Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/07/7

Brussel, l-10 ta' Jannar 2007

Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa: il-Kummssjoni tilqa' l-isfidi ta' l-enerġija fis-Seklu 21

Id-dinja ta' llum qed tiffaċċa sfida ambjenatli u enerġetika, sfida akuta għall-Ewropa, u waħda maqsuma ma' l-Istati Membri kollha. Din hi: kif niżguraw enerġija nadifa u kompetittiva għall-Ewropa fuq sfond ta' tibdil fil-klima, eskalazzjoni fit-talba dinjija għall-enerġija, u inċertezzi dwar il-provvista fil-ġejjieni. Jekk Stat Membru wieħed din l-isfida ma jilqagħhiex, dan jaffettwa lill-Istati Membri l-oħra. Jekk il-problemi jqumu barra mill-Unjoni Ewropea, jista' jkollhom impatt fuq l-UE kollha kemm hi. Huwa għalhekk li l-Ewropa jeħtiġilha jkollha politika qawwija ta' l-enerġija. Ir-Reviżjoni Strateġika tal-Kummissjoni dwar l-Enerġija hija pass importanti lejn l-ilħiq ta' politika effikaċi ta' l-enerġija għall-Ewropa.

Il-punt tat-tluq għal politika Ewropea ta' l-enerġija fih tliet aspetti: il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni ta' l-impjiegi u tat-tkabbir ekonomiku, u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà esterna ta' l-UE fl-importazzjoni taż-żjut u l-gass.

Il-pedament tal-politika l-ġdida huwa mira tal-qofol għall-enerġija fl-Ewropa: li sa l-2020, l-UE għandha tnaqqas b'20% l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra mill-konsum tagħha ta' l-enerġija. Din il-mira sejra tħalli lill-UE tkejjel il-progress li tagħmel fl-indirizzar mill-ġdid ta' l-ekonomija preżenti ta' l-enerġija lejn waħda li tilqa' għal kollox l-isfidi tas-sostenibbiltà, il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista.

Il-mira ta' l-UE jeħtiġilna narawha fil-kuntest tal-ħtieġa għall-azzjoni internazzjonali kontra t-tibdil fil-klima min-naħa tal-pajjiżi industrijali. Fejn diġà jkun hemm impenn tali, l-UE jeħtiġilha tagħmel aktar minn hekk. Għaldaqstant l-għan għandu jkun li l-mira tissaħħaħ għal tnaqqis ta' 30% sa l-2030 u għal tnaqqis ta' 60-80% sa l-2050.

It-tħassib mhuwiex biss dwar it-tibdil fil-klima, iżda wkoll dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija għall-Ewropa, ta' l-ekonomija u tal-ġid taċ-ċittadini tagħha. Anki mingħajr it-tibdil fil-klima, hemm bosta raġunijiet għala għandhom jittieħdu l-passi proposti mill-Kummissjoni Ewropea. L-ilħiq tal-mira jista' jillimita l-esponiment ta' l-UE, li qed jikber, għal aktar volatilità u għal prezzijiet ogħla taż-żejt u l-gass, iwassal għal suq aktar kompetittiv ta' l-enerġija fl-UE, u jistimula t-teknoloġija u l-impjiegi.

L-isfida hija enormi: f'termini speċifiċi għall-enerġija, l-ilħiq ta' din il-mira komprensiva dwar il-gassijiet bl-effett ta' serra lill-UE sejjer jobbligaha tnaqqas b'talanqas 20% l-ammont tas-CO2 fl-użu ta' l-enerġija tagħha, u probabbilment b'aktar, fit-13-il sena li ġejjin. Iżda dan sejjer jgħin biex l-Ewropa tinbidel f'ekonomija effiċjenti ħafna fl-enerġija u baxxa fis-CO2, u li tkun kapaċi tilqa' bil-kunfidenza għall-isfidi tal-ġejjieni fl-enerġija. Se jfisser li l-UE tassumi post dinji ta' tmexxija fil-katalizzar ta' rivoluzzjoni industrijali ġdida, għall-ġid sew tad-dinja żviluppata sew ta' dik li qed tiżviluppa, filwaqt li taċċelera l-bidla lejn it-tkabbir ekonomiku ta' ftit emissjonijiet u żżid drammatikament l-ammont prodott u użat ta' enerġija lokali u ta' ftit emissjonijiet.

Biex tilħaq din il-mira, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li niffukaw fuq għadd ta' miżuri relatati ma' l-enerġija: it-titjib ta' l-effiċjenza fl-enerġija; it-tkabbir ta' sehem l-enerġija li tiġġedded fir-riżorsi komprensivi ta' l-enerġija, kif ukoll miżuri ġodda biex jiżguraw li l-benefiċċji tas-suq intern ta' l-enerġija jaslu għand kulħadd; it-tisħiħ tas-solidarjetà fost l-Istati Membri, b'viżjoni aktar fit-tul għall-iżvilupp tat-teknoloġija ta' l-enerġija, attenzjoni mġedda fuq is-sikurezza u s-sigurtà nukleari, u sforz b'determinazzjoni biex l-UE "titkellem b'leħen wieħed" mas-sħab internazzjonali tagħha, fosthom il-produtturi u l-importaturi ta' l-enerġija u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Ir-Reviżjoni tinkludi Pjan ta' Azzjoni b'erba' punti, bi skeda ta' miżuri biex l-UE titiqiegħed fit-triq lejn l-ilħiq tal-mira strateġika l-ġdida tagħha. Mal-Pjan ta' Azzjoni qed jiġi propost l-ewwel pakkett ta' miżuri konkreti. Dan jinkludi:

  • rapport dwar l-implimentazzjoni min-naħa ta' l-Istati Membri tas-suq intern fil-gass u l-elettriku, kif ukoll ir-riżultati ta' eżami dwar il-qagħda tal-kompetizzjoni f'dawn iż-żewġ setturi;
  • Pjan għall-Interkonnessjonjiet Prijoritarji fix-xbieki tad-distribuzzjoni ta'l-elettriku u l-gass fl-Istati Membri, b'tali mod li xibka Ewropea ssir realtà;
  • proposti biex tinġieb 'il quddiem il-ġenerazzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-fjuwils fossili;
  • pjan tar-rotta u inizjattivi oħra għall-promozzjni tas-sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija, partikolarment il-bijofjuwils għat-trasport;
  • analiżi tal-qagħda ta' l-enerġija nukleari fl-Ewropa;
  • karta ta' ħidma għal Pjan Strateġiku Ewropew dwar it-Teknoloġija ta' l-Enerġija.

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija li l-Kummissjoni adottatu fid-19 ta' Ottubru 2006 ukoll huwa parti mill-Pjan ta' Azzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "It-trażżin tat-tibdil fil-klima għal 2° - Alternattivi ta' Politika għall-UE u d-dinja għas-sena 2020 u lil hinn minnha" u r-Reviżjoni Strateġika jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin.

Il-Kummissjoni sejra titlob lill-Kunsill Ewropew biex japprova l-proposti tagħha fis-Samita tar-Rebbiegħa tiegħu fit-8/9 ta' Marzu 2007. It-tieni Reviżjoni Strateġika dwar l-Enerġija sentejn oħra sejra tirrapporta dwar il-progress li jkun sar, skond l-impenn li ħadu l-Kapijiet ta' l-Istati u tal-Gvernijiet li jiddiskutu regolarment bejneithom dwar kwistjonijiet ta' l-enerġija.


Side Bar