-sustanzi li jiddaħħlu gradwalment li jiġu intenzjonalment rilaxxati mill-artikoli tagħhom, sakemm is-sustanzi ma jkunux diġà ġew irreġistrati għall-użu f'dawk l-artikoli.

Kumpaniji li jiffabbrikaw sustanzi, jifformulaw preparazzjonijiet jew jipproduċu artikoli barra l-UE ma jistgħux jagħmlu (pre-)reġistrazzjoni tas-sustanzi. Madankollu, jistgħu jaħtru Rappreżentant Uniku stabbilit ġewwa l-UE biex iwettaq il-(pre-)reġistrazzjoni meħtieġa tas-sustanzi tagħhom li jiġu importati fl-UE. L-importaturi bbażati fl-UE tagħhom imbagħad ikunu eżentati mid-dmir ta' (pre-)reġistrazzjoni.

Għalfejn il-kumpaniji għandhom jagħmlu l-pre-reġistrazzjoni?

Il-pre-reġistrazzjoni tibda fl-1 ta' Ġunju u tagħlaq fl-1 ta' Diċembru 2008.

X'għandha tagħmel kumpanija għall-pre-reġistrazzjoni?

Kumpanija għandha tibgħat tagħrif limitat dwar kull sustanza lill-Aġenzija Ewropea tal-Kimika. It-tagħrif jikkonsisti fl-isem/identifikaturi tas-sustanza, tagħrif dwar il-kumpanija, l-iskadenza maħsuba għar-reġistrazzjoni, il-firxa ta' tunnellaġġ u potenzjalment indikazzjoni ta' sustanzi relatati li jistgħu jgħinu l-valutazzjoni tas-sustanza. Jekk kumpanija ma tkunx trid tikxef l-identità tagħha lil parteċipanti oħrajn ta' SIEF, tista' tinforma lill-Aġenzija li tkun appuntat hekk imsejjaħ rappreżentant terz li se jaġixxi bħala l-aġent tagħha fis-SIEF.

Il-pre-reġistrazzjoni trid titwettaq elettronikament permezz tal-portal REACH-IT fil-websajt ta' l-ECHA (ara hawn taħt).

Hemm żewġ modi possibbli biex jintbagħat fajl ta' pre-reġistrazzjoni:

  • Pre-reġistrazzjoni onlajn - Daħħal it-tagħrif mitlub direttament fil-websajt REACH-IT
  • Pre-reġistrazzjoni permezz ta' fajl tal-kompjuter - Importa pre-reġistrazzjoni mħejjija separatament (permezz ta' IUCLID 5 pprovdut mill-ECHA jew l-għodda ta' l-IT ta' l-industrija stess) f'fajl XML biex jintbagħat lil REACH-IT. Il-format huwa speċifikat mill-ECHA.

X'jista' jagħmel wieħed biex jiskopri x'ġie diġà pre-reġistrat?

L-Aġenzija Ewropea tal-Kimika se tippubblika lista ta' sustanzi pre-reġistrati fuq il-websajt tagħha sa l-1 ta' Jannar 2009. Il-lista ppubblikata se jkun fiha ismijiet is-sustanzi, kodiċi ta' identità relatati u l-ewwel skadenza maħsuba għar-reġistrazzjoni. Hija se tinkludi wkoll l-ismijiet u identifikaturi oħrajn ta' sustanzi relatati li għandhom il-pre-reġistranti, imma l-ebda tagħrif dwar il-kumpaniji li kkomunikawhom.

Tista' kumpanija tibbenefika minn estensjoni ta' l-iskadenzi ta' reġistrazzjoni, jekk sustanza ma tkunx ġiet pre-reġistrata sa l-1 ta' Diċembru 2008?

Tista' biss jekk il-kumpanija hija hekk imsejħa fabbrikant jew importatur ta' dik is-sustanza għall-ewwel darba fi kwantitajiet ta' tunnellata jew aktar fis-sena wara li tkun għaddiet l-iskadenza tal-pre-reġistrazzjoni (1 ta' Diċembru 2008). Fabbrikazzjoni jew importazzjoni għall-ewwel darba, tirreferi għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ ta' REACH (1 ta' Ġunju 2007).

Fabbrikanti u importaturi għall-ewwel darba jridu jagħmlu l-pre-reġistrazzjoni fi żmien sitt xhur mill-ewwel darba li l-fabbrikazzjoni jew importazzjoni taqbeż il-limitu ta' tunnellata, u mhux iktar tard minn 12-il xahar qabel l-iskadenza rilevanti għar-reġistrazzjoni.

L-istess japplika għal artikoli importati li fihom sustanza li tiddaħħal gradwalment li teħtieġ reġistrazzjoni.

