Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR ES CS

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: Il-ftehim milħuq dwar kooperazzjoni operattiva mal-Montenegro

Brussell, il-5ta' frar 2019

Illum, il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos u l-Ministru għall-Intern tal-Montenegro Mevludin Nuhodžić, inizjalaw ftehim dwar l-istatus li se jippermetti li timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jintbagħtu l-Montenegro.

Ladarba l-ftehim jidħol fis-seħħ, l-Aġenzija se tkun tista' tassisti lill-Montenegro fil-ġestjoni tal-fruntieri u twettaq operazzjonijiet konġunti mal-Montenegro, b'mod partikolari f'każ ta' bidla għal għarrieda fil-flussi migratorji.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos stqarr: “Illum qed nagħmlu pass ieħor biex insaħħu l-kooperazzjoni tagħna mas-sħab tal-Balkani tal-Punent f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Nixtieq inrodd ħajr lill-Montenegro għall-isforzi u għall-impenn tiegħu biex jinizjala dan il-ftehim u nittama li kollox jiġi konkluż f'qasir żmien. L-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom huma l-istess u nistgħu nindirizzawhom biss billi naħdmu id f'id.”

Kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi mhux tal-UE fil-viċinat tagħna kif ukoll appoġġ akbar għalihom huma essenzjali għal protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE, għall-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari u għat-titjib tas-sigurtà. Fl-2016, il-Kummissjoni saħħet il-mandat tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tippermetti l-istazzjonamenti fil-viċinat immedjat tal-UE. Skont dawn ir-regoli, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista' twettaq stazzjonamenti u operazzjonijiet konġunti fit-territorju ta' pajjiżi ġirien mhux tal-UE, soġġett għall-konklużjoni preċedenti ta' ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż ikkonċernat.

Il-ftehim tal-lum huwa l-ħames ftehim milħuq ma' pajjiż sieħeb fil-Balkani tal-Punent, u dan huwa sinjal ta' pass ieħor fid-direzzjoni tal-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Aġenzija.

Abbażi ta' din il-ħidma, f'Settembru 2018 il-Kummissjoni proponiet biex issaħħaħ aktar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta sabiex ikunu jistgħu jseħħu operazzjonijiet konġunti u stazzjonamenti f'pajjiżi lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE wkoll. Dan it-tisħiħ se jagħti l-livell ta' ambizzjoni xieraq lill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li jkun jixhed l-isfidi komuni affaċċati mill-Ewropa fil-ġestjoni tagħha tal-migrazzjoni u tal-fruntieri.

Il-passi li jmiss

L-abbozz tal-ftehim dwar l-istatus inizjalat illum mal-Montenegro se jiġi ffirmat formalment f'data aktar tard, wara li ż-żewġ naħat ilestu l-proċeduri legali meħtieġa. Huwa meħtieġ ukoll il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Ladarba l-ftehim jidħol fis-seħħ, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se tkun tista' twettaq attivitajiet operazzjonali u tibgħat timijiet fir-reġjuni tal-Montenegro li għandhom fruntiera mal-UE, bi ftehim kemm mal-awtoritajiet tal-Montenegro kif ukoll mal-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE li jikkonfinaw mal-UE.

Sfond

Il-ftehim tal-lum huwa l-ħames wieħed innegozjat ma' pajjiż sieħeb fil-Balkani tal-Punent. Ftehimiet simili ġew iffirmati mal-Albanija (Ottubru 2018), u inizjalati mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (Lulju 2018), mas-Serbja (Settembru 2018), u mal-Bożnija-Ħerzegovina (Jannar 2019).

Għal Aktar Informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Ġestjoni tal-fruntieri: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ssaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva mal-Albanija

Stqarrija għall-istampa: Ġestjoni tal-fruntieri: L-UE tiffirma ftehim mal-Albanija ta' kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Stqarrija għall-istampa: Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: Il-Ftehim ta' kooperazzjoni operazzjonali milħuq mal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Stqarrija għall-istampa: Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: Il-ftehim milħuq dwar il-kooperazzjoni operattiva mas-Serbja

Stqarrija għall-istampa: Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: Il-ftehim dwar kooperazzjoni operattiva milħuq mal-Bożnija-Ħerzegovina

Sit web: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Sit web: Id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni

 

IP/19/851

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar