Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Sigurtà: L-Unjoni tas-Sigurtà: il-Kummissjoni tilqa' l-ftehim politiku biex jingħalqu l-lakuni bejn is-sistemi ta' informazzjoni

Brussell, il-5ta' frar 2019

.

Illum il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jingħalqu lakuni tas-sigurtà importanti permezz ta' sinerġija iktar intelliġenti u mmirata tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri. Filwaqt li huwa prijorità politika għall-2018–2019, dan il-qafas interoperabbli se jiżgura li l-gwardji tal-fruntiera u l-uffiċjali tal-pulizija jkollhom aċċess għall-informazzjoni korretta fejn u meta jkollhom bżonnha għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Filwaqt li laqa' l-ftehim, l-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Illum qbilna li nagħtu lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi l-għodod xierqa biex jgħinuhom jaqbdu l-kriminali u jipproteġu liċ-ċittadini Ewropej aħjar. L-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, tal-gwardja tal-fruntiera u tal-migrazzjoni se jkunu jistgħu jaħdmu, fi kwalunkwe post tal-UE, direttament u instantanjament bl-informazzjoni kollha disponibbli. Iċ-ċittadini Ewropej jistennew li jkunu sikuri fl-Ewropa, u llum qed inżidu l-kapaċità kollettiva tagħna biex dan ikun possibbli.”

 Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Illum qed inwettqu parti essenzjali mill-infrastruttura tas-sigurtà tagħna. Fil-futur, il-punti kollha bejn is-sistemi ta' informazzjoni differenti tagħna se jkunu kkollegati. Din hija l-Unjoni Ewropea fl-aqwa tagħha: l-uffiċjali tal-fruntiera u tal-pulizija tagħna se jingħataw l-għodod korretti u l-appoġġ meħtieġ biex jagħmlu xogħolhom u jipproteġu liċ-ċittadini Ewropej.”

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King żied jgħid: “B'hekk qegħdin nirreaġixxu għat-talbiet ta' dawk li huma l-iktar esposti, jiġifieri l-pulizija u l-uffiċjali tal-fruntiera. L-għan mhuwiex li tinħoloq bażi ta' data kbira waħda jew li tinġabar iktar data, imma li l-informazzjoni eżistenti tintuża b'mod iktar intelliġenti u mmirat, sabiex l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.”

Bis-saħħa tal-għodod il-ġodda, is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE eżistenti kif ukoll dawk futuri, bħas-Sistema ta' Dħul / Ħruġ (EES, Entry/Exit System), is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS, European Travel Information and Authorisation System) u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS-TCN) se jkunu jistgħu jkunu f'kuntatt ma' xulxin, biex b'hekk jiġi evitat li biċċiet ta' informazzjoni jibqgħu mistura. L-għodod il-ġodda se:

  • Kontroverifika ta' data eżistenti b'għafsa ta' buttuna waħda: permezz ta' Portal Ewropew tat-Tfittxija, l-uffiċjali tal-fruntiera u l-pulizija se jkunu jistgħu jwettqu verifiki simultanji tad-dokumenti tal-identità fis-sistemi ta' informazzjoni kollha tal-UE fuq skrin wieħed f'konformità mad-dritt ta' aċċess eżistenti tagħhom. L-uffiċjali mhumiex se jkollhom għalfejn jibqgħu jivverifikaw id-dokumenti f'bażijiet ta' data multipli, u fi ftit sekondi se jkollhom stampa sħiħa u preċiża;
  • Jiskopru aħjar il-frodi tal-identità: il-gwardji tal-fruntiera u l-pulizija se jkunu jistgħu jidentifikaw aħjar il-kriminali perikolużi bis-saħħa tas-servizz kondiviż ta' tqabbil bijometriku li se juża l-marki tas-swaba' u l-immaġni tal-wiċċ biex issir tfittxija fis-sistemi ta' informazzjoni eżistenti, u ta' repożitorju komuni ta' informazzjoni dwar l-identità li se jaħżen data bijografika ta' ċittadini mhux tal-UE. Barra minn hekk, detettur ta' identitajiet multipli se jagħmel kontroverifika u jgħarraf minnufih lil kull min ikun qed juża identitajiet frodulenti jew multipli;
  • Itejbu l-aċċess għall-infurzar tal-liġi: l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi se jkunu jistgħu jikkonsultaw bażijiet ta' data tal-UE b'mod iktar effiċjenti u sigur abbażi ta' approċċ f'żewġ stadji. Ladarba l-informazzjoni mfittxija minn uffiċjal tkun taqbel mal-informazzjoni li tinsab f'waħda mis-sistemi (jiġifieri jkun hemm “hit”), huwa jkun jista' jitlob aċċess iktar immirat, f'konformità mar-regoli speċifiċi għal kull sistema;
  • Iħarsu d-drittijiet fundamentali: il-qafas ta' interoperabbiltà mhux se jibdel ir-regoli dwar l-aċċess għas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE u l-limitazzjoni tal-iskop tagħhom u b'hekk se jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali jibqgħu protetti. Barra minn hekk, permezz ta' servizz online apposta, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi se jkollhom aċċess għad-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali, biex b'hekk se jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data.

Il-passi li jmiss

Iż-żewġ Regolamenti li jistabbilixxu l-qafas għall-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni issa jridu jiġu adottati formalment mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Ladarba jiġu adottati, EU-LISA, l-Aġenzija tal-UE responsabbli għall-immaniġġjar operazzjonali ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, se tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' komponenti tekniċi li se jagħmlu s-sistemi ta' informazzjoni tal-UE interoperabbli.

Sfond

Attwalment, is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE ma jikkomunikawx flimkien biżżejjed – l-informazzjoni hija maħżuna separatament f'sistemi mhux konnessi, li b'hekk huma frammentati, kumplessi u diffiċli li jiġu operati. B'hekk jeżisti r-riskju li xi informazzjoni ma tinqabadx. Is-superament tan-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tad-data u t-titjib tal-interoperabbiltà ta' sistemi ta' informazzjoni eżistenti jirrappreżentaw prijorità għall-Kummissjoni Juncker.

B'mod parallel għad-diskors tal-2016 tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar sistemi ta' informazzjoni iktar b'saħħithom u iktar intelliġenti għall-fruntieri u s-sigurtà, li għandha tibda diskussjoni dwar kif jistgħu jittejbu s-sistemi ta' informazzjoni tal-UE sabiex jitjiebu l-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà interna.

Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Kummissjoni rrapportat b'mod regolari dwar il-progress li sar biex jingħalqu l-lakuni ta' informazzjoni li fadal fis-sistemi ta' informazzjoni tal-UE, sabiex dawn jaħdmu flimkien b'mod iktar intelliġenti u effettiv. F'Mejju 2017 il-Kummissjoni pproponiet approċċ ġdid sabiex tinkiseb interoperabbiltà sħiħa tas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni sal-2020, u din kienet segwita minn proposti leġiżlattivi f'Diċembru 2017.

Għal Iktar Informazzjoni

Stqarrija għall-Istampa – L-Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni telimina l-lakuni fl-informazzjoni biex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini

Stqarrija għall-Istampa – L-Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ġdid dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi ta' informazzjoni

Skeda informattiva – L-Unjoni tas-Sigurtà: Jiġu eliminati l-lakuni fl-informazzjoni

Skeda informattiva – Sistemi ta' Informazzjoni tal-UE

IP/19/846

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar