Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/07/5

Brussel, l-10 ta' Jannar 2007

Il-promozzjoni tal-bijofjuwils bħala alternattivi kredibbli għaż-żejt fit-trasport

Biż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet taż-żejt u t-tħassib li qed jiżdied dwar provvista żgura u ambjentalment tajba ta' l-enerġija, il-promozzjoni ta' l-użu tal-bijofjuwils fit-trasport hija prijorità fl-aġenda politika Ewropea. Illum, il-bijofjuwils huma l-uniku mezz biex titnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt fis-settur tat-trasport. Bħala parti mill-Politika ta' l-Enerġija tagħha għall-Ewropa, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tikoraġġixxi l-produzzjoni u l-użu tal-bijofjuwils billi tipproponi li tistabbilixxi mira obbligatorja minima għall-bijofjuwils ta' 10% tal-fjuwil tal-vetturi sa l-2020.

It-trasport fl-Ewropa kull ma jmur dejjem qed jikber. Il-karozzi u t-trakkijiet tant joffru vantaġġi li l-ħajja mingħajrhom illum diffiċli timmaġinaha. Imma l-qagħda qed issir insostenibbli. It-trasport jipproduċi kważi terz ta' l-emissjonijiet tas-CO2 – il-gass bl-effett ta' serra li l-aktar li huwa responsabbli għat-tibdil fil-klima – u mistenni li l-emissjonijiet jikbru b'mod sinifikanti. Barra minn hekk, is-settur tat-trasport jiddependi 98% fuq iż-żejt, fjuwil fossili li fil-parti l-kbira huwa importat, li mistenni li jogħla fil-prezz kulma jonqsu r-riservi.

L-UE qed tipproponi reazzjoni immedjata għal din il-qagħda: qiegħda tinkoraġġixxi li l-bijofjuwils jieħdu post id-diżil u l-petrol. Il-bijofjuwils huma fjuwils nodfa u li jiġġeddu prodotti minn materjal organiku. L-iżvilupp tas-settur sejjer ukoll joħloq l-impjiegi u jiftaħ swieq ġodda għall-produzzjoni agrikola. Il-bijofjuwils jgħinu wkoll biex jinħallu problemi wiesgħa u komuni, bħalma huma d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija u t-twettiq ta' l-impenji tal-Protokoll ta' Kjoto.

Fid-Direttva dwar il-bijofjuwils adottata fl-2003, l-Ewropa għaliha nnifisha adottat il-mira li fit-trasport tissostitwixxi 2% tal-petrol u d-diżil bil-bijofjuwils sa l-2005, u b'5.75% sa l-2010. Il-mira ta' l-2005 ma ntlaħqetx. Nistgħu nistennew li sa l-2010 isir progress sostanzjali, imma mhux biżżejjed biex tintlaħaq dik ta' l-2010. Il-Kummissjoni għaldaqstant qiegħda tipproponi li l-qafas leġiżlattiv jissaħħaħ, b'minimu ta' 10% għas-sehem tal-bijofjuwils fis-suq sa l-2020.

Filwaqt li l-parti l-kbira tal-bijofjuwils iwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra, il-produzzjoni tagħhom tista' ssir b'mezzi li ma jagħmlux hekk, jew inkella li jikkawżaw problemi ambjentali oħra. Il-Kummissoni tipproponi l-introduzzjoni ta' sistema ta' inċentivi/appoġġ biex dan tevitah, u biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' bijofjuwils tat-"tieni ġenerazzjoni".

Diversi politiki jistgħu jistimolaw l-użu u l-produzzjoni tal-bijofjuwils fuqil-livell Ewropew. L-eżenzjoni mit-taxxi ilha forma ta' appoġġ għall-bijofjuwils. Bosta Stati Membri ħabbru wkoll l-introduzzjoni ta' obbligi dwar il-bijofjuwils. Dawn lill-fornituri jobbligwahom iqiegħdu perċentwal ta' bijofjuwils fis-suq, u b'hekk jagħtu xibka ta' sikurezza lill-investituri filwaqt li jagħtu spinta lill-industrija tal-bijofjuwils.

Il-bijofjuwils l-aktar komuni llum huma l-bijodiżil (magħmul minn pjanti li jagħtu ż-żjut bħall-kolza u l-ġirasol) u l-bijoetanol (magħmul minn pjanti li jagħtu z-zokkor u l-lamtu, bħall-pitravi u ċ-ċereali). Dawn iż-żewħ fjuwils tat-trasport għandhom il-potenzjali li jieħdu post id-diżil u l-petrol fuq skala kbira. Jistgħu jintużaw fil-magni ta' karozzi moderni (għat-taħlitiet baxxi, mingħajr modifika, jew b'modifika rħisa biex jaċċettaw taħlitiet għolja) u jistgħu jiġu distribwiti permezz ta' l-infrastrutturi eżistenti. Qed issir riċerka biex jiġu żviluppati metodi ta' produzzjoni tat-"tieni ġenerazzjoni) li jkunu jistgħu jagħmlu l-bijofjuwils minn materjal ta' njam, ħaxix u xi tipi addizzjonali ta' skart.

Anness: Il-progress li sar fl-użu tal-bijofjuwils fl-Istati Membri, 2003-2005

Stat Membru
Sehem il-bijofjuwils fl-2003 (%)
Sehem il-bijofjuwils fl-2004 (%)
Sehem il-bijofjuwils fl-2005 (%)
Il-mira nazzjonali indikattiva għall-2005 (%)
L-Awstrija
0.06
0.06
0.93
2.50
Il-Belġju
0.00
0.00
0.00
2.00
Ċipru
0.00
0.00
0.00
1.00
Ir-Repubblika Ċeka
1.09
1.00
0.05
3.70[1]
Id-Danimarka
0.00
0.00
l-ebda data
0.10
L-Estonja
0.00
0.00
0.00
2.00
Il-Finlandja
0.11
0.11
l-ebda data
0.10
Franza
0.67
0.67
0.97
2.00
Il-Ġermanja
1.21
1.72
3.75
2.00
Il-Greċja
0.00
0.00
l-ebda data
0.70
L-Ungerija
0.00
0.00
0.07
0.60
L-Irlanda
0.00
0.00
0.05
0.06
L-Italja
0.50
0.50
0.51
1.00
Il-Latvja
0.22
0.07
0.33
2.00
Il-Litwanja
0.00
0.02
0.72
2.00
Il-Lussemburgu
0.00
0.02
0.02
0.00
Malta
0.02
0.10
0.52
0.30
L-Olanda
0.03
0.01
0.02
2.00[2]
Il-Polonja
0.49
0.30
0.48
0.50
Il-Portugall
0.00
0.00
0.00
2.00
Is-Slovakkja
0.14
0.15
l-ebda data
2.00
Is-Slovenja
0.00
0.06
0.35
0.65
Spanja
0.35
0.38
0.44
2.00
L-Iżvezja
1.32
2.28
2.23
3.00
Ir-Renju Unit
0.026[3]
0.04
0.18
0.19[4]
UE 25
0.5%
0.7%
1.0% (stima)
1.4%

Sors: rapporti nazzjonali skond id-Direttiva dwar il-bijofjuwils.


[1] 2006
[2] 2006
[3] f'termini ta' volum, 0.03%, ekwivalenti għal 0.26% f'termini ta' kontenut ta' l-enerġija, bil-preżunzjoni ta' 100% bijodiżil.
[4] f'termini ta' volum, 0.3%, ekwivalenti għal 0.19% f'termini ta' kontenut ta' l-enerġija, bil-preżunzjoni ta' tqassim nofs b'nofs bejn il-bijodiżil u l-bijoetanol.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website