Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet u l-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Allokazzjoni

Commission Européenne - MEMO/05/84   08/03/2005

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL

MEMO/05/84

Brussell, l-8 ta' Marzu 2005

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet u l-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Allokazzjoni

(Verżjoni aġġornata mill-25 ta’ Mejju 2005)

1) X’inhu l-għan ta’ l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet?

L-Iskema ta’ Skambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet[1] hija l-bażi tal-ġlieda kontra l-bidla klimatika. Hija l-ewwel sistema internazzjonali għall-iskambju ta’ l-emissjonijiet tad-CO2 fid-dinja. Din tkopri xi 12,000 installazzjoni li jipproduċu qrib in-nofs ta’ l-emissjonijiet tad-CO2 fl-Ewropa.

L-għan hu li l-Istati Membri ta' l-UE jiġu megħjuna jirrispettaw l-impennji li ttieħdu taħt il-Protokoll ta’ Kyoto. L-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ma jfissirx li hemm għanijiet ambjentali ġodda iżda jagħmel possibbli li l-għanijiet attwali taħt il-Protokoll ta’ Kyoto jintlaħqu bl-iktar mod ekonomiku. Li l-kumpaniji parteċipanti jitħallew jixtru jew ibigħu kwoti ta’ emissjonijiet ifisser li l-għanijiet jistgħu jintlaħqu bl-inqas spejjeż possibbli. Kieku l-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ma ġietx adottata, kien ikun hemm bżonn jiġu implimentati miżuri oħrajn li jiswew iżjed.

2) X’ jiddetermina l-prezz tal-kwoti ta’ emissjonijiet?

Il-Kummissjoni m’għandhiex opinjoni dwar x’għandhom ikunu l-prezzijiet tal-kwoti ta' emissjonijiet. Bħal f’kull suq ħieles ieħor, il-prezz jiddependi mill-provvista u d-domanda. L-intermedjarji tas-suq jikkwotaw prezzijiet għall-kwoti ta' emissjonijiet offruti jew mitlubin. Il-Kummissjoni mhijiex se tagħmel interventi fis-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet. F’każ ta’ distorsjonijiet, tapplika l-liġi tal-kompetizzjoni bħalma jiġri għal kull suq ieħor.

3) X’inhu l-iskop ta’ Pjanijiet Nazzjonali ta’ Allokazzjoni?

Il-Pjanijiet Nazzjonali ta' Allokazzjoni (NAP) jiddeterminaw il-kwantità totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li Stati Membri jagħtu lill-kumpaniji tagħhom, u li mbagħad jistgħu jinbiegħu jew jinxtraw mill-kumpaniji innifishom. Dan ifisser li kull Stat Membru għandu jiddeċiedi ex-ante dwar kemm-il kwota se jalloka b’kollox għall-ewwel perjodu ta’ skambju 2005 sa 2007 u dwar kemm jirċievi kull impjant kopert mill-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet. Il-ħsieb hu li Stati Membri jillimitaw l-emissjonijiet tad-CO2 mis-setturi ta' l-enerġija u l-industrija permezz ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti ħalli b’hekk jinħoloq nuqqas, u suq li jiffunzjona ikun jista’ jiżviluppa iktar tard u hekk l-emissjonijiet kumplessivi jkunu mnaqqsa verament.

Kull Stat Membru kellu jlesti u jippubblika Pjan ta’ Allokazzjoni sa l-31 ta’ Marzu 2004 (l-1 ta’ Mejju 2004 għall-10 Stati Membri l-ġodda).

4)Fuq liema kriterji l-Kummissjoni tivvaluta l-pjanijiet ta’ allokazzjoni u kemm għandha żmien biex tagħmel dan?

Il-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' allokazzjoni hi msejsa fuq il-11-il kriterju komuni fl-Anness III tad-Direttiva dwar l-Iskambji ta' Kwoti ta' Emissjonijiet. Il-kriterju 1 jistipula li l-kwantità totali ta’ kwoti proposta għandha tkun konformi ma’ l-għanijiet ta’ Kyoto ta' l-Istat Membru. Dan ifisser li Stat Membru għandu jassigura li l-allokazzjonijiet ta’ kwoti li jagħti lill-impjanti tiegħu iħalluh jilħaq l-għanijiet tiegħu ta’ Kyoto.

Ovvjament, l-Istat Membru jista’, u għandu, jieħu miżuri oħra. Hemm setturi oħra li jipproduċu emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra: fl-UE, it-trasport huwa responsabbli għal 21% ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra fl-UE, id-djar residenzjali u n-negozji ż-żgħar għal 17% u l-agrikoltura għal 10%. Għalhekk, Stati Membri jistgħu, u għandhom, jieħdu miżuri sabiex inaqqsu l-emissjonijiet f’dawn is-setturi. Barra minn hekk, Stati Membri jistgħu jippjanaw sabiex jixtru kreditu permezz taż-żewġ mekkaniżmi flessibbli bbażati fuq il-proġetti u previsti mill-protokoll ta’ Kyoto: il-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif (CDM) u l-Implimentazzjoni Konġunta (JI), kif ukoll permezz ta’ l-iskambju internazzjonali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet taħt il-Protokoll ta’ Kyoto. Il-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif u l-Implimentazzjoni Konġunta jippermettu l-gvernijiet li jimplimentaw proġetti għat-tnaqqis ta' emissjonijiet barra minn pajjiżhom u li t-tnaqqis li jseħħ jingħadd bħala kontribut lejn it-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ Kyoto tagħhom. Proġetti ta’ Implimentazzjoni Konġunta jistgħu jsiru f’pajjiżi industrijalizzati oħra li għandhom għanijiet x’jintlaħqu taħt Kyoto, filwaqt li proġetti tal-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif jistgħu jitmexxew minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li taħt il-Protokoll m’għandhomx għanijiet x’jilħqu.

Dawn il-miżuri kollha u r-riżultati previsti tagħhom għandhom jissemmew fil-Pjanijiet ta’ Allokazzjoni. Skond il-kriterju 1, il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-livelli ta’ emissjonijiet ta' l-industriji li jieħdu sehem fl-Iskambji tal-Kwoti ta’ Emissjonijiet, flimkien ma’ dawn il-miżuri oħra, jippermettux li l-Istat Membru jilħaq l-għanijiet ta’ Kyoto tiegħu. Minħabba li l-effett kombinat tal-politika u tal-miżuri differenti biss jippermetti l-Istati Membri li jilħqu l-għanijiet tagħhom, id-Direttiva ssemmi it-“triq" lejn Kyoto. Numru ta’ kriterji oħra jitolbu wkoll li Stati Membri jivvalutaw żviluppi dwar emissjonijiet u l-possibilitajiet ta’ tnaqqis fis-setturi kollha.

Barra minn hekk, hemm kriterji li jfittxu li jiggarantixxu n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn il-kumpaniji u bejn is-setturi differenti, kif ukoll il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u ta’ l-għajnuna mill-istat ta’ l-UE. Kriterji oħra huma marbuta ma’ dispożizzjonijiet dwar membri ġodda, mal-possibilità li jitqiesu inizjattivi ta’ tnaqqis magħmula qabel, u mat-teknoloġija nadifa.

Il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-kriterji ta' allokazzjoni fil-bidu ta’ Jannar 2004. Jekk il-Kummissjoni ssib li pjan mhuwiex konformi mal-kriterji u mat-Trattat ta’ l-UE hi tista’ ma taċċettax parti minnhu jew kollu kemm hu. Jekk il-Kummissjoni taċċetta kull aspett tal-pjan tiegħu, l-Istat Membru jista' jissokta bl-allokazzjoni definittiva tal-kwoti. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tittieħed fi żmien tliet xhur mid-data li Stat Membru jgħarraf lill-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Allokazzjoni.

5) Dan ifisser li Stat Membru ma jistax joħroġ kwoti ta' allokazzjoni kemm irid?

Iva. Il-kwantità ta’ allokazzjonijiet li jista’ joħroġ Stat Membru hi mmexxija mill-11-il kriterju. Id-Direttiva ma ssemmix espliċitament numru ddeterminat ta' kwoti, iżda kull Stat Membru għandu jirrispetta l-kriterji.

Dan ifisser li, fil-prattika, l-libertà tagħhom hi llimitata. Jekk Stat Membru jkun ġeneruż iżżejjed fil-ħruġ tal-kwoti, mhux biss il-pjan jista’ ma jkunx konformi mal-kriterji ta' allokazzjoni, iżda l-Istat Membru jista’ wkoll jitlef l-opportunità li juża l-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet bħala għodda li tgħinu jkun konformi ma’ Kyoto. U fil-każ li jinħarġu wisq kwoti, ma jkunx hemm nuqqas u għalhekk ma jinħoloqx suq.

6) Kemm-il pjan ivvalutat il-Kummissjoni s'issa?

Nhar is-7 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni kkonkludiet il-valutazzjoni ta’ l-ewwel sett ta' tmien pjanijiet. Ħames pjanijiet aċċettathom mingħajr l-ebda riserva (id-Danimarka, l-Irlanda, l-Olanda, is-Slovenja u l-Iżvezja) filwaqt li t-tlieta l-oħra kienu parzjalment irrifjutati – dawk ta’ l-Awstrija, il-Ġermanja u r-Renju Unit.

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni kkonkludiet il-valutazzjoni tat-tieni sett ta' tmien pjanijiet. Sitt pjanijiet aċċettathom bla riservi (il-Belġju, l-Estonja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Portugall u r-Repubblika Slovakka) u approvat bir-riservi t-tnejn l-oħra - dawk tal-Finlandja u ta' Franza.

Lejn l-aħħar ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni kkonkludiet il-valutazzjoni tat-tielet sett ta’ ħames pjanijiet. Aċċettat erba’ pjanijiet mingħajr riservi (Ċipru, il-Litwanja, Malta u l-Ungerija), u approvat bir-riservi l-pjan Spanjol.

Fitt-8 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni approvat il-Pjan Pollakk bir-riservi, u fit-12 ta’ April, hija aċċettat bir-riservi l-pjan tar-Repubblika Ċeka. Fil-25 ta’ Mejju 2005, il-Pjan Taljan ġie aċċettat bir-riservi. Dan iwassal in-numru ta’ pjanijiet ivvalutati għal 24.

F’kull każ ta’ approvazzjoni bir-riservi, il-Kummissjoni indikat il-miżuri li l-Istati Membri jeħtiġilhom jieħdu sabiex il-pjan ikun jista’ jiġi aċċettat bis-sħiħ.

7) Għal liema raġunijiet il-Kummissjoni talbet tibdil fil-pjanijiet?

Il-Kummissjoni identifikat problemi fi tliet oqsma ta' importanza ġenerali:

  • jekk l-allokazzjoni magħżula minn Stat Membru għall-perjodu ta' skambju 2005-2007 thedded il-kisba ta' l-għanijiet Kyoto tiegħu (allokazzjoni eċċessiva ta’ kwoti)
  • jekk il-volum ta’ kwoti għall-perjodu ta' skambju 2005-2007 huwa inkonsistenti mal-valutazzjoni tal-progress lejn l-għan ta’ Kyoto, i.e. l-allokazzjoni hija iżjed mill-emissjonijiet proġettati
  • jekk Stat Membru bi ħsiebu jagħmel l’hekk imsejħa “aġġustamenti ex-post” lill-allokazzjonijiet. Dan ifisser li Stat Membru jippjana li, wara li ssir l-allokazzjoni, jagħmel interventi fis-suq u jerġa’ jqassam l-allokazzjonijiet maħruġa fost il-kumpaniji li qed jipparteċipaw matul il-perjodu ta' skambju 2005-2007.

Allokazzjoni eċċessiva tista’ tiġri minħabba ħafna kawżi:

L-ewwelnett, fejn Stat Membru ma jispeċifikax kif jiġi rrispettat l-għan ta' Kyoto fl-2008-2012, billi jħalli lakuna sabiex tingħalaq b’miżuri li jkunu stabbiliti wara.

It-tieninett, fejn Stat Membru jistqarr li għandu l-ħsieb jixtri kreditu ta' Kyoto iżda ma jurix ir-rieda li jwettaq dan ix-xiri permezz ta’ passi kredibbli u affidabbli.

It-tieletnett, fejn Stat Membru jsejjes il-pjan tiegħu fuq previżjonijiet (li jinkludu rati tat-tkabbir ekonomiku u rati taż-żieda fl-emissjonijiet) li huma inkonsistenti u eżaġerati meta mqabbla ma’ previżjonijiet ta’ tkabbir uffiċjali ta’ l-Istat Membru nnifsu jew ta’ sorsi oħra imparzjali.

Aġġustamenti ex-post huma inkompatibbli mal-qafas legali u jfissru interventi li jħarbtu s-suq u jrawmu l-inċertezza għall-kumpaniji. Per eżempju, jekk kumpanija tara l-possibilità li l-gvern jeħdilha xi kwoti wara li din tkun naqqset l-emissjonijiet, toqgħod lura milli tagħmel hekk. U jekk il-kumpaniji jaħsbu li jistgħu jaqilgħu iżjed kwoti b'xejn mill-gvernijiet, dawn jagħżlu din-ir-rotta minflok jixtru l-kwoti mis-suq.

8) X’jiġri jekk il-Kummissjoni tirrifjuta pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti?Meta pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ma jkunx aċċettat ifisser li Stat Membru ma jistax jimplimenta l-pjan kif inhu, i,e, ma jistax jalloka n-numru ta’ kwoti propost. Il-Kummissjoni għandha tagħti raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut. Dawn ir-raġunijiet imexxu lill-Istat Membru dwar kif jista’ jagħmel il-pjan kompatibbli mal-kriterji ta' allokazzjonijiet ta’ kwoti.

Jekk l-Istati Membri li l-pjanijiet tagħhom kienu parzjalment irrifjutati jwettqu t-tibdil propost, dawn ma jkollhomx għalfejn iressqu l-pjanijiet tagħhom lill-Kummissjoni għat-tieni darba imma jikkwalifikaw awtomatikament għal skambji ta’ kwoti ta' emissjonijiet.

9) Jista’ Stat Membru jibdel il-pjan wara li jkun approvat mill-Kummissjoni?

Wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, Stat Membru għandu jissokta bid-deċiżjoni finali fuq livell nazzjonali dwar l-allokazzjoni ta' kwoti. Qabel jagħmel dan, huwa jista' jagħmel xi tibdiliet lin-numru ta’ kwoti għal impjanti individwali fuq il-bażi ta’ data iktar preċiża, e.ż. jekk biex tinħadem il-formola ta’ allokazzjoni fuq livell ta’ impjant kienet użata data dwar emissjonijiet storika. Stat Membru, madankollu, ma jistax, fl-ebda ċirkostanza, iżid in-numru totali tal-kwoti li bi ħsiebu jqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni.

Hekk kif id-deċiżjoni aħħarija ta’ l-allokazzjonijiet ta’ kwoti tkun ittieħdet u l-pjan aħħari jkun ippubblikat, ma jistgħux isiru iżjed tibdiliet lin-numru ta’ kwoti totali jew għal kull impjant. Id-deċiżjoni aħħarija dwar l-allokazzjoni tagħlaq il-proċess ta' allokazzjoni u tiftaħ formalment is-suq tal-kwoti fl-Istat Membru.

10) L-Istati Membri jistgħu jagħmlu interventi fil-pjanijiet ta' xulxin?

Filwaqt li l-Kummissjoni biss għandha r-responsabbiltà li tivvaluta l-pjanijiet, id-Direttiva tipprovdi li l-Kumitat dwar il-Bidla Klimatika, li hu magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, iqis kull pjan. Dan il-Kumitat huwa forum fejn kull pjan jiġi diskuss. Il-Kummissjoni, bħala President tal-Kumitat, issegwi din id-diskussjoni u tikkunsidra l-konklużjonijiet fil-valutazzjonijiet tagħha.

Bħala punt ġenerali, il-Kumitat dwar il-Bidla Klimatika saħaq fuq l-importanza tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Allokazzjonijiet ta' Kwoti sabiex jassiguraw il-ħidma u l-effettività ta’ l-Iskema ta’ Skambju ta’ Kwoti ta' Emissjonijiet ta’ l-UE u sabiex iżommu u jsaħħu t-tmexxija u l-kredibbiltà ta’ l-UE fuq livell internazzjonali f’dak li għandu x'jaqsam mal-bidla klimatika.

11) X'inhi s-sitwazzjoni taż-żewġ pjanijiet li baqa’?

Il-valutazzjoni tal-pjan Grieg se titlesta u Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan hija imminenti.

Huwa fl-interess ta' l-Istati Membri kollha li jkollhom pjan approvat. Li Stat Membru ma jkollux Pjan Nazzjonali ta' Allokazzjoni ta' Kwoti aċċettat mill-Kummissjoni jfisser dewmien għall-industrija qabel ma din tkun tista’ tidħol fis-suq Komunitarju ta’ skambju ta’ kwoti, anki jekk l-għanijiet tal-Protokoll ta' Kyoto u tal-ftehim ta’ qsim tal-piżijiet għad ikunu jridu jintlaħqu.

Barra minn hekk, kumpaniji koperti mill-Iskema ta' Skambi ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ġew meħtieġa jniżżlu u jirrappurtaw l-emissjonijiet tagħhom ta’ CO2 minn Jannar 2005. Għandhom ukoll iressqu għall-ewwel darba f'April 2006 numru biżżejjed ta' kwoti sabiex ikopru l-emissjonijiet matul l-2005. Jekk kumpanija ma tressaqx kwoti – jew ma tressaqx biżżejjed – multa ta’ €40 għal kull kwota li ma tressqitx tiġi imposta mill-Istat Membru.

12) Kemm huma l-impjanti koperti?

L-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet tkopri total ta’ ’l fuq minn 12,000 impjant fl-UE25 (impjanti ta’ kombustjoni, raffineriji taż-żejt, fran tal-kokk, impjanti tal-ħadid u l-azzar, u fabbriki li jagħmlu s-siment, il-ħġieġ, il-briks, il-ġir, iċ-ċeramika, l-polpa u l-karta).

Fi Stati Membri kbar, madwar 1,000 sa 2,500 impjant huma koperti, filwaqt li f’ħafna mill-Istati Membri ż-żgħar in-numru ta’ impjanti koperti ġeneralment ivarja bejn 50 u 400.

In-numru ta’ kumpaniji milquta mid-Direttiva hu ovvjament iżgħar minħabba li kumpaniji kbar għandhom ħafna impjanti koperti mill-Iskema ta’ Skambji.

13) X’inhuma r-rwoli tal-kumpaniji parteċipanti, ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni meta l-Iskema tkun bdiet?

Mill-1 ta’ Jannar 2005 l-kumpaniji ġew meħtieġa jissorveljaw l-emissjonijiet tagħhom. Fl-aħħar ta’ kull sena, għandhom iressqu rapport dwar l-emissjonijiet annwali li jkun ivverifikat minn parti terza (bħalma awditur jivverifika l-kontijiet finanzjarji ta’ kumpanija). Fl-istess ħin, dawn għandhom jassiguraw li għandhom fil-pussess tagħhom numru biżżejjed ta' kwoti ta’ emissjonijiet sabiex iċeduhom sena sena (l-ewwel data ta’ meta għandhom iċedu l-kwoti hi l-aħħar ta’ April) ħalli ma jeħlux sanzjonijiet finanzjarji.

Stati Membri għandhom joħorġu kwoti ta’ emissjonijiet sa l-aħħar ta' Frar kull sena skond id-deċiżjonijiet aħħarija ta’ allokazzjoni, imexxu r-reġistru nazzjonali, jiġbru data vverifikata dwar emissjonijiet u jassiguraw li numru biżżejjed ta' kwoti jiġi ċedut mill-kumpaniji kull sena. Kull Stat Membru għandu wkoll iressaq rapport annwali perjodiku lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tmexxi l-uffiċċju ċentralizzat tas-sistema ta’ reġistrar, u se tlesti rapport annwali fuq il-bażi tar-rapporti ta’ l-Istati Membri. Il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib ir-rendiment ta’, u teżamina mill-qrib l-esperjenza bi, l-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ l-UE. Skond id-Direttiva, il-Kummissjoni se tressaq rapport lill-Kunsill u l-Parlament sat-30 ta’ Ġunju 2006. Fit-tħejjija ta' dan ir-rapport il-Kummissjoni titlob input mill-partijiet interessati.

14) Kemm se jiswa t-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ Kyoto? L-iskema ta’ Skambji ta' Kwoti ta’ Emissjonijiet se thedded il-kompetittività ta’ l-Ewropa?

Dan jiddependi mis-sett ta' miżuri magħżula. Wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Programm Ewropew tal-Bidla Klimatika kien konsistentement li sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' Kyoto, għandhom jiġu identifikati l-iktar miżuri li jagħtu benefiċċju a paragun tal-flus li jintefqu. Studji riċenti tal-Kummissjoni jikkonkludu li l-għanijiet jistgħu jintlaħqu bi spiża annwali ta €2.9 sa €3.7, li hija inqas minn 0.1% tal-Prodott Gross Domestiku fl-UE. Wieħed minn dawn l-istudji jikkonkludi li mingħajr l-Iskema ta’ l-Iskambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet, l-ispejjeż jistgħu jilħqu € 6.8 billion. Għalhekk, minħabba l-Iskambji ta' kwoti ta’ emissjonijiet jitnaqqsu iżjed l-ispejjeż ta’ Kyoto.

Kif dawn l-ispejjeż huma mqassma jiddependi mid-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-pjanijiet ta’ allokazzjoni u fuq miżuri oħra adottati sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet mhux koperti mill-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet. L-iskema m’għandhiex thedded, iżda tħares, il-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea għaliex kull miżura alternattiva tkun tfisser iktar spejjeż milli hemm bżonn għan-negozji ta’ l-UE. L-implimentazzjoni ta’ Kyoto, madankollu, ma tfissirx biss opportunitajiet ekonomiċi ġodda iżda tfisser ukoll spejjeż għan-negozji ta’ l-UE. Dan ma jistax jiġi evitat – ma jistax ikollna xi ħaġa (i.e. konformità ma’ Kyoto) b’xejn. L-Ewropa tkun qed tieħu l-aħjar valur għal flusha bl-Iskema ta' Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet. Jekk il-gvernijiet ma jużawx l-Iskema ta’ Skambji sabiex tgħinhom ikunu konformi ma' Kyoto, miżuri li jiswew iktar ikollhom jiġu applikati fuq setturi oħra. L-ispejjeż għandhom jintwerew f’relazzjoni ma’ l-opportunitajiet ġodda għall-fornituri ta’ teknoloġiji nodfa b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju fl-Ewropa u lil hinn, u l-vantaġġi għaż-żmien mezzan għall-industrija Ewropea fit-tranżizzjoni lejn ekonomija globali b’emissjoni baxxa ta’ karbonju.

Id-Direttiva magħrufa bħala l-"Linking Directive"[2] se tnaqqas iktar l-ispejjeż u tħares il-kompetittività tan-negozji ta’ l-UE. Kif jimplika isimha, il-Linking Directive se toħloq ħolqa bejn il-Mekkaniżmi Flessibbli tal-Protokoll ta' Kyoto – l-Implimentazzjoni Konġunta (JI) u l-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif (CDM) – u l-Iskema ta' Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ l-UE (ara l-mistoqsija 4).

Bħala prinċipju, kumpaniji li jwettqu proġetti ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet barra mill-UE permezz ta’ JI jew CDM jistgħu jibdlu l-kreditu li jiksbu minn dawn il-proġetti fi kwoti li jkunu jistgħu jintużaw għall-konformità taħt l-Iskema ta’ Skambji ta' Kwoti ta’ Emissjonijiet ta' l-UE. Il-Linking Directive għalhekk se tnaqqas iktar l-ispejjeż lill-industrija ta’ l-UE billi toffri iżjed għażla fit-twettiq tal-ħtiġijiet ta’ l-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet.

15) L-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet iwasslu għal prezzijiet ogħla ta’ l-elettriku?

Huwa importanti li niddistingwu bejn l-għan u l-istrument f'din id-diskussjoni. Bidliet fil-prezzijiet ta’ l-elettriku ma jkunux b’konsegwenza ta’ l-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet iżda ta’ l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Kyoto. Il-Protokoll ta’ Kyoto qiegħed limitu fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra permessi, li jfisser li l-ekonomija ta’ l-UE qiegħda ssir ekonomija b’limitazzjonijiet fuq l-emissjonijiet tal-karbonju. Din il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet tal-karbonju tagħti valur lill-kwoti ta’ emissjoni u twassal għal tibdil fl-ekonomija ta' l-UE. Prodotti li fihom iżjed karbonju jkunu jiswew relattivament iktar minn prodotti li fihom inqas karbonju.

Minħabba li l-iskema ta’ skambji hija l-metodu ta’ implimentazzjoni ta’ Kyoto li jiswa l-inqas, kull tibdil fi prezzijiet ikun l-inqas li hemm bżonn. Tressqu ħafna studji dwar kif jistgħu jiżviluppaw il-prezzijiet ta’ l-enerġija elettrika u hemm firxa wiesgħa ta’ stimi disponibbli.

Deċiżjonijiet dwar prezzijiet fis-suq ta’ l-elettriku liberalizzat huma dejjem iżjed kumplessi u diffiċli li tbassarhom. Hemm ħafna fatturi li jaffettwaw direttament il-prezz ta’ l-elettriku u l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet huwa biss wieħed minnhom. Hemm aspetti strutturali bħalma huma l-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-enerġija u varjazzjonijiet fis-suq ta’ l-enerġija intern li għandhom effetti mifruxa. Il-Kummissjoni se tissorvelja sewwa l-iżvilupp tal-prezzijiet ta’ l-enerġija elettrika u l-aspetti l-oħra kollha marbuta ma’ l-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet.

16) Kif se jibbenefikaw il-kumpaniji mill-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet?

Ejja ngħidu li l-kumpaniji A u B it-tnejn jarmu 100,000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena. Il-gvern jagħti lil kull wieħed minnhom 95,000 kwota ta’ emissjonijiet. Kwota ta’ emissjonijiet tfisser id-dritt li wieħed jarmi tunnellata ta’ CO2. B’hekk l-ebda kumpanija ma tista tkopri l-emissjonijiet kollha tagħha. F’għeluq kull sena, il-kumpaniji jkollhom iċedu numru ta' kwoti li jikkorrispondi ma’ l-emissjonijiet tagħhom matul is-sena, ikunu x'ikunu l-emissjonijiet tal-kumpaniji individwali. Il-kumpaniji A u B għandhom ikopru 5,000 tunnellata ta’ CO2 u għandhom żewġ metodi kif jagħmlu dan. Jistgħu inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'5,000 tunnellata, jew jixtru 5,000 kwota ta’ emissjonijiet mis-suq. Sabiex jiddeċiedu dwar liema għażla se jagħmlu, dawn iqabblu l-ispejjeż tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet b’5,000 tunnellata ma’ l-prezz tas-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet.

Biex inkomplu bl-eżempju, ejja ngħidu li l-prezz tas-suq tal-kwoti hu ta’ € 10 għal kull tunnellata ta’ CO2. L-ispejjeż tat-tnaqqis għall-Kumpanija A huma ta’ € 5 (i.e. inqas mill-prezz tas-suq). Il-Kumpanija A se tnaqqas l-emissjonijiet tagħha għaliex jiswieha inqas milli jekk tixtri l-kwoti ta’ emissjonijiet. Il-Kumpanija A tista’ anki tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'iktar minn 5,000 tunnellata, ngħidu aħna 10,000 tunnellata. Għall-Kumpanija B, is-sitwazzjoni tista’ tkun l-oppost: l-ispejjeż ta' tnaqqis huma ta’ € 15 (i.e. iżjed għoljin mill-prezz tas-suq) għalhekk din tippreferi tixtri kwoti ta’ emissjonijiet milli tnaqqas l-emissjonijiet.

Il-Kumpanija A tonfoq € 50,000 biex tnaqqas 10,000 tunnellata bi spiża ta' € 5 kull tunnellata u taqla’ € 50,000 mill-bejgħ ta’ 5,000 tunnellata bil-prezz ta’ € 10. Għalhekk il-Kumpanija A tegħleb għal kollox l-ispejjeż tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tagħha billi tbigħ il-kwoti ta’ emissjonijiet, filwaqt li mingħajr l-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet kien ikollha spiża netta ta’ € 25,000. Il-Kumpanija B tonfoq € 50,000 fuq il-bejgħ ta’ 5,000 tunnellata bil-prezz ta’ € 10. Mingħajr il-flessibilità li tipprovdi l-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet, il-Kumpanija B kien ikollha tonfoq € 75,000.

Minħabba li kumpanija li għandha spejjeż ta’ tnaqqis baxxi u li għalhekk tkun għażlet li tnaqqas l-emissjonijiet, bħall-Kumpanija A, biss tkun tista’ tbigħ, il-kwoti ta’ emissjonijiet li l-Kumpanija B tixtri ifissru tnaqqis ta' emissjonijiet, anki jekk il-Kumpanija B innifisha ma naqqsitx l-emissjonijiet.
Dan hu importanti li wieħed jiftakru. Dan jassigura li t-tnaqqis li jiswa l-inqas isir l-ewwel. Minħabba li l-iskema hi mifruxa ma’ l-UE kollha, kumpaniji se jfittxu t-tnaqqis li jiswa l-inqas fl-UE kollha u jassiguraw li dawn isiru l-ewwel. Hija din il-flessibità fis-sistema li tagħmel l-iskambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet l-iktar mod effettiv f’termini ta’ flus sabiex jintlaħaq għan ambjentali ddeterminat. L-ispiża kumplessiva għall-industrija kienet tkun ogħla jekk il-Kumpanija B kellha tnaqqas l-emissjonijiet fl-impjant tagħha bi spiża ogħla.

17) Kif se taħdem fil-prattika l-Iskema ta’ Skambji ta’ Kwoti?

Il-qafas legali ta’ l-iskema ta’ skambji ma tirregolax kif u meta l-iskambju tal-kwoti jseħħ. Kumpaniji b’impennji ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet jistgħu ipartu l-kwoti ta’ emissjonijiet direttament ma’ xulxin, jew jistgħu ibigħu jew jixtru permezz ta’ sensar, bank jew intermedjarju ieħor tas-suq tal-kwoti.

Jista’ jkun ukoll il-każ li kumpanija li tixtri xi fossil fuel (faħam jew gass) tkun offruta kwoti ta’ emissjonijiet f’kombinazzjoni mal-fuel. Fl-aħħarnett, swieq organizzati (boroż ta’ skambju ta’ kwoti) jistgħu jiżviluppaw.

Hemm ukoll sistema ta’ reġistrar elettronika li tirreġistra s-sidien tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet kif dawn jinbidlu fis-suq. Din is-sistema hi separata mill-attività ta’ l-iskambji – mhux l-iskambji kollha jirriżultaw fi bdil tas-sid tal-kwoti ta’ emissjonijiet, iżda fejn skambju jfisser bdil tal-proprjetarju, ikun hemm trasferiment tal-kwoti bejn il-kontijiet fis-sistema ta’ reġistrar. B’dan il-mod, is-sistema ta' reġistrar tkun tixbaħ is-sistema fil-banek li tissorvelja lil minn għandu l-pussess tal-flus fil-kontijiet iżda ma tissorveljax it-transazzjonijiet li jsiru fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, li huma r-raġuni ta’ għalfejn inbidel sid il-flus. Għalhekk is-sistema ta’ reġistrar mhijiex suq u l-mod kif isiru l-iskambji tal-kwoti ta’ emissjonijiet huwa deċiżjoni magħmula mill-parteċipanti fis-suq.

Is-sistema hija għal kollox elettronika u għalhekk il-kwoti mhumiex stampati fuq karti imma jeżistu biss f’kont tar-reġistru fl-internet. Kull kumpanija b’impenn ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet u kull persuna interessata li tbigħ jew tixtri l-kwoti teħtieġ ikollha kont. Is-sistema hi magħmula minn komponent nazzjonali f’kull Stat Membru fejn il-kwoti jkunu miżmuma u minn uffiċċju ċentrali fuq livell Ewropew li jagħmel kontrolli awtomatiċi fuq kull trasferiment ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sabiex jassigura li r-regoli tad-Direttiva jiġu rispettati.

Partijiet mid-data miżmuma fir-reġistru jkunu maħruġa perjodikament skond ir-regoli tan-Nazzjonijiet Uniti u r-Regolament dwar ir-Reġistri Elettroniċi[3]. Se jitfittex li jkun hemm bilanċ bejn it-trasparenza ambjentali u l-kunfidenzajlità kummerċjali.

Ara wkoll:

Il-websajt ta’ l-iskambji ta’ l-emissjonijiet tad-DG Ambjent:

http://ec.europa.eu/environment/climat/emission.htm

Il-Pjanijet ta’ Allokazzjoni Nazzjonali:

http://ec.europa.eu/environment/climat/emission_plans.htm

Il-Logg Komunitarju tat-Tranżazzjonijiet:

http://ec.europa.eu/environment/ets/


[1] Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra fi ħdan il-Komunità.

[2] Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE

[3] Regolament tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2004 dwar sistema standardizzata u sigura tar-reġistri skond id-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 280/2004/KE.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site