Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Jidħol fis-seħħ il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun

Brussell, il-31ta' jannar 2019

Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-UE u l-Ġappun jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2019. Issa, in-negozji u l-konsumaturi madwar l-Ewropa u fil-Ġappun jistgħu jieħdu vantaġġ mill-akbar żona ta' kummerċ miftuħ fid-dinja.

Il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, qal: “L-Ewropa u l-Ġappun qed jibagħtu messaġġ lid-dinja dwar il-futur tal-kummerċ miftuħ u ġust. Qed niftħu suq ġdid għal 635 miljun persuna u kważi terz tal-Prodott Domestiku Gross tad-dinja, li jġib in-nies tal-Ewropa u tal-Ġappun eqreb lejn xulxin minn qatt qabel. Il-ftehim il-ġdid se jagħti aktar għażla u prezzijiet orħos lill-konsumaturi; se jipproteġi lill-prodotti Ewropej il-kbar fil-Ġappun u viċi versa, bħat-Tiroler Speck Awstrijak jew il-Laħam Kobe; se jagħti l-opportunità lin-negozji ż-żgħar fuq iż-żewġ naħat li jilħqu suq kompletament ġdid; se jiffranka biljun ewro f'dazji lill-kumpaniji Ewropej kull sena u se jagħti spinta qawwija lill-kummerċ li diġà nagħmlu flimkien. Aktar minn kollox, il-ftehim tagħna juri li l-kummerċ huwa dwar aktar minn kwoti u tariffi, jew miljuni u biljuni. Huwa dwar valuri, prinċipji u ġustizzja. Jaċċerta li l-prinċipji tagħna f'oqsma bħall-impjiegi, is-sikurezza, il-klima u l-protezzjoni tal-konsumaturi huma tal-ogħla standard globali. Dan iseħħ biss meta taħdem mal-aktar sħab naturali, imbiegħda b'eluf ta' kilometri iżda magħqudin fi ħbiberija u fil-valuri.

Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Kummerċ, qalet: “Dan il-ftehim għandu kollox: jelimina t-tariffi u jikkontribwixxi għar-regoli globali, filwaqt li fl-istess ħin juri lid-dinja li aħna t-tnejn konvinti mill-benefiċċji ta' kummerċ miftuħ. Mill-1 ta' Frar, il-kumpaniji Ewropej se jibbenefikaw mit-tneħħija tat-tariffi u proċeduri doganali simplifikati. Il-manifatturi tagħna, il-fornituri tas-servizzi tagħna, in-negozji teknoloġiċi ġodda tagħna u l-bdiewa tagħna kollha għandhom x'jiċċelebraw. Jien kburija wkoll li għall-ewwel darba daħħalna l-impenji tagħna tal-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima fi ftehim kummerċjali, kif ukoll stabbilejna standards għoljin għad-drittijiet tal-ħaddiema u għall-protezzjoni tal-konsumaturi. Wittejna t-triq għal spinta sinifikanti fil-kummerċ bejnietna, li min-naħa l-oħra toħloq l-impjiegi u tbaxxi l-prezzijiet. Issa f'idejn in-negozji u l-individwi biex jibbenefikaw bl-aħjar mod li jistgħu mill-opportunitajiet kummerċjali l-ġodda. Nafdaw ukoll fl-Istati Membri kollha tal-UE biex ixerrdu kemm jifilħu dan il-messaġġ.

Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika jneħħi l-maġġoranza vasta tal-€1 biljun ta' dazji mħallsa kull sena mill-kumpaniji tal-UE li jesportaw lejn il-Ġappun. Ladarba l-ftehim jiġi implimentat bis-sħiħ, il-Ġappun tkun neħħiet id-dazji doganali fuq 97% tal-prodotti impurtati mill-UE. Il-ftehim ineħħi wkoll għadd ta' ostakli mhux tariffarji li ilhom hemm, pereżempju billi japprova standards internazzjonali fuq il-karozzi. Se jneħħi wkoll ostakli għall-esportaturi ewlenin tal-UE għall-ikel u x-xorb għal 127 miljun konsumatur Ġappuniż u se jżid l-opportunitajiet tal-esportazzjoni f'firxa ta' setturi oħrajn. Il-kummerċ annwali bejn l-UE u l-Ġappun jista' jiżdied bi kważi €36 biljun ladarba l-ftehim jiġi implimentat bis-sħiħ.

L-UE u l-Ġappun qablu li jistabbilixxu standards ambizzjużi dwar l-iżvilupp sostenibbli, u għall-ewwel darba t-test jinkludi impenn speċifiku għall-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima.

Il-partijiet ewlenin tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika

Fir-rigward tal-esportazzjonijiet agrikoli mill-UE, il-ftehim, b'mod partikolari:

  • se jneħħi d-dazji Ġappuniżi minn fuq ħafna ġobnijiet, bħall-Gouda u ċ-Cheddar (li bħalissa huma fil-livell ta' 29.8 %) kif ukoll minn fuq esportazzjonijiet tal-inbid (li d-dazju fuqhom bħala medja huwa ta' 15 %);
  • se jippermetti li l-UE żżid l-esportazzjonijiet taċ-ċanga tagħha lejn il-Ġappun b'mod sostanzjali, filwaqt li fir-rigward tal-majjal se jkun hemm kummerċ mingħajr dazji għal-laħam ipproċessat u kummerċ kważi mingħajr dazji għal-laħam frisk;
  • se jiżgura l-protezzjoni fil-Ġappun ta' aktar minn 200 prodott agrikolu Ewropew ta' kwalità għolja, l-hekk imsejħa Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ), u l-protezzjoni ta' għadd ta' IĠ Ġappuniżi fl-UE.

Il-ftehim jiżgura wkoll il-ftuħ tas-swieq tas-servizzi, b'mod partikolari s-servizzi finanzjarji, il-kummerċ elettroniku, it-telekomunikazzjoni u t-trasport. Barra minn hekk, huwa:

  • jiffaċilita l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq tal-akkwist ta' 54 belt kbira Ġappuniża, u jneħħi l-ostakli għall-akkwist fis-settur ferrovjarju li huwa ekonomikament importanti fil-livell nazzjonali;
  • jindirizza sensittivitajiet speċifiċi fl-UE, pereżempju fis-settur awtomobilistiku, b'perjodi ta' tranżizzjoni sa seba' snin qabel ma jiġu eliminati d-dazji doganali.

Il-ftehim jinkludi wkoll kapitolu komprensiv dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jinkludi elementi speċifiċi ta' simplifikazzjoni għan-negozji żgħar u medji; jistabbilixxi standards għoljin ħafna tax-xogħol, tas-sigurtà, tal-protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur; isaħħaħ l-impenji tal-Ġappun u tal-UE dwar l-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima u jissalvagwardja bis-sħiħ is-servizzi pubbliċi.

Rigward il-protezzjoni tad-data, fit-23 ta' Jannar ta' din is-sena l-UE u l-Ġappun adottaw deċiżjonijiet biex jippermettu li d-data personali tgħaddi b'mod liberu u sigur bejn iż-żewġt isħab. Huma qablu li jirrikonoxxu s-sistemi ta' protezzjoni tad-data ta' xulxin bħala “ekwivalenti”, b'hekk tinħoloq l-akbar żona dinjija ta' fluss sikur tad-data.

Mill-1 ta' Frar, parti kbira minn ftehim ieħor – il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun – jibda japplika wkoll fuq bażi provviżorja. Dan il-Ftehim, li ġie ffirmat f'Lulju tas-sena l-oħra flimkien mal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, huwa l-ewwel ftehim qafas bilaterali li qatt sar bejn l-UE u l-Ġappun u jsaħħaħ is-sħubija ġenerali billi jipprovdi qafas ġenerali għal kooperazzjoni politika u settorjali u azzjonijiet konġunti mtejba dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, inkluż dwar sfidi reġjonali u globali. Il-Ftehim se jidħol fis-seħħ ladarba jiġi ratifikat mill-istati Membri kollha tal-UE.

Il-passi li jmiss

Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika issa daħal fis-seħħ. Biex tqis l-ewwel xhur ta' implimentazzjoni, l-ewwel laqgħa tal-kumitat bejn l-UE u l-Ġappun se ssir f'April 2019.*
Rigward il-kwistjoni parallela tal-protezzjoni tal-investiment, qed ikomplu n-negozjati mal-Ġappun dwar is-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-istandards u l-protezzjoni tal-investiment, b'laqgħa tal-Kapijiet Negozjaturi skedata għal Marzu. L-impenn sod fuq iż-żewġ naħat huwa li tintlaħaq konverġenza fin-negozjati dwar il-protezzjoni tal-investiment mill-aktar fis possibbli, fid-dawl tal-impenn kondiviż tagħhom favur ambjent tal-investiment stabbli u sigur fl-Ewropa u fil-Ġappun.

Għal aktar informazzjoni

MEMO dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika

Sit web iddedikat li jinkludi:

Skeda Informattiva dwar il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika

Il-midja soċjali: @Trade_EU

 

*Aġġornat fis-06/02/2019 fl-09:50

IP/19/785

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar