Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tbassir Ekonomiku għax-Xitwa 2019: it-tkabbir jonqos fost inċertezzi dinjin

Brussell, is-7ta' frar 2019

L-ekonomija Ewropea hija mistennija li tikber għas-seba' sena konsekuttiva fl-2019, bi tkabbir imbassar f'kull Stat Membru. Il-pass tat-tkabbir b'mod ġenerali huwa previst li jonqos meta mqabbel mar-rati għolja tas-snin riċenti u l-prospettiva hija soġġetta għal inċertezza kbira.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali, responsabbli wkoll mill-Istabbiltà Finanzjarja, mis-Servizzi Finanzjarji u mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: Il-pajjiżi kollha tal-UE huma mistennija li jkomplu jikbru fl-2019, li jfisser aktar impjiegi u prosperità. Madankollu t-tbassir tagħna huwa rivedut 'l isfel, b'mod partikolari għall-ikbar ekonomiji taż-żona tal-euro. Dan jirrifletti fatturi esterni, bħal tensjonijiet kummerċjali u t-tnaqqis fi swieq emerġenti, b'mod partikolari fiċ-Ċina. F'xi pajjiżi taż-żona tal-euro qed jerġa' jitfaċċa tħassib dwar rabtiet bejn il-banek u s-sovrani, u s-sostenibbiltà tad-dejn. Il-possibbiltà ta' Brexit problematiku joħloq inċertezza addizzjonali. Li nsiru konxji minn dawn ir-riskji dejjem jiżdiedu huwa nofs ix-xogħol. In-nofs l-ieħor huwa li nagħżlu t-taħlita t-tajba ta' politiki, bħall-faċilitazzjoni tal-investiment, l-irduppjar tal-isforzi biex jitwettqu riformi strutturali u t-twettiq ta' politiki fiskali prudenti.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “Wara l-quċċata tal-ekonomija tal-UE fl-2017, id-deċelerazzjoni tagħha mistennija li tkompli fl-2019, għal tkabbir ta' 1.5 %/ Din id-deċelerazzjoni mistennija li tkun iktar evidenti milli kien mistenni fil-ħarifa li għaddiet speċjalment fiż-żona tal-euro, minħabba inċertezzi kummerċjali globali u fatturi domestiċi fl-akbar ekonomiji tagħna. Is-sisien ekonomiċi tal-Ewropa għadhom sodi u qed inkomplu nirċievu aħbarijiet tajbin b'mod partikolari fuq il-front tal-impjiegi. It-tkabbir għandu jirkupra gradwalment fit-tieni nofs ta' din is-sena u fl-2020,

Tkabbir ekonomiku

L-attività ekonomika naqset fit-tieni nofs tas-sena l-oħra hekk kif it-tkabbir tal-kummerċ globali naqas, l-inċertezza ħasdet il-kunfidenza u l-produzzjoni f'xi Stati Membri ntlaqtet ħażin minn fatturi domestiċi temporanji, bħal taqlib fil-produzzjoni tal-karozzi, tensjonijiet soċjali u inċertezza fil-politika fiskali. B'riżultat, it-tkabbir tal-prodott domestiku gross (PDG) kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fl-UE naqas għal 1.9 % fl-2018, minn 2.4 % fl-2017 (Tbassir għall-Ħarifa: 2.1 % għall-EU-28 u ż-żona tal-euro).

Il-momentum ekonomiku fil-bidu ta' din is-sena kien baxx, iżda s-sisien għadhom sodi. It-tkabbir ekonomiku se jkompli, minkejja li iktar moderat. L-ekonomija Ewropea se tkompli tibbenefika minn kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol aħjar, kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli u pożizzjoni fiskali xi ftit espansjonarja. Il-PDG taż-żona tal-euro issa huwa mbassar li jikber b'1.3 % fl-2019 u b'1.6 % fl-2020 (Tbassir għall-Ħarifa: 1.9% fl-2019; 1.7 % fl-2020). It-tbassir tat-tkabbir tal-PDG tal-UE ġie rivedut 'l isfel ukoll, għal 1.5 % fl-2019 u għal 1.7 % fl-2020 (Tbassir għall-Ħarifa: 1.9% fl-2019; 1.8 % fl-2020).

Fost l-ikbar Stati Membri, reviżjonijiet 'l isfel għat-tkabbir fl-2019 kienu mdaqqsa għall-Ġermanja, l-Italja, u n-Netherlands. Ħafna Stati Membri qed ikomplu jibbenefikaw minn domanda domestika qawwija, appoġġata wkoll minn fondi tal-UE.

Inflazzjoni

L-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur fiż-żona tal-euro waqgħet lejn l-aħħar tal-2018 minħabba tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-enerġija u inflazzjoni aktar baxxa fil-prezzijiet tal-ikel. L-inflazzjoni bażi, li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel mhux ipproċessat, kienet baxxa matul is-sena, minkejja tkabbir aktar mgħaġġel fil-pagi. L-inflazzjoni globali (HICP) kienet medja ta' 1.7 % fl-2018, minn 1.5 % fl-2017. Bil-previżjonijiet dwar il-prezzijiet taż-żejt għal din is-sena u s-sena d-dieħla issa inqas milli kienu għall-ħarifa, l-inflazzjoni taż-żona tal-euro hija mbassra li tonqos għal 1.4 % fl-2019 qabel tiżdied ftit għal 1.5 % fl-2020. Għall-UE, l-inflazzjoni hija mbassra li tkun medja ta' 1.6 % din is-sena u mbagħad titla' għal 1.8 % fl-2020.

Inċertezzi

Jeżisti livell għoli ta' inċertezza fir-rigward tal-perspettiva ekonomika u l-previżjonijiet huma soġġetti għal riskji ta' telf ta' valur. Tensjonijiet kummerċjali, li kienu qed ikunu inkwetanti għal xi żmien, naqsu xi ftit iżda għadhom ta' tħassib. L-ekonomija taċ-Ċina jaf qed tnaqqas ħafna aktar milli mistenni u s-swieq finanzjarji dinjin u ħafna swieq emerġenti huma vulnerabbli għal bidliet għal għarrieda fis-sentiment ta' riskju u fl-aspettattivi tat-tkabbir. Għall-UE, il-proċess tal-“Brexit” jibqa' sors ta' inċertezza.

Għar-Renju Unit, suppożizzjoni purament teknika għall-2019

Fid-dawl tal-proċess ta' ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-previżjonijiet għall-2019 u l-2020 huma bbażati fuq suppożizzjoni purament teknika ta' status quo f'dak li jirrigwarda x-xejriet kummerċjali bejn l-EU27 u r-Renju Unit. Dan huwa biss għal finijiet ta' tbassir u ma għandu l-ebda effett fuq il-proċess li għaddej fil-kuntest tal-Artikolu 50.

Sfond

Dan it-tbassir huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju, ir-rati ta' mgħax u l-prezzijiet tal-komoditajiet b'data ta' skadenza tal-25 ta' Jannar 2019. Rigward id-data l-oħra kollha li dieħla, dan it-tbassir iqis l-informazzjoni sal-31 ta' Jannar.

Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika żewġ tbassiriet komprensivi (fir-rebbiegħa u fil-ħarifa) u żewġ tbassiriet interim (fix-xitwa u fis-sajf) kull sena. It-tbassiriet interim ikopru l-PDG annwali u trimestrili u l-inflazzjoni għas-sena attwali u ta' wara għall-Istati Membri kollha u għaż-żona tal-euro, kif ukoll l-aggregati tal-UE.

It-tbassir komprensiv li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea se jkun it-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2019 f'Mejju 2019.

Għal Aktar Informazzjoni

Id-dokument sħiħ: Tbassir Ekonomiku Interim għax-Xitwa 2019

Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Segwi lill-Kummissarju Moscovici fuq Twitter: @pierremoscovici

Segwi lil DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

L-istqarrija għall-istampa preċedenti: Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2018: stabbli iżda inqas tkabbir dinamiku fost ħafna inċertezza

Tbassir Ekonomiku Preċedenti (dokument sħiħ): Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2018

IP/19/850

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar