Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Approċċ Ewropew għall-enerġija, is-sikurezza u s-sigurtà nukleari

Commission Européenne - MEMO/07/10   10/01/2007

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/07/10

Brussell, l-10 ta' Jannar 2007

Approċċ Ewropew għall-enerġija, is-sikurezza u s-sigurtà nukleari

Kull stat membru jista' jiddeċiedi jużax l-enerġija nukleari jew le. L-enerġija nukleari jista' jkollha sehem importanti fit-taħlita ta' enerġija ta' l-Unjoni Ewropea: biss huwa importanti li jkomplu jiġu indirizzati kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sikurezza u s-sigurtà. B'rikonoxxement ta' dan, il-Kummissjoni Ewropea ipproponiet it-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' regolaturi nukleari nazzjonali fi ħdan l-UE sabiex jiġu żviluppati aktar għarfien komuni, kif ukoll regoli Ewropej fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

Skond l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippubblika programm nukleari illustrattiv fuq bażi regolari. B'dan il-għan, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni li teżamina mill-ġdid l-investimenti li saru fl-enerġija nukleari f'dawn l-aħħar għaxar snin, u li tfisser l-ekonomija tal-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari, l-impatti tagħha fuq it-taħlita ta' enerġija, kif ukoll il-kondizzjonijiet tagħha għall-aċċettazzjoni soċjali.

Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi hu jekk jiddependix jew le fuq l-enerġija nukleari għall-produzzjoni ta' l-elettriku tiegħu. Dan l-aħħar, fil-Finlandja u fi Franza ġie deċiż li tiżdied il-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari. Pajjiżi oħra ta' l-UE, inkluż l-Olanda, il-Polonja, l-Isvezja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, l-Estonja, il-Latvja, l-Islovakkja, ir-Renju Unit, il-Bulgarija u r-Rumanija reġgħu jaqmu dibattitu fuq il-politika tagħhom dwar l-enerġija nukleari. B'152 reattur mferrxa madwar l-UE27, bħalissa, l-enerġija nukleari tikkontribwixxi 30% tal-elettriku fl-Ewropa – mandankollu, jekk f'xi wħud mill-Istati Membri ta' l-UE titkompla titħaddem il-politika ta' tneħħija bil-mod ta' l-enerġija nukleari, dan il-persentaġġ jitnaqqas ħafna. Sabiex tintlaħaq id-domanda mistennija ta' enerġija u sabiex titnaqqas id-dipendenza ta' l-Ewropa fuq l-importazzjoni, jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti ġodda u dwar l-użu ta' xi impjanti wara li jkun għadda żmienhom.

It-tisħiħ tal-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari jista' jkun ukoll għażla oħra kif jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 u jista' jkollu sehem importanti fil-mod kif nieħdu ħsieb il-problema tat-tibdil tal-klima dinjija. Essenzjalment, l-enerġija nukleari ma tipproduċix emissjonijiet ta' karbonju, kif ukoll tagħmel parti mill-pjan tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-karbonju, li jinkludi l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2. Din tista' titqies ukoll bħala fattur importanti waqt diskussjonijiet dwar skemi futuri ta' l-iskambu ta' l-emissjonijiet.

L-aktar fattur kruċjali li jolqot il-prospett ta' żieda fl-enerġija nukleari hu l-lat ekonomiku tagħha, peress li mpjant nukleari jitlob investiment bil-quddiem ta' bejn EUR 2 biljun u EUR 3 biljun. Il-produzzjoni ta' enerġija nukleari teħtieġ spejjeż ogħla ta' kostruzzjoni meta mqabbla ma dik ta' enerġija minn fjuwils fossili; madankollu, wara l-investiment inizjali, l-ispejjeż operattivi huma ferm anqas. Barra dan, il-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari ftit li xejn ma tiġi affettwata minn tibdiliet fil-prezz tal-materja prima, peress li ammont mhux kbir ta' uranju, li fil-parti l-kbira tiegħu jiġi minn reġjuni tad-dinja li huma stabbli, jista' jħaddem reattur għal għexieren ta' snin. Ghalhekk, f'ħafna pajjiżi industrijalizzati, impjanti nukleari ġodda jkunu jistgħu joffru alternattiva ekonomika għall-produzzjoni tad-domanda ta' l-elettriku bażi.

Mill-1997 'l hawn, l-industrija nukleari għamlet investimenti konsiderevoli. L-UE tirrikonoxxi l-importanza li żżomm vantaġġ teknoloġiku fil-qasam ta' l-enerġija nukleari u ssostni żvilupp akbar ta' l-aktar qafas avanzat għall-enerġija nukleari, inkluż non-proliferazzjoni, ġestjoni ta' l-iskart u għeluq ta' impjanti. Mit-twaqqif tat-Trattat Euratom, is-sikurezza nukleari u l-ħarsien tal-pubbliku mir-radjazzjoni kienu dejjem fost it-tħassib ewlieni tal-Komunità Ewropea u huma kwistjonijiet li kibru fl-importanza fid-dawl tat-tkabbir fil-passat kif ukoll fil-preżent.

Fuq il-livell ta' l-UE, ir-rwol għandu jkun li jitkompla l-iżvilupp ta' l-aktar qafas avvanzat għall-enerġija nukleari f'dawk l-Istati Membri li jagħżlu l-enerġija nukleari, b'konformità ma' l-ogħla standards ta' sikurezza, sigurtà u non-proliferazzjoni, kif jitlob it-Trattat Euratom. Dan għandu jinkludi l-ġestjoni ta' skart nukleari u l-għeluq ta' impjanti.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site