Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online – il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE jiżgura reazzjoni ta' malajr

Brussell, I-4ta' frar 2019

Ir-raba' evalwazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE turi li din l-inizjattiva tal-Kummissjoni tagħti riżultati ta' suċċess.

Kumpaniji tal-IT issa qed jivvalutaw 89 % tal-kontenut immarkat fi żmien 24 siegħa u 72 % tal-kontenut huwa meqjus bħala diskors ta' mibegħda illegali jitneħħa, meta mqabbel ma' 40 % u 28 % rispettivament ta' meta l-Kodiċi tnieda għall-ewwel darba fl-2016. Madankollu, jeħtieġ li l-kumpaniji jtejbu l-feedback tagħhom lill-utenti.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea qal: L-evalwazzjoni tal-lum turi li l-kooperazzjoni mal-kumpaniji u mas-soċjetà ċivili twassal għal riżultati. Kumpaniji issa qed jivvalutaw 89 % tal-kontenut immarkat fi żmien 24 siegħa, u jaġixxu minnufih biex ineħħuh meta jkun meħtieġ. Dawn huwa iktar mid-doppju meta mqabbel mal-2016. Iktar importanti minn hekk, il-Kodiċi jaħdem minħabba li jirrispetta l-libertà tal-espressjoni. L-internet huwa fejn imorru n-nies biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom u jsibu l-informazzjoni f'qasir żmien. Ħadd m'għandu jħossu f'periklu jew mhedded minħabba li kontenut illegali ta' mibegħda jitħalla online.

Věra Jourová, il-Kummissarju Ewropea għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri qalet: “Id-diskors ta' mibegħda illegali online mhuwiex biss reat, iżda jirrappreżenta theddida għal-libertà tal-espressjoni u għall-impenn demokratiku. F'Mejju 2016, jien tajt bidu għall-Kodiċi ta' Kondotta dwar diskors ta' mibegħda online, peress li kellna bżonn b'mod urġenti li nagħmlu xi ħaġa dwar dan il-fenomenu. Illum, wara sentejn u nofs, nistgħu ngħidu li sibna l-approċċ it-tajjeb u waqqafna standard madwar l-Ewropa dwar kif nindirizzaw din il-kwistjoni serja filwaqt li nħarsu bis-sħiħ id-dritt tal-espressjoni. ”

Sa mit-tnedija tiegħu fl-2016, il-Kodiċi ta' Kondotta kien qiegħed iwassal għal progress kontinwu, u l-evalwazzjoni riċenti tikkonferma li l-kumpaniji tal-IT qed jipprovdu reazzjoni rapida għal kontenut ta' diskors ta' mibegħda razzist u ksenofobiku nnotifikat lilhom. Madankollu, jeħtieġu li jtejbu l-feedback tagħhom lill-utenti li jirrappurtaw kontenut u t-trasparenza dwar avviżi u tneħħijiet.

Il-kumpaniji jneħħu l-kontenut illegali aktar u aktar malajr, iżda dan mhux qed iwassal għal tneħħija eċċessiva: ir-rata ta' tneħħija tindika li r-reviżjoni magħmula mill-kumpaniji tkompli tirrispetta l-libertà tal-espressjoni. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Kodiċi, ġew stabbiliti sħubijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali u l-pjattaformi tal-IT dwar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni.

Fl-aħħar nett, erba' kumpaniji ġodda ddeċidew li jissieħbu mal-Kodiċi matul l-2018: Google+, Instagram, Snapchat, u Dailymotion. Illum, il-pjattaforma tal-logħob Franċiża Webedia (jeuxvideo.com) ħabbret ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom. 

Kuntest

Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Ġlieda kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija tikkriminalizza l-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta' persuni jew membru ta' grupp bħal dan ikkaratterizzat b'referenza għar-razza, il-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon, in-nisel, jew l-oriġini nazzjonali jew etnika. Id-diskors ta' mibegħda kif definit f'din id-Deċiżjoni Qafas huwa reat kriminali wkoll meta jsir online.

L-UE, l-Istati Membri tagħha, il-kumpaniji tal-midja soċjali u pjattaformi oħra, ilkoll jaqsmu responsabbiltà kollettiva biex jippromwovu u jiffaċilitaw il-libertà ta' espressjoni fid-dinja online. Fl-istess ħin, dawn l-atturi kollha għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-internet ma jsirx mezz ta' rifuġju liberu għall-vjolenza u l-mibegħda.

Biex jirreaġixxu għall-proliferazzjoni ta' diskors ta' mibegħda razzist u ksenofobiku online, il-Kummissjoni Ewropea u l-erba' kumpaniji kbar tal-IT (Facebook, Microsoft, Twitter u Youtube) ippreżentaw “Kodiċi ta' Kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online” f'Mejju 2016.

Fis-7 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-riżultati tal-ewwel eżerċizzju ta' monitoraġġ biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta. Ir-riżultati tat-tieni u t-tielet ċiklu ta' monitoraġġ rilaxxat fl-1 ta' Ġunju 2017 u fid-19 ta' Jannar 2018 urew progress kontinwu.

Fit-28 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida għal pjattaformi dwar proċeduri ta' avviż u azzjoni biex jindirizzaw il-kontenut illegali online. L-importanza tal-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online u l-ħtieġa li titkompla l-ħidma bl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta jidhru b'mod prominenti f'dan id-dokument ta' gwida.

Fl-1 ta' Marzu 2018 ġiet ippubblikata Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online. Fiha żewġ partijiet, parti ġenerali dwar il-miżuri applikabbli għat-tipi kollha ta' kontenut illegali u parti speċifika li tindirizza l-azzjonijiet speċjali li pjattaformi jkollhom bżonn jieħdu biex jindirizzaw kontenut terroristiku. F'termini tar-regoli applikabbli għat-tipi kollha ta' kontenut illegali, ir-rakkomandazzjoni tinkludi proċeduri ta' “avviż u azzjoni” aktar ċari, għodod aktar effiċjenti u teknoloġiji proattivi, salvagwardji aktar b'saħħithom biex jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali, attenzjoni speċjali għal kumpaniji żgħar u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-awtoritajiet.

Għal Aktar Informazzjoni

Skeda informattiva dwar ir-raba' monitoraġġ tal-Kodiċi ta' Kondotta

Skeda informattiva Kif il-Kodiċi ta' Kondotta għen fil-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online:

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar ir-raba' evalwazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta fil-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online

 

IP/19/805

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar