Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Intgħażlu l-ewwel 17-il università permezz tal-inizjattiva tal-“Universitajiet Ewropej”: pass kbir 'il quddiem biex tinbena Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

Brussell, is-26ta' gunju 2019

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħabbret l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-Ewropa kollha li se jkunu parti mill-ewwel alleanzi tal-Universitajiet Ewropej. Dawn se jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni għolja Ewropea, se jagħmluha iktar attraenti, u se jixprunaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, kif ukoll bejn l-istudenti u l-persunal tagħhom.

Mill-54 applikazzjoni li rċeviet fil-kuntest tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, il-Kummissjoni għażlet 17-il università (ara l-Anness), li abbażi ta' evalwazzjoni mwettqa minn 26espert estern indipendenti, fosthom retturi, professuri u riċerkaturi, jinvolvu 114-il istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja minn 24 Stat Membru. L-Universitajiet Ewropej huma alleanzi transnazzjonali ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-UE kollha li jikkondividu strateġija fit-tul u li jippromwovu l-valuri u l-identità Ewropej. L-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ b'mod sinifikanti l-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal, u li tkattar il-kwalità, l-inklużività u l-kompetittività tal-edukazzjoni għolja Ewropea.

Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, stqarr:“Kuntent ħafna bl-ambizzjoni tal-ewwel 17-il università tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, li se jservu ta' mudell għall-oħrajn fl-UE kollha. Bis-saħħa tagħhom, il-ġenerazzjonijiet li jmiss ta' studenti se jesperjenzaw l-Ewropa billi jsiefru biex jistudjaw f'pajjiżi differenti minn tagħhom. Jien konvint li din l-inizjattiva, li hija element importanti taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, se twassal għal bidla reali fl-edukazzjoni għolja fl-Ewropa, billi se tagħti spinta lill-eċċellenza u lill-inklużjoni.

L-għażla tal-Universitajiet Ewropej tinkludi firxa wiesgħa ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-UE kollha, minn universitajiet tax-xjenzi applikati, minn universitajiet tekniċi, minn universitajiet tal-Belle Arti u minn universitajiet komprensivi u intensivi fir-riċerka.

L-Universitajiet Ewropej se jsiru kampusijiet interuniversitarji fejn l-istudenti, il-kandidati għal dottorat, il-persunal u r-riċerkaturi jistgħu jiċċaqilqu fihom mingħajr xkiel. Dawn se jiġbru flimkien l-għarfien espert, il-pjattaformi u r-riżorsi tagħhom biex iwasslu kurrikuli jew moduli konġunti li jkopru diversi dixxiplini. Dawn il-kurrikuli se jkunu flessibbli ħafna u se jippermettu lill-istudenti jippersonalizzaw l-edukazzjoni tagħhom, billi jkunu jistgħu jagħżlu x'se jistudjaw, fejn u meta se jistudjaw, u jiksbu lawrja Ewropea. L-Universitajiet Ewropej se jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tar-reġjuni fejn jinsabu, peress li l-istudenti tagħhom se jaħdmu mill-qrib mal-kumpaniji, mal-awtoritajiet muniċipali, mal-akkademiċi u mar-riċerkaturi sabiex isibu soluzzjonijiet għall-isfidi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni tagħhom.

Bħala total, il-baġit disponibbli għall-ewwel 17-il università tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej” se jilħaq il-€85 miljun. Kull alleanza se tirċievi sa5 miljun fit-tliet snin li ġejjin sabiex tibda timplimenta l-pjanijiet tagħha u twitti t-triq għal istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni għolja mill-UE kollha biex jimxu fil-passi tagħha. Il-progress ta' kull alleanza se jiġi mmonitorjat mill-qrib.

Din l-ewwel sejħa – flimkien mat-tieni waħda li se ssir din il-ħarifa – se tittestja mudelli differenti għall-implimentazzjoni tal-kunċett il-ġdid tal-Universitajiet Ewropej u l-potenzjal tiegħu li jagħti spinta lill-edukazzjoni għolja. Għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet li timplimenta għalkollox l-inizjattiva Universitajiet Ewropej fil-qafas tal-Programm Erasmus+, b'żieda sinifikanti fil-baġit. Filwaqt li xi alleanzi huma komprensivi u jkopru d-dixxiplini kollha, oħrajn pereżempju qed jiffukaw fuq is-sostenibbiltà kostali urbana, ix-xjenzi soċjali jew is-saħħa globali. Kull alleanza hija magħmula minn medja ta' seba' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja minn kull parti tal-Ewropa, li jwasslu għal sħubijiet ġodda. Dan jirrifletti d-distribuzzjoni tal-applikazzjonijiet li l-Kummissjoni rċeviet mid-diversi pajjiżi.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet din l-inizjattiva l-ġdida lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qabel is-Summit Soċjali ta' Gothenburg f'Novembru 2017. L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2017, li sejjaħ għal minn tal-inqas 20 università Ewropea sal-2024 u hija parti mill-ispinta biex tiġi stabbilita Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025.

Il-kunċett tal-Universitajiet Ewropej ġie żviluppat flimkien mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u mal-organizzazzjonijiet tal-istudenti, u attira applikazzjonijiet minn 54 alleanza li jinvolvu iktar minn 300 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja minn 28 Stat Membru u minn Pajjiżi oħra tal-Programm Erasmus+. Dawn wieġbu għal sejħa tal-Programm Erasmus+ dwar l-“Universitajiet Ewropej” li saret f'Ottubru 2018.

Is-€60 miljun li oriġinarjament ġew imwarrba għal din l-inizjattiva l-ġdida tal-Programm Erasmus+ żdiedu għal €85 miljun, u b'hekk jistgħu jiġu ffinanzjati 17-il alleanza minflok it-12-il alleanza previsti inizjalment.

Għal iktar informazzjoni

Skeda informattiva

L-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej

Informazzjoni dwar is-Sejħa għall-Proposti

 

IP/19/3389

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos


Documents


ANNEX.pdf