Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jsiru regoli internazzjonali ta' negozjar għall-kisba ta' evidenza elettronika

Brussell, il-5ta' frar 2019

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħarġet b'rakkomandazzjoni biex jittieħed impenn għal żewġ proċessi ta' negozjar internazzjonali dwar regoli transfruntiera għall-kisba ta' evidenza elettronika.

Hekk kif il-biċċa l-kbira tal-investigazzjonijiet kriminali jinħtieġu aċċess għal evidenza bbażata online u li spiss tkun tinsab barra mill-UE, teżisti ħtieġa urġenti li l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu mgħammra b'għodod rapidi u effiċjenti li jkunu kumpatibbli mar-realtà tal-lum. 

B'segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ottubru 2018, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta żewġ mandati ta' negozjar, wieħed għan-negozjati mal-Istati Uniti u wieħed għat-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa “Budapest” dwar iċ-Ċiberkriminalità. Iż-żewġ mandati, li jridu jiġu approvati mill-Kunsill, jinkludu salvagwardji speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u d-drittijiet proċedurali tal-individwi.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Il-kriminalità u t-terroriżmu ma jiqfux malli jaslu sal-fruntieri tal-Ewropa. L-evidenza li tkun meħtieġa fl-investigazzjoni ta' dawn l-atti kriminali hija anki aktar diffiċli li tinstab fi ħdan il-fruntieri u l-ġurizdizzjonijiet. Għal din ir-raġuni, illum, qegħdin nipproponu li nqawwu l-kooperazzjoni ta' sigurtà tagħna mal-Istati Uniti u mal-Kunsill tal-Ewropa, sabiex niżguraw aċċess għall-evidenza kritika elettronika meħtieġa fl-investigazzjonijiet kriminali mill-awtoritajiet Ewropej.”

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová, qalet: “Il-kriminali jużaw teknoloġiji rapidi u moderni biex jorganizzaw l-atti kriminali tagħhom u biex jostru l-evidenza. “Ħafna mid-data li għandna bżonn biex infittxu u nsibu lil dawn il-kriminali hija miżmuma fl-Istati Uniti jew minn kumpaniji Amerikani. Wasal iż-żmien li naħdmu biex isir ftehim komprensiv bejn l-UE kollha u l-Istati Uniti biex inħaffu l-aċċess tal-awtoritajiet tagħna tal-infurzar għal din l-evidenza. Tali ftehim se jsaħħaħ is-sigurtà tagħna, filwaqt li jservi ta' protezzjoni għall-privatezza tad-data u s-salvagwardji proċedurali tatċ-ċittadini tagħna.

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà Julian King qal: “Ma nistgħux inħallu lit-terroristi jew lill-kriminali jsibu kenn online, bl-abbuż tat-teknoloġija moderna. Hemm bżonn li nagħlqu l-lakuni legali u li flimkien, fil-livell internazzjonali, inkomplu nissikkaw l-ispazju li joperaw fih.” 

B'għadd dejjem jikber ta' investigazzjonijiet li jkunu jenħtieġu aċċess għal evidenza elettronika, bħal ma huma emails jew dokumenti li jkunu jinsabu fil-cloud, f'April 2018, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex ikun aktar faċli għall-pulizija u għall-awtoritajiet ġudizzjarji li jkunu jistgħu jsegwu ħjiel online u lil hinn mill-fruntieri. Meta jitqies li għadd ta' fornituri tas-servizzi huma bbażati ‘il barra mill-UE, il-mandati tal-lum jikkompletaw ir-regoli l-ġodda sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni akbar fil-livell internazzjonali.

Rakkomandazzjoni biex jinbdew negozjati mal-Istati Uniti

Bħalissa, il-fornituri ta' servizzi bbażati fl-Istati Uniti jikkooperaw mal-awtoritajiet Ewropej tal-infurzar tal-liġi fuq bażi voluntarja u mhux dejjem jitħallew, bil-liġi Amerikana, li jwieġbu direttament għal talbiet mill-Ewropa għal aċċess għal evidenza elettronika. Il-mandat ta' negozjar propost mill-Kummissjoni għandu l-għan li:

  • Jiġi ggarantit aċċess f'waqtu għall-evidenza elettronika għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE u fl-Istati Uniti billi jitqassar iż-żmien għall-għoti tad-data rikjesta għal għaxart ijiem (bħalissa jkun hemm bżonn bejn wieħed u ieħor għaxar xhur);
  • Jiġu indirizzati kunflitti legali billi jiġu stabbiliti definizzjonijiet u tipi ta' data koperti, jiġu ċċarati obbligi legali u jiġu ggarantiti drittijiet reċiproċi għall-partijiet kollha;
  • Jiġu ggarantiti salvagwardji qawwija dwar il-protezzjoni tad-data, il-privatezza u d-drittijiet proċedurali fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

Il-parteċipazzjoni f'negozjati skont il-Konvenzjoni ta' Budapest

Il-Konvenzjoni ta' Budapest hija l-qofol tal-kooperazzjoni internazzjonali kontra ċ-ċiberkriminalità li tipprovdi qafas komprensiv għall-kooperazzjoni bejn aktar minn 60 pajjiż. It-Tieni Protokoll Addizzjonali, la darba jkun f'postu, se jkompli jsaħħaħ din il-kooperazzjoni internazzjonali inkluż fejn tidħol il-kisba ta' aċċess għall-evidenza elettronika, it-tisħiħ tal-assistenza legali reċiproka u l-istabbiliment ta' investigazzjonijiet konġunti. Il-Kummissjoni llum qiegħda tipproponi mandat għall-parteċipazzjoni f'dawk in-negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha biex jiġi żgurat li jkun hemm:

  • Kumpatibbiltà tal-Protokoll mal-liġi preżenti u futura tal-UE, inkluż fil-qasam tal-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika;
  • Kooperazzjoni internazzjonali aktar qawwija permezz ta' assistenza legali reċiproka aktar effettiva, inkluż b'talbiet issimplifikati, u l-istabbiliment ta' timijiet konġunti ta' investigazzjoni;
  • Kooperazzjoni diretta tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi ma' fornituri tas-servizzi f'ġuriżdizzjonijiet oħra;
  • Salvagwardji aktar qawwija għall-protezzjoni tad-data personali u tal-prattiċi nazzjonali dwar aċċess transfruntier għad-data.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta żewġ rakkomandazzjonijiet għall-mandati ta' negozjar lill-Kunsill. Ir-rakkomandazzjonijiet issa se jiġu kkunsidrati mill-Kunsill, li jrid jadotta formalment deċiżjoni li jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati f'konformità mad-direttivi ta' negozjar stabbiliti fil-mandati.

L-isfond

F'madwar 85 % tal-investigazzjonijiet ikun hemm bżonn ta' evidenza elettronika, u f'żewġ terzi ta' dawn l-investigazzjonijiet ikun hemm il-bżonn li tinkiseb evidenza mill-fornituri ta' servizzi online bbażati f'ġurisdizzjoni oħra. Bħalissa, l-akbar fornituri tas-servizzi huma stabbiliti fl-Istati Uniti. L-għadd ta' talbiet lill-fornituri ewlenin ta' servizzi online għadu qiegħed jiżdied u żdied b'84% fil-perjodu 2013-2018.

Fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà ta' April 2015, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel rieżami tal-ostakli li jinsabu quddiem l-investigazzjonijiet kriminali. Wara l-avvenimenti traġiċi fi Brussell fit-22 ta' Marzu 2016, il-Ministri tal-UE għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni poġġew prijorità fuq li jgħaddu miżuri għas-sigurtà u l-kisba ta' evidenza diġitali b'mod aktar effiċjenti u effettiv. Minn dak inhar, il-kwistjoni ġiet diskussa diversi drabi minn Ministri tal-UE u f'April 2018, il-Kummissjoni pproponiet regoli għal aċċess transfruntier għal evidenza elettronika. F'Ottubru 2018, il-mexxejja Ewropej appellaw lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tippreżenta mandati ta' negozjar għal ftehimiet internazzjonali dwar l-evidenza elettronika. Ġiet ukoll diskussa f'laqgħat reċenti bejn il-Ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE u tal-Istati Uniti.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Mandat għal kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-evidenza elettronika

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Mandat għal Prokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni ta' Budapest

Rakkomandazzjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar aċċess transfruntier għal evidenza elettronika.

Rakkomandazzjoni li tawtorizza l-parteċipazzjoni f'negozjati dwar it-tieni Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Ewropa dwar iċ-ĊIberkriminalità (CETS Nru 185)

Links għad-dokumenti kollha jinsabu hawn.

 

IP/19/843

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar