Sélecteur de langues
Chemin de navigation
MEMO/05/248
Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2005
1 Xi problemi hemm rigward l-iskart elettriku u
elettroniku?
L-iskart elettriku u elettroniku joriġina minn firxa
enormi ta' prodotti. Jinkludi tagħmir tad-dar, kbir u żgħir,
apparat ta' l-informatika u t-telekomunikazzjoni, dwal u prodotti tal-konsum
bħal radjijiet, televixins u sistemi tal-hi-fi. Dawn il-prodotti
magħmulin minn materjali u komponenti varji, li xi wħud minnhom huma
perikolużi. Huwa għalhekk li l-iskart elettriku u elettroniku, jekk ma
jiġix ipproċessat kif suppost, jista' jkun il-kaġun ta' problemi
ambjentali fil-fażi tal-ġestjoni ta' l-iskart, partikolarment fir-rimi
fil-miżbliet immaniġġati u fil-ħruq fl-inċineraturi.
Fil-fatt, kull biċċa tagħmir elettriku u elettroniku
tikkonsisti f'ħafna komponenti bażiċi, bħal circuit
boards/assemblies, kejbils u wajers, plastika li fiha sustanzi li jinibixxu
l-ħruq, swiċċijiet tal-merkurju, apparat viżiv
bħat-tubi tat-televixins u liquid crystal displays, akkumulaturi u
batteriji, tagħmir għall-ġenerazzjoni tad-dawl,
kapaċitaturi, eċċ.
F'dawn il-komponenti hemm sustanzi li jqajmu l-problemi ambjentali, fosthom il-metalli t-tqal (il-merkurju, iċ-ċomb, il-kadmju u l-kromju) u sustanzi aloġenizzati (CFCs, PCBs, PVCs u inibituri bbrominati tal-ħruq). Ħafna minn dawn is-sustanzi jistgħu jkunu tossiċi, u meta jinħelsu fl-ambjent jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem. Pereżempju, iċ-ċomb jista' jagħmel ħsara fis-sistema nervuża u jaffettwa ħażin is-sistema kardjovaskulari u l-kliewi. Il-kadmju wkoll jaffettwa l-funzjonament tal-kliewi, u jista' jikkawża ħsarat fil-moħħ.
Sa llum, aktar minn 90% ta' l-iskart elettriku u elettroniku jiġi mormi fil-miżbliet, maħruq jew irkuprat mingħajr ma jkun għadda mill-ebda pproċessar, li jfisser li s-sustanzi ta' ħsara jistgħu jiġu lliberati fl-ambjent u jniġġsu l-arja, l-ilma u l-ħamrija.
Tagħrif ta' importanza ewlenija li nġabar mill-1998 'il quddiem dwar l-iskart elettriku u elettroniku (WEEE) wera li kull abitant joħloq 14-il kg ta' skart kull sena – b'kollox, madwar 6 miljun tunnellata fis-sena (4% tal-volum ta' l-iskart muniċipali). Ġie stmat li l-WEEE qed jikber bi 3-5% kull sena, li jfisser li dan huwa t-tip ta' skart li qed jiżdided bl-iktar ħeffa, b'rata li hija tliet darbiet aktar mgħaġġla mill-medju. Illum, kull ċittadin probabbli jiġġenera bejn is-17-il u l-20 kg kull sena.
2) X'inhi tagħmel l-UE dwar l-iskart elettriku u elettroniku?
L-UE adottat żewġ Direttivi li jaffrontaw il-problemi ta' l-iskart elettriku u elettroniku.
Id-Direttiva dwar it-tagħmir elettriku u elettroniku mormi (id-Direttiva WEEE)[1] għandha l-għan li tipprevjeni t-tkattir ta' l-iskart elettriku u elettroniku u li tippromwovi l-użu mill-ġdid, ir-reċiklaġġ u forom oħra ta' rkupru sabiex titnaqqas il-kwantità ta' dan it-tip ta' skart li jkollha tiġi eliminata permezz tar-rimi fil-miżbliet immaniġġjati jew ta' l-inċinerazzjoni.
Għaldaqstant tesiġi l-ġbir, l-irkupru u l-użu mill-ġdid/ir-riċiklaġġ tat-tagħmir elettriku u elettroniku mormi. Fejn dan ikun f'loku, il-prijorità għandha tingħata lill-użu mill-ġdid tat-tagħmir sħiħ.
Id-Direttiva dwar ir-restrizzjoni ta' l-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva RoHS)għandha l-għan li, meta l-alternattivi jkunu disonibbli, tissostitwixxi ċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, bifenili polibrominati (PBBs), eteri difenili polibrominati (PBDE) fit-tagħmir elettriku u elettroniku, sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru tajjeb u jiġu evitati l-problemi fil-fażi tal-ġestjoni ta' l-iskart. (Hemm ukoll liġijiet oħra ta' l-UE li jitrattaw is-CFCs, il-PCBs u l-PVCs.)
3) X'inhuma d-dispożizzjonijiet u l-iskadenzi ewlenin taħt id-Direttiva WEEE?
Id-Direttivi daħlu fis-seħ fit-13 ta’ Frar 2003, u l-Istati Membri kellhom jittrasponuhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fi żmien sena u nofs sat-13 ta’ Awwissu 2004.
2005: L-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu u
jżommu reġistri ta' produtturi u, kull sentejn, jgħarrfu
lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet tal-prodotti li jkunu ġew
imqiegħda fis-suq, miġbura, irkuprati, użati mill-ġdid u
rriċiklati. Kull tliet snin, l-Istati Membri jridu jibagħtu rapport
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.
It-13 ta' Awissu 2005:
Sa din id-data, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li s-sistemi
ta' ġbir ikunu ġew stabbiliti, u li l-produtturi tat-tagħmir
elettriku u elettroniku jagħmlu proviżjoni għall-ġbir,
it-trattament, l-irkupru u r-rimi bla dannu ambjentali tiegħu. Il-ġbir
ifisser li l-konsumaturi jkunu jistgħu jroddu t-tagħmir elettriku u
elettroniku qadim tagħhom fuq bażi 1:1 meta jixtru prodott ġdid.
Barra minn hekk, ikun hemm postijiet oħra ta' ġbir li fihom
id-distributuri u kull min ikollu skart elettriku u elettroniku jkunu
jistgħu iħalluh bla ħlas. It-twaqqif ta' postijiet tal-ġbir
bħal dawn ikun irid iqis l-aċċessibbiltà tas-sit u
d-densità tal-popolazzjoni.
Il-prodotti kollha fis-suq wara t-13 ta' Awissu 2005 jeħtiġilhom ikollhom fuqhom il-marka ta' landa taż-żibel maqtugħa b'salib, ħalli l-konsumaturi jkunu jafu li ma jkunux jistgħu jaqbdu u jarmu dawn il-prodotti.
Is-sistemi ta' finanzjament jiżguraw il-ġbir, t-trattament, l-irkupru u l-eliminazzoni ta' l-iskart elettriku u elettroniku. Wara t-13 ta' Awissu, meta l-produtturi jqiegħdu fis-suq prodott ġdid, ikunu jridu jipprovdu garanzija finanzjarja (pereżempju, polza ta' l-assikurazzjoni, flus f'kont ibblukkat, jew parteċipazzjoni fi skema kollettiva) li tkopri dawn l-ispejjeż. Dan għandu jipprevjeni milli jkun hemm "prodotti orfni", jiġifieri tagħmir elettriku u elettroniku qadim li l-produtturi tiegħu ma għadhomx jeżistu, u li ma jkun hemm ħadd li jieħu ħsiebhom.
F'dak li għandu x'jaqsam ma' skart elettriku u elettroniku "storiku", jiġifieri li jkun tqiegħed fis-suq qabel it-13 ta' Awissu 2005, il-produtturi jkunu obbligati jidħlu fi skema kollettiva. L-iffinanzjar kollettiv jista' jieħu l-forma ta' imposta fissa jew ta' ħlas addizzjonali fuq it-tagħmir il-ġdid.
Il-31 ta' Diċembru 2006: Sa din id-data, l-Istati Membri jiżguraw rata ta' ġbir separat ta' 4kg kull abitant kull sena. Il-produtturi jeħtiġilhom jilħqu diversi miri ta' rkupu u riċiklaġġ/użu mill-ġdid għall-iskart elettriku u elettroniku li jintbagħat għat-trattament, b'kalkolu bbażat fuq il-piż medju tat-tagħmir ikkonċernat. Il-prijorità għandha tingħata lit-tiswija tat-tagħmir, bil-għan li jkun jista' jerġa jintuża. Meta dan ma jkunx possibbli, id-Direttiva WEEE tistabbilixxi miri għall-użu mill-ġdid ta' kompnenti, u għar-riċiklaġġ u l-irkupru tal-materjali li t-tagħmir ikun fih.
Pereżempju, ir-rata ta' rkupru għal tagħmir domestiku kbir, bħall-friġġijiet u l-microwaves, hija minimu ta' 80%, u r-rata ta' l-użu mill-ġdid/riċiklaġġ tal-komponenti, materjali u sustanzi tagħhom hija ta' 75%. Ir-rata ta' l-irkupru għal tagħmir domestiku żgħir, dwal, għodod elettriċi u elettroniċi, tagħmir sportiv u tad-divertiment, u tagħmir tal-monitoraġġ u l-kontroll, huwa ta' 70%, u r-rata ta' l-użu mill-ġdid/riċiklaġġ tal-komponenti, materjali u sustanzi tagħhom hija ta' 50%. Miri differenti għall-irkupru u l-użu mill-ġdid/riċiklaġġ huma stabbiliti skond il-kategorija.
L-Istati Membri l-ġodda: L-għaxar Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-1 ta' Mejju 2004 ingħataw estensjoni ta' 24 xahar għal-iskadenza (12-il xahar fil-każ tas-Slovenja) għall-mira tal-ġbir ta' 4kg/abitant/sena, kif ukoll għall-miri ta' l-irkupru u l-użu mill-ġdid/riċiklaġġ.
4) X'inhuma d-dispożizzjonijiet u l-iskadenzi ewlenin taħt id-Direttiva RoHS?
L-1 ta' Lulju 2006: Sa din id-data, l-produtturi ma jibqgħux jitħallew iqiegħdu fis-suq tagħmir lettriku u elettroniku li jkun fih is-sustanzi perikolużi ċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, bifenili polibrominati (PBBs), eteri difenili polibrominati (PBDE).
L-Anness X għad-Direttiva fih lista ta' eżenzjonijiet mill-projbizzjoni tas-sustanzi li għalihom ma hemmx alternattivi. Id-Direttiva tipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-Anness jiġi emendat biex jadatta l-lista ta' eżenzjonijiet fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku – jekk l-eliminazzjoni tas-sustanzi ta' periku ma tkunx prattika mil-lat tekniku jew xjentifiku, jew jekk l-impatti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi kkawżati mis-sostituzzjoni jkunu aktar sinifikanti mill-benefiċċji ambjentali, ta' saħħa jew ta' sikurezza tal-konsumaturi.
5) X'inhuma r-rwoli ta' l-aġenti differenti – l-Istati Membri, il-konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea?
Stati Membri: L-Istati Membri għandhom ir-rwol li jittrasponu l-proviżjonijiet tad-Direttivi WEEE u ROHS fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara 7). Barra minn hekk, huma obbligati jiżguraw li l-produtturi jaqdu l-obbligi kolha tagħhom (ara 3 u 4).
Il-konsumaturi: Dawn ma għandhomx jissuktaw jaqbdu u jarmu tagħmir elettriku u elettroniku qadim. Mit-13 ta' Awissu 2005, għandhom ikunu fil-qagħda li jroddu dan it-tagħmir lura lill-ħwienet fuq bażi 1:1 kulmeta jixtru prodott ġdid, u l-istess f'siti oħra ta' ġbir, fiż-żewġ każi mingħajr ħlas. Mill-istess data 'l quddiem, il-prodotti elettriċi u eletrroniċi ġodda jeħtieġ li jkollhom fuqhom marka ta' landa taż-żibel maqtugħa b'salib biex il-konsumaturi jkunu jafu li ma jkunux jistgħu jarmu t-tagħmir ma' l-iskart ġenerali mhux magħżul.
(Ara 3) Billi jiġbru l-iskart elettriku u elettroniku separatament u
jġibuh fis-siti tal-ġbir, iċ-ċittadini jikkontribwixxu
għall-użu mill-ġdid, ir-reċiklaġġ u forom
oħra ta' rkupru.
Il-Kummissjoni: Il-Kummissjoni qiegħda
tagħti l-appoġġ tagħha lill-implimentazzjoni
taż-żewġ Direttivi. Qed tiggwida lill-Istati Membri fi
kwistjonijiet ta' interpretazzjoni li jkollhom x'jaqsmu mad-Direttivi. Għal
dan il-għan, ġie prodott dokument ta' gwida fil-forma ta'
"Mistoqsijiet li Jqumu ta' Spiss" (FAQ). Huwa ppubblikat fuq il-websajt
tad-DĠ Ambjent:
http://ec.europa.eu/environment/waste/weee_index.htm.
Fl-2003, il-Kummissjoni adottat emenda għad-Direttiva WEEE li
tiċċara l-obbligi ta' l-iffinanzjar għall-iskart elettriku u
elettroniku minn utenti li mhumiex domestiċi u
privati[2]. Fl-2004, adottat
Deċiżjoni fuq il-kwestjonarju tar-rappurtar li jridu jwieġbu
l-Istati Membri biex jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-progress li jkun sar
fit-twettiq tad-Direttiva
WEEE[3]. Fl-2005 adottat
Deċiżjoni dwar il-formati li fihom tingħata
l-informazzjoni.
Bħalissa, l-Kummissjoni tinsab għaddejja
mill-proċess ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjonijiet oħra biex
temenda d-Direttiva RoHS billi tħalli aktar eżenzjonijiet
mill-projbizzjoni tas-sustanzi u billi tistabbilixxi livelli massimi ta'
konċentrazzjoni għas-sustanzi perikolużi li huma ttrattati
taħt id-Direttiva RoHS.
6) Kemm se tqum l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi, u sejra tagħmel ħsara lill-kompetittività ta' l-industrija? Il-prezzijiet tat-tagħmir elettriku u elettroniku se jiżdied b'riżultat ta' dan?
Il-proviżjonijiet taż-żewġ Direttivi japplikaw għall-produtturi ta' l-UE u ta' barra l-UE, mingħajr diskriminazzjoni. Bl-istess mod, l-ispejjeż għas-sustanzi perikolużi ttrattati mid-Direttiva RoHS jitħallsu mill-produtturi ta' l-UE u ta' barra l-UE. Il-kompetizzjoni għaldaqstant mhijiex se tintlaqat.
L-ispiża globali għall-konformità mad-Direttiva WEEE hija stmata li tilħaq il-€ 500-900 miljun fis-sena fl-UE kollha. Minn dawn l-ispejjeż, € 300-600 miljun jintefqu fuq il-ġbir u € 200-300 miljun fuq l-irkupru, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.
Huwa stmat li ż-żieda riżultanti fil-prezz tvarja minn 1% għall-parti l-kbira tat-tagħmir elettriku u elettroniku għal 2-3% għall-friġġijiet, it-televixins u l-moniters. L-ispejjeż u ż-żidiet fil-prezzijiet jidhru li huma ġġustifikati, metq dak li jkun iqis il-benefiċċji li se jġibu magħhom iż-żewġ Direttivi.
L-għan ewlieni huwa l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni ta' l-ambjent. Iżda r-riċiklaġġ ta' l-iskart elettriku u elettroniku se jġib miegħu ukoll l-iffrankar ta' l-ekwivalenti ta' 2.8 miljun tunnellata żejt kull sena. B'konsegwenza ta' dan, l-impatti ambjentali ħżiena assoċjati ma' l-użu ta' riżorsi sejrin jonqsu. Barra minn hekk, iż-żewġ Direttivi se jkollhom ir-riżultat li jiġu ffrankati l-ispejjeż ta' produzzjoni għall-materjali intatti u l-ispejjeż tar-rimi.
7) Fejn ninsabu rigward it-traspożizzjoni taż-żewġ Direttivi fl-Istati Membri?
Id-Direttivi WEEE u RoHS daħlu fis-seħħ fit-13 ta' Frar 2003, l-Istati Membri kellhom sat-13 ta' Awissu 2005 biex jittrasponuhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Sa llum, l-Istati Membri kollha minbarra Franza, Malta, l-Polonja u r-Renju Unit ikkomunikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ħadu biex jittrasponu d-Direttiva WEEE.
F'dak li għandu x'jaqsam mad-Direttiva RoHS, l-Istati Membri kollha minbarra Franza u r-Renju Unit għamlu dan.
Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tevalwa jekk il-miżuri li
ġiet mgħarrfa bihom humiex qed jittrasponu kif suppost l-obbligi
tad-direttivi. Jinsab fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ
proċeduri ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li ttrasponew id-direttivi
b’mod li mhuwiex korrett. F’Lulju 2005, il-Kummissjoni fetħet
proċeduri ta’ ksur kontra tmien Stati Membri li kienu għadhom ma
ttrasponewx id-direttivi.
Aktar tagħrif dwar il-WEEE u
r-RoHS jinkiseb minn:
http://ec.europa.eu/environment/waste/weee_index.htm
Għal dettalji dwar is-sistemi stabbiliti mill-Istati Membri, tista' tikkonsulta fost l-oħrajn:
Is-sistema Belġjana tar-radd lura, li ilha mħaddma mill-1 ta' Lulju 2001: http://www.recupel.be
Is-sistema Olandiża tar-radd lura, li ilha
mħaddma mill-1 ta' Jannar 1999: http://www.recupel.be
Is-sistema
Olandiża tar-radd lura, li ilha mħaddma mill-1 ta' Lulju 2001:
http://www.el-kretsen.se/Index-e.htm
[1] Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/96/KE tas-27 ta' ta' Jannar 2003 dwar ir-rimi tat-tagħmir elettriku u elettroniku [Ġurnal Uffiċjali L 37 tat-13.2.2003], kif emendat mid-Direttiva 2001/108/KE [Ġurnal Uffiċjali L 345 tal-31.12.2003].
[2] Din l-emenda, Direttiva 2003/108/KE
[Ġurnal Uffiċjali L 345 tal-31.12.2003] tirrelata ma' l-iffinanzjar
tad-WEEE minn utenti għajr dawk domestiċi u privati. Għal
tagħmir elettriku u elettroniku li jkun tqiegħed fuq is-suq wara
l-2005, il-produtturi obbligati jkopru l-ispejjeż tal-ġestjoni ta'
l-iskart. Għal skart "storiku", il-produtturi jiffinanzjaw l-ispejjeż
jekk ikunu ssostitwew il-prodott bi prodott ekwivalenti jew wieħed li jkun
qed jaqdi l-istess funzjoni. żda l-arranġamenti jinkludu wkoll
l-għażla tar-responsabbiltà finanzjarja ta' l-utent. Għal
skart "storiku" ieħor, il-finanzjament jiġi kopert
mill-utenti.
[3]
Deċiżjoni 2004/249/KE.