Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda politika għal multilingwiżmu

European Commission - MEMO/07/80   23/02/2007

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

MEMO/07/80

Brussels, 23/02/2007

Aġenda politika għal multilingwiżmu

Il-multilingwiżmu bħala portafoll separat onħoloq fl-1 ta' Jannar 2007 sabiex jirrifletti d-dimensjoni politika tiegħu fl-UE fid-dawl ta' l-importanza tiegħu għall-edukazzjoni inizjali, it-tagħlim li jissokta matul il-ħajja, il-kompetittività ekonomika, l-impjiegi, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà.

Id-diversità lingwistika hija realtà ta' kuljum ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata sabiex tippreżerva u tippromwovi din il-karatteristika fundamentali. Il-mandat tal-Kummissarju għandu jkollu bħala għanijiet ewlenin li jiddefinixxi l-kontribut tal-multilingwiżmu lil:

  • kompetittività ekonomika, tkabbir ekonomiku u impjiegi ta' kwalità aqwa
  • Il-promozzjoni ta' tagħlim li jissokta matul il-ħajja u d-djalogu interkulturali
  • it-trawwim ta' spazju għal djalogu politiku Ewropew permezz tal-komunikazzjoni multilingwistika maċ-ċittadini.

1. Il-kontribut għal kompetittività ekonomika, tkabbir ekonomiku u impjiegi ta' kwalità aqwa

Il-multilingwiżmu jagħti kontribut reali lill-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea, fl-ilħiq tal-miri ta' l-istrateġija ta' Liżbona. Studju dwar '"Effetti fuq l-Ekonomija Ewropea ta' Skarsezza ta' Ħiliet Lingwistiċi Barranin fl-Intrapriża" mwettaq minn CILT (Ċentru Nazzjonali tar-Renju Unit għall-Ilsna) jissuġġerixxi opportunitajiet reali ta' negozju mitlufa minħabba n-nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi fl-intrapriżi. Huwa importanti wkoll li jitfakkar li l-multilingwiżmu minnu nnifsu jikkostitwixxi industrija importanti u joħloq numru kbir ta' impjiegi.

Għandu jitwaqqaf Forum ta' l-Intrapriżi dwar il-Multilingwiżmu matul it-tieni nofs ta' l-2007, sabiex jidentifika mezzi għaż-żieda tal-kapaċitajiet multilingwistiċi tal-kumpaniji sabiex jgħinuhom jidħlu fi swieq ġodda. Il-ħiliet lingwistiċi jistgħu jtejbu konsiderevolment il-prospetti ta' impjieg u l-mobilità ta' l-individwi. Għalhekk, il-Forum ta' l-Intrapriżi għandu jintalab jistħarreġ aktar dawn l-opportunitajiet f'dan il-qasam.

Jeħtieġ għarfien aħjar tal-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda sabiex jiġbdu u jħarrġu studenti lingwistiċi; għalhekk, fl-2007se jitnieda studju dwar teknoloġiji ġodda u d-divrsità lingwistika. Minbarra dan, għandha titħeġġeġ ir-riċerka f'teknoloġiji ġodda għat-tagħlim ta' l-ilsna u l-użu ta' intelliġenza artifiċjali bħala għodda għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni.

2. Il-promozzjoni ta' tagħlim li jissokta matul il-ħajja u d-djalogu interkulturali

Sabiex jippromwovu tagħlim lingwistikuta' kwalità għolja, il-politiki jeħtieġu li jkunu msejsa fuq evidenza soda. Hemm żewġ rapporti li jridu jiġu ffinalizzati fl-2007:

  • "Il-Promozzjoni tat-Tagħlim Lingwistiku u d-Diversità Lingwistika" (implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni 2004-2006)
  • "Id-diversità tat-tagħlim lingwistiku offrut fl-UE" (l-ewwel rapport li jseħħ kull ħames snin)

Għandu wkoll jiġi evalwat ix-xogħol tan-Netwerk Ewopew ta' l-Ispetturi ta' l-Ilsna (ELIN).

Il-Programm ta' Tagħlim li Jissokta matul il-Ħajja għandu jipprovdi mezzi finanzjarji għal proġetti lingwistiċi; għandu jkun indirizzat lill-ilsna kollha, inklużi ilsna reġjonali u ilsna ta' minoritajiet. Appoġġ lill-multilingwiżmu filfatt għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet ġenerali fil-proġetti kollha ta' dan il-programm.

It-talba dejjem tikber għal interpreti u tradutturi għall-istituzzjonijiet Ewropej diġà tixhed il-ħtieġa li t-taħriġ tagħhom jitħeġġeġ iktar . Skond l-istess indikazzjoni, hemm ħtieġa għalihom dejjem tikber fis-suq privat (pereżempju, it-talba għal interpreti fl-Uffiċċju Ewropew tal-Brevetti, fil-qrati jew fil-livell ta' komunitajiet lokali). Il-Kummissjoni diġà tappoġġja programmi ta' postlawrea għal interpreti u tradutturi fl-Istati Membri. Programmi għat-Taħriġ ta' Interpreti u Tradutturi jitlaqqgħu flimkien sabiex jiżguraw appoġġ finanzjarju kostanti u sors akbar ta' kandidati li huma mħejjija sewwa.

Is-sottotitolar huwa għodda spettakolari li jgħin lil persuni jitgħallmu l-ilsna b'aktar faċilità u b'mod pjaċevoli. Għalhekk għandu jsir serje ta' laqgħat sabiex jisfrutta dan il-potenzjal tal-mezzi tax-xandir fir-rigward tat-tagħlim lingwistiku.

Fl-aħħar nett, ma għandux jintesa li t-tagħlim lingwistiku huwa rotta kruċjali għas-sensibilità u l-għarfien interkulturali. Għalhekk, irid jiġi garantit kontribut ta' multilingwiżmu għad-djalogu interkulturali. Tant hu hekk, li huwa biss permezz tat-tagħlim lingwistiku li wieħed jista' jgħaddi minn soċjetà multikulturali għal waħda verament interkulturali. L-2008 se tkun is-sena Ewropea għad-djalogu interkulturali. Fl-2007 għandu jitfassal Grupp ta' Livell Għoli ta' persuni intelletwali u esperti tal-multilingwiżmu. L-għan tiegħu huwa li jiddefinixxi l-kontribut tal-multilingwiżmu għal din is-sena u minnha ’l quddiem. Dan għandu jibni fuq xogħol intern għaddej bħalissa.

3. It-trawwim ta' spazju għal djalogu politiku Ewropew: komunikazzjoni multilingwistika maċ-ċittadini ta' l-UE

It-traduzzjoni u l-interpretazzjoni jsawru liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha bil-kapaċità li jaqraw u jifhmu l-liġijiet li jgħoddu għalihom; u lir-rappreżentanti eletti demokratikament bil-kapaċità li jiddefendu l-interessi u l-ideat tagħhom mingħajr ma jixxekklu minħabba l-lingwa.

Għalhekk, għal tnejn mit-tliet ilsna uffiċjali l-ġodda[1] (ir-Rumen u l-Bulgaru) il-prijoritajiet għal din is-sena huma l-iffinalizzar tal-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja ta' l-UE u l-bidu tal-konsolidazzjoni. Għall-ilsna uffiċjali l-oħra, il-prijorità hija l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Sabiex ittejjeb il-komunikazzjoni maċ-ċittadini tagħha, il-Kummissjoni għandha tfittex li ttejjeb il-firxa multilingwistika tal-websajts tagħha, sal-punt li jippermettu r-riżorsi.

Il-forniment ta' l-aċċess għal servizzi online ta' tagħrif liċ-ċittadini fl-ilsna tagħhom (bħal EUR-Lex[2] għal professjonisti fil-qasam legali, CORDIS[3] għal dawk interessati fir-riċerka, TED[4] għas-sejħa għall-offerti ta' l-UE, EU Bookshop bħala librerija virtwali ta' l-UE) għandu jkun azzjoni transversali fl-2007 u l-2008.

L-istituzzjonijiet Ewropej żviluppaw bosta għodod sabiex jgħinu t-tradutturi u l-interpreti f'xogħlhom. Dawn għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. Pereżempju, sa nofs din is-sena, il-bażi tad-data tat-terminoloġija interistituzzjonali IATE[5] għandha tinfetaħ għall-pubbliku. Din għandha tipprovdi lil intrapriżi b' terminoloġija preċiża (eż. avukati, inġiniera) li tista' tintuża f'aspetti tekniċi ta' l-oqsma differenti ta' l-attivitajiet tagħhom.

Barra minn dan, ġew żviluppati għodod ġodda sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni. Id-DĠ ta' l-Interpretazzjoni żviluppa l-Pjattaforma Teknoloġika Avvanzata għall-Komunikazzjoni Multilingwistika. Din tippermetti udjenzi remoti li jkunu konnessi permezz ta' sistema ta' vidjokonferenza, filwaqt li tipprovdi interpretazzjoni simultanja. Din is-sistema għandha tiġi estiża fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea u f'dak ta' istituzzjonijiet oħra. B'dan il-mod ċittadini mill-Istati Membri se jissawru bil-kapaċità li jkunu f'kuntatt ma' l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej.

Lejn strateġija ġdida

Il-portafoll tal-multilingwiżmu għandu dimensjoni orizzontali sinifikanti, u jinteraġixxi mill-qrib ma' politiki oħra ta' l-Unjoni Ewropea, bħal mhuma l-kultura, l-edukazzjoni, il-komunikazzjoni, il-politika soċjali, l-impjiegi, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, eċċ. Għalhekk, il-kontribut tiegħu għall-iżvilupp u t-tiswir tal-politiki ta' l-UE - kemm interni kif ukoll esterni – għandu jiġi eżaminat iktar u l-benefiċċji tiegħu għandhom jiġu promossi kulfejn ikun possibbli.

Il-ġbir ta' l-ideat u s-suġġerimenti minn Stati Membri u partijiet interessati fil-qasam huwa għalhekk essenzjali sabiex jinbnew politiki ġodda li jirriflettu l-ħtiġijiet tagħhom. Dan għandu jsir fil-qafas tal-Grupp ta' Livell Għoli fil-multilingwiżmu (li għandu jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fis-26 ta' Settembru) u konferenza Ministerjali dwar il-multilingwiżmu (li għandha tiġi organizzata fil-bidu tas-sena d-dieħla). Dawn l-ideat kollha għandhom jipprovdu bażi għal Komunikazzjoni li tiddeskrivi fil-qosor strateġija ġdida fil-multilingwiżmu (li għandha tiġi ppreżentata matul it-tieni nofs ta' l-2008).


[1] F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Irlandiż, hemm skeda speċjali ta' ħames snin li tibda mill-1.1.2007, li tinvolvi li għall-Irlandiż jiġu tradotti bissRegolamenti adottati b'mod konġunt milll-Parlament Ewropew u l-Kunsill .

[2] EUR-Lex hija bażi tad-data, li tipprovdi aċċess dirett bla ħlas għal-liġi ta' l-Unjoni Ewropea.

[3] Community Research and Development Information Service. CORDIS huwa pjattaforma interattiva ta' tagħrif li tipprovdi tagħrif dwar aħbarijiet, progress u inizjattivi fl-innovazzjoni Ewropea, ir-riċerka u l-iżvilupp.

[4] Tenders Electronic Daily, hija bażi tad-data tas-sejħiet kollha għall-offerti fl-Ewropa.

[5] Inter-Active Terminology for Europe.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website