X'inhu ż-żmien għar-reġistrazzjoni ta' sustanzi kimiċi pre-reġistrati?

L-iskadenzi estiżi għar-reġistrazzjoni li ġejjin japplikaw għal sustanzi li jiddaħħlu gradwalment li ġew pre-reġistrati:

Sat-30 ta' Novembru 2010 - sustanzi prodotti jew importati fi kwantitajiet ta' 1000 tunnellata fis-sena jew iktar; sustanżi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR kategorija 1 u 2) ta' tunnellata fis-sena jew iktar u sustanzi kklassifikati bħala tossiċi ħafna għall-organiżmi akkwatiċi (R50/53) minn 100 tunnellata fis-sena 'il fuq;

Sal-31 ta' Mejju 2013 - sustanzi prodotti jew importati fi kwantitajiet ta' 100 tunnellata fis-sena jew iktar;

Sal-31 ta' Mejju 2018 - sustanzi prodotti jew importati fi kwantitajiet ta' tunnellata fis-sena jew iktar.

X'inhu rwol l-ECHA fil-pre-reġistrazzjoni?

L-ECHA ħejjiet gwida u għodod li jinftiehmu faċilment fuq il-websajt multilingwistika u l-helpdesk tagħha qiegħed jgħin lill-kumpaniji fil-pre-reġistrazzjoni onlajn.

L-Aġenzija hija responsabbli għall-ġestjoni tal-portal REACH-IT - l-uniku mezz biex jintbagħtu l-pre-reġistrazzjonijiet lill-ECHA. Il-portal se jitnieda fl-1 ta' Ġunju.

L-ECHA se tippubblika l-lista ta' sustanzi pre-reġistrati fuq il-websajt tagħha sa l-1 ta' Jannar 2009. Hija tista' tgħin ukoll lill-utenti jsibu reġistranti potenzjali wara li jintemm il-perjodu ta' pre-reġistrazzjoni.

2. REACH = Reġistrazzjoni, Valutazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni ta' Kimiċi

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida ta' l-UE dwar il-kimika REACH (Registration, Evaluation, Authorisation and Restriction of Chemicals - Reġistrazzjoni, Valutazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni ta' Kimiċi) daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2007. Ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni se japplikaw mill-1 ta' Ġunju 2008.

Liema pajjiżi se jimplimentaw REACH?

REACH tapplika għas-27 Stat Membru ta' l-UE L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja jinsabu fil-proċess li jimplimentawha permezz tal-ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea.

X'inhu l-ambitu ta' REACH?

REACH tkopri s-sustanzi kimiċi kollha, iffabbrikati jew importati fl-UE, fi kwantitajiet ta' tunnellata jew iktar fis-sena. Reġistrazzjoni f'REACH hija għas-sustanzi biss. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament japplikaw għall-fabbrikazzjoni, tqegħid fis-suq jew użu ta' sustanzi waħedhom, fi preparazzjonijiet jew f'artikoli.

Hemm xi eċċezzjonijiet minn ċerti partijiet tal-leġiżlazzjoni. Pereżempju, sustanzi fl-ikel u mediċini huma koperti minn leġiżlazzjoni separata ta' l-UE. Sustanzi naturali huma eżenti wkoll mir-reġistrazzjoni f'REACH, jekk mhumiex perikolużi u ma ġewx modifikati kimikament.

Tista' ssib aktar tagħrif fil-websajts li ġejjin:

L-Aġenzija Ewropea tal-Kimika: http://echa.europa.eu


[1] Sustanzi li jissodisfaw ta' l-inqas waħda mill-kriterji li ġejjin huma sustanzi li jiddaħħlu gradwalment:

  1. Sustanzi elenkati fl-Inventarju Ewropew ta' Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti (European INventory of Existing Commercial Chemical Substances - EINECS);
  2. Sustanzi li ġew iffabbrikati fl-UE (inklużi pajjiżi ta' l-adeżjoni) imma li ma tqegħdux fis-suq ta' l-UE qabel l-1 ta' Ġunju 1992;
  3. Sustanzi li jikkwalifikaw bħala l-hekk imsejħa "ma għadhomx polimeru";

[2] Reġistrazzjoni ta' sustanza se tkun tinkludi:

  1. Kumpilazzjoni u stima tal-proprjetajiet perikolużi tas-sustanza u kundizzjonijiet għal użu sikur;
  2. It-tressiq ta' dan it-tagħrif lill-Aġenzija Ewropea tal-Kimika (ECHA); u

Il-ħlas rilevanti għar-reġistrazzjoni.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site