Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-sostenibbiltà: Il-Kummissjoni tippreżenta dokument ta' riflessjoni dwar Ewropa aktar sostenibbli sal-2030

Brussell, it-30ta' jannar 2019

Bħala parti mid-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, varat permezz tal-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017, il-Kummissjoni llum qed tippubblika Dokument ta' Riflessjoni dwar Ewropa Sostenibbli sal-2030.

Id-dokument tal-lum, imħabbar bħala segwitu tad-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 huwa parti mill-impenn sod tal-UE li tikseb ir-riżultati marbutin mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima. Billi jeżamina l-firxa ta' sfidi għall-Ewropa u jippreżenta xenarji illustrattivi għall-futur, id-dokument għandu l-għan li jmexxi d-diskussjoni dwar kif l-aħjar li dawn l-għanijiet jinkisbu u kif inhu l-aħjar mod li bih l-Unjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi sal-2030. Billi jibnu fuq dak li nkiseb fl-aħħar snin, dawn ix-xenarji jenfasizzaw li hija meħtieġa aktar azzjoni jekk l-UE u d-dinja jridu jiżguraw futur sostenibbli fl-interess tal-benesseri taċ-ċittadini.

Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “L-iżvilupp sostenibbli jibda u jispiċċa bin-nies, minħabba li l-punt tiegħu huwa li jagħmel l-ekonomija u s-soċjetà sostenibbli u prosperi fl-istess ħin. Nagħmlu hekk biex inkunu nistgħu nkomplu bil-mod ta' għajxien tagħna u ntejbu l-benesseri ta' wliedna u wlied uliedna f'dak li jirrigwarda l-ugwaljanza, ambjent naturali f'saħħtu, u ekonomija b'saħħitha, ekoloġika, u inklużiva. Il-kompitu tagħna mhuwa xejn inqas milli jkollna dinja għal kulħadd. L-Ewropa tista', u għandha tmexxina f'din it-triq 'il quddiem.”

Jyrki Katainen, il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “Is-sostenibbiltà hija parti mid-DNA Ewropew. Din tfisser li rridu niżguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom opportunitajiet daqsna jew aħjar minna, filwaqt li nirrispettaw ir-riżorsi limitati tal-pjaneta tagħna. Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa jgħin billi jinvolvi lis-settur privat u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Finanzi Sostenibbli jiffaċilita l-ħolqien ta' suq ġdid għall-investimenti sostenibbli. Billi nimmodernizzaw is-soċjetajiet tagħna b'mod inklużiv, billi nħaddnu l-ekonomija ċirkolari bis-sħiħ u ngawdu mill-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, nistgħu naħdmu favur in-newtralità f'termini ta' impatt fuq il-klima u niżguraw li l-pjaneta tagħna tkun fi stat aħjar għal uliedna.”

Tul is-snin, l-UE saret mexxejja globali fis-sostenibbiltà billi għandha l-ogħla standards soċjali u ambjentali, u billi ppromwoviet il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u kunċetti innovattivi bħall-ekonomija ċirkolari. Il-Kummissjoni ta' Juncker integrat il-prijoritajiet marbutin mal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tagħha mill-bidu tal-mandat tagħha.

Madankollu, bħall-bqija tad-dinja, l-UE qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kumplessi, dejjem jinbidlu, u urġenti, b'mod partikolari marbutin mad-dejn ekoloġiku tagħha u t-tibdil fil-klima, it-tibdil demografiku, il-migrazzjoni, l-inugwaljanza, il-konverġenza ekonomika u soċjali, u l-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, it-tentazzjonijiet li qed jixirfu ta' iżolazzjoniżmu u nazzjonaliżmu huma sinjal li hemm wisq Ewropej li ma jħossuhomx protetti biżżejjed f'din id-dinja li qed tinbidel. Dawn il-fatti innegabbli ma għandhomx jimlewna bil-biża', iżda minflok għandhom jispirawna biex nieħdu azzjoni.

Id-Dokument ta' Riflessjoni tal-lum jiffoka fuq il-pedamenti ewlenin tal-politika tat-tranżizzjoni għas-sostenibbiltà, li jinkludu li nimxu minn ekonomija lineari għal waħda ċirkolari, li nikkoreġu l-iżbilanċi li għandna fis-sistema tal-ikel tagħna, li nagħmlu l-enerġija, il-bini u l-mobilità tagħna adattati għall-futur, u li niżguraw li din it-tranżizzjoni tkun ġusta u li ma teskludi lil ebda persuna jew post. Id-dokument jikkonċentra wkoll fuq il-faċilitaturi orizzontali, li jenħtieġ li jirfdu t-tranżizzjoni għas-sostenibbiltà, li jinkludu l-edukazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; il-finanzi, l-ipprezzar, it-tassazzjoni u l-kompetizzjoni; il-kondotta kummerċjali responsabbli, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u mudelli ġodda tan-negozju; kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli; koerenza tal-politika u l-governanza fil-livelli kollha. Id-dokument jispiċċa billi jenfasizza li nwittu t-triq għat-tranżizzjoni għas-sostenibbiltà globalment, minħabba li l-politiki tagħna se jkollhom impatt limitat fuq il-pjaneta jekk ħaddieħor jitmexxa minn politiki opposti.

Id-Dokument ta' Riflessjoni tal-lum jippreżenta tliet xenarji biex jistimulaw id-diskussjoni dwar kif għandu jsir segwitu tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fl-UE. Dawn ix-xenarji huma illustrattivi: huma maħsuba biex joffru ideat differenti u jixprunaw dibattitu u ħsieb. L-eżitu eventwali aktarx ikun kombinazzjoni ta' ċerti elementi minn kull wieħed minnhom. It-tliet xenarji huma:

  1. Strateġija globali tal-UE dwar l-SDGs biex tiggwida l-azzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri tagħha;
  2. Il-Kummissjoni tkompli tintegra l-SDGs fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, iżda ma tinfurzax l-azzjoni tal-Istati Membri;
  3. Enfasi akbar fuq l-azzjoni esterna filwaqt li jkun hemm konsolidazzjoni tal-ambizzjoni attwali ta' sostenibbiltà fil-livell tal-UE.

Sfond

Fil-25 ta' Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat sett ta' 17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli biex jintemm il-faqar, titħares il-pjaneta, u tiġi żgurata l-prosperità għal kulħadd bħala parti minn aġenda għall-iżvilupp sostenibbli ġdida, l-“Aġenda 2030”. Kull wieħed mis-17-il għan għandu miri speċifiċi (169 b'kollox) li għandhom jintlaħqu sal-2030. L-UE kienet forza ewlenija wara l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha.

Fit-22 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “Il-Passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli” b'risposta għall-Aġenda 2030. Il-Komunikazzjoni ppreżentat stampa ta' dak li qed tagħmel l-UE biex tikkontribwixxi għall-Aġenda 2030 billi tissottolinja l-politiki ewlenin tal-UE għal kull wieħed mis-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli. Hija spjegat ukoll kif l-10 prijoritajiet ta' din il-Kummissjoni għall-perjodu bejn l-2014 u l-2019 jikkontribwixxu għall-Aġenda globali 2030. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll it-tnedija ta' pjattaforma Ewropea f'livell għoli b'bosta partijiet ikkonċernati, preseduta mill-Ewwel Viċi President Timmermans, bi rwol fil-ħidma ta' segwitu u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli.

Fit-13 ta' Settembru 2017, il-President, fl-ittra ta' intenzjoni tiegħu li akkumpanjat id-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, ħabbar li kien se jkun hemm Dokument ta' Riflessjoni intitolat “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” dwar is-segwitu għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, inkluż dwar il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima.

Id-dokument ta' riflessjoni tal-lum huwa akkumpanjat minn sett ta' annessi li janalizzaw il-prestazzjoni u l-miżuri riċenti li ttieħdu mill-UE b'rabta mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. Il-kontribuzzjoni tal-pjattaforma ta' livell għoli b'bosta partijiet ikkonċernati tal-UE hija mehmuża wkoll.

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva: Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030

Dokument ta' riflessjoni: Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030

Annessi tad-dokument ta' riflessjoni tal-lum:

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Rapport tal-UE tal-2019 dwar Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp

White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa (1 ta' Marzu 2017) u dokumenti ta' riflessjoni preċedenti

Rapport ta' monitoraġġ tal-Eurostat dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli

Pjaneta nadifa għal kulħadd: strateġija għal Ewropa newtrali għall-klima sal-2050

IP/19/701

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar