Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-suq tal-prodotti tal-ħalib: 99 % tal-istokkijiet tat-trab tal-ħalib xkumat issa nbiegħu

Brussell, I-24ta' jannar 2019

L-aħħar offerta li ntagħżlet għall-bejgħ tal-istokkijiet pubbliċi tat-trab tal-ħalib xkumat tfisser li 99% tal-istokkijiet totali li l-Kummissjoni kienet xtrat u ġġestiet issa nbiegħu.

Wara l-kriżi fis-suq ta' bejn l-2015-2016, l-istokkijiet inbiegħu b'mod kawt li żamm il-bilanċ fis-suq u sostna l-irkupru tas-settur tal-ħalib.

B'kollox, bejn l-2015 u l-2017 il-Kummissjoni xtrat 380,000 tunnellata ta' trab tal-ħalib xkumat permezz ta' intervent pubbliku, biex tistabbilizza s-suq u ssostni d-dħul tal-bdiewa. Lejn tmiem l-2016 il-Kummissjoni fetħet proċess ta' sejħiet għall-offerti, li fil-bidu kienu qed isir kull xahar u mbagħad sar kull xahrejn, biex tbiegħ il-prodotti lura fis-suq ftit ftit b'mod kawt.

Il-Kummissarju għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan, qal: “Din l-aħħar offerta tagħmel ġustizzja mal-approċċ kawt tal-Kummissjoni fl-amministrazzjoni tagħha tal-istokk ta' trab tal-ħalib xkumat, li issa 99% fil-mija tiegħu rnexxielha tqiegħdu lura fis-suq. L-għan tiegħi dejjem kien li jintuża l-intervent pubbliku bħala mezz biex nipproteġu d-dħul tal-bdiewa, u għalhekk irreżistejna s-sejħiet li kellna tul dawn l-aħħar tliet snin li ssuġġerewlna diversi modi kif għandna nnaqqsu l-istokkijiet, saħansitra anki billi sempliċiment neqirduhom. L-ebda waħda minn dawn l-għażliet ma kienet twassalna għar-riżultati li ksibna issa. Għall-kuntrarju, l-approċċ ta' paċenzja li ħadna żgura mhux biss li jitħares id-dħul tal-bdiewa Ewropej li jipproduċu l-prodotti tal-ħalib, iżda li jitħarsu wkoll l-interessi tal-kontribwenti Ewropej. L-intervent pubbliku dwar it-trab tal-ħalib xkumat wera ruħu bħala għodda effettiva, speċjalment meta dan intuża b'mod responsabbli u effettiv, u s-sejħiet għall-offerti tal-lum u ta' qabel huma dimostrazzjoni ċara tal-impenn tal-Kummissjoni Ewropea biex issostni lill-bdiewa Ewropej meta jkun hemm il-bżonn. Juri wkoll li-Politika Agrikola Komuni toffri ħajt ta' kenn effettiv meta jkun hemm disturbi tas-suq bħal dawk li rajna bejn l-2014-2016.”

Sentejn wara li nbeda l-proċess l-imħażen huma vojta u l-prezz tal-ħalib għola għal 36 ċenteżmu l-kilogramma meta mqabbel ma' 26 ċenteżmu l-kilogramma fis-sajf tal-2016.

Il-proċess tas-sejħa għall-bejgħ huwa ddokumentat online bi trasparenza sħiħa fil-portal tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib. Wara l-bejgħ ta' 18,514 tunnellata tal-lum, fadal 1% tal-istokk oriġinali tat-trab tal-ħalib xkumat, jiġifieri fadal biss 4,000 tunnellata mill-istokk oriġinali ta' 380,000 tunnellata. Mill-14-il Stat Membru li kienu qegħdin jaħżnu t-trab tal-ħalib xkumat għall-Kummissjoni, erbgħa minnhom biss fadlilhom xi stokkijiet żgħar.

Is-sejħa għall-offerti li jmiss se ssir fis-7 ta' Frar.

Għal aktar informazzjoni

L-iskeda ta' Informazzjoni “managing the EU dairy market 2014-2019”

L-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib

Ħarsa ġenerali lejn il-ħażniet u l-offerti

IP/19/623

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar