Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Nhar il-Ħadd l-UE se tiffirma l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment mal-Vjetnam

Brussell, il-25ta' gunju 2019

Illum il-Kunsill tal-Ministri approva l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Vjetnam u b'hekk witta t-triq għall-iffirmar u l-konklużjoni tagħhom. Nhar il-Ħadd 30 ta' Ġunju l-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Cecilia Malmström u l-Ministru Rumen għan-Negozju, il-Kummerċ u l-Intraprenditorija Ștefan-Radu Oprea se jiffirmaw il-ftehim f'isem l-UE f'Hanoi. Il-ftehimiet mistennija jġibu benefiċċji bla preċedent għall-kumpaniji, il-konsumaturi u l-ħaddiema Ewropej u dawk Vjetnamiżi, filwaqt li jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema, għall-protezzjoni ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal: “Nilqa' d-deċiżjoni li ttieħdet illum mill-Istati Membri tal-UE. Wara l-ftehimiet ma' Singapore, il-ftehimiet mal-Vjetnam huma t-tieni sensiela li ġew konklużi bejn l-UE u pajjiż fix-Xlokk tal-Asja, u jirrappreżentaw tranżizzjoni għal impenn akbar bejn l-Ewropa u r-reġjun. Huma wkoll dikjarazzjoni politika minn żewġt isħab u ħbieb li huma favur kummerċ miftuħ, ġust u bbażat fuq regoli.”

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström qalet: “Kuntenta ħafna li l-Istati Membri approvaw il-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment mal-Vjetnam. Il-Vjetnam huwa suq b'saħħtu u promettenti b'aktar minn 95 miljun konsumatur u ż-żewġ naħat għandhom ħafna x'jiggwadanjaw minn relazzjonijiet kummerċjali aktar b'saħħithom. Lil hinn mill-benefiċċji ekonomiċi ċari, dan il-ftehim għand wkoll l-għan li jsaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll li jħares l-ambjent u d-drittijiet tal-ħaddiema. Nilqa' l-impenn tal-Vjetnam fil-proċess sal-lum – ir-ratifika riċenti tal-Konvenzjoni dwar in-negozjar kollettiv tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol hija eżempju eċċellenti dwar kif il-ftehimiet kummerċjali jistgħu jwasslu għal standards aktar għoljin.”

Il-ftehim kummerċjali se jelimina kważi d-dazji doganali kollha fuq il-prodotti nnegozjati bejn iż-żewġ naħat b'mod progressiv li jirrispetta bis-sħiħ il-bżonnijiet ta' żvilupp tal-Vjetnam. Il-ftehim jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi li jneħħu l-ostakli, bħal dawk fuq is-settur tal-karozzi, u se jiżguraw li l-169 prodott tal-ikel u tax-xorb tradizzjonali Ewropej li huma rikonoxxuti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi jiġu protetti fil-Vjetnam. Bis-saħħa tal-ftehim il-kumpaniji Ewropej se jkunu jistgħu wkoll jipparteċipaw f'sejħiet għal offerti fil-Vjetnam bl-istess mod bħall-kumpaniji domestiċi.

Minbarra li joffru opportunitajiet ekonomiċi sinifikanti, l-UE u l-Vjetnam ftiehmu dwar miżuri b'saħħithom dwar l-iżvilupp sostenibbli. Dan jinkludi impenn għall-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima. Il-ftehim jimpenja wkoll liż-żewġ naħat li jirrispettaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organisation, ILO) rigward id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema; Għal dan il-għan, riċentement il-Vjetnam irratifika il-Konvenzjoni tal-ILO dwar in-negozjar kollettiv u avża lill-UE dwar l-intenzjoni tiegħu li jirratifika iż-żewġ konvenzjonijiet fundamentali pendenti tal-ILO sa mhux aktar tard mill-2023. Il-Vjetnam jinsab fil-proċess li jsaħħaħ il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar ix-xogħol. Il-ftehim jistabbilixxi wkoll pjattaformi apposta biex l-UE u l-Vjetnam jinvolvu s-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji.

Barra minn hekk, il-ftehim kummerċjali jinkludi rabta istituzzjonali u legali mal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam, li jippermetti azzjoni xierqa f'każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-ftehim dwar il-protezzjoni tal-investiment jinkludi regoli moderni dwar il-protezzjoni tal-investiment infurzabbli permezz tas-Sistema l-ġdida ta' Qorti tal-Investiment u jiżgura li jinżamm id-dritt tal-gvernijiet taż-żewġ naħat li jirregolaw skont l-interess taċ-ċittadini tagħhom. Dan se jissostitwixxi l-ftehimiet bilaterali ta' investiment li hemm fis-seħħ bħalissa bejn 21 Stat Membru u l-Vjetnam u jdaħħal fis-seħħ garanziji legali ġodda kontra l-kunflitt ta' interess u favur it-trasparenza.

Il-Passi li Jmiss

Wara l-approvazzjoni tal-Kunsill, il-ftehimiet se jiġu ffirmati mill-UE u l-Vjetnam u jiġu ppreżentati għall-kunsens tal-Parlament Ewropew. Ladarba l-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu, il-Kunsill ikun jista' jikkonkludi l-ftehim kummerċjali uffiċjalment u jidħol fis-seħħ, filwaqt li l-ftehim dwar il-protezzjoni tal-investiment se jkollu jiġi ratifikat l-ewwel mill-Istati Membri b'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

Sfond

Il-Vjetnam huwa t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fir-reġjun tal-ASEAN wara Singapore, b'kummerċ li jiswa EUR 49,3 biljun fir-rigward tal-prodotti u aktar minn EUR 3 biljuni f'servizzi. Filwaqt li l-istokk ta' investiment tal-UE fil-Vjetnam għadu modest u fl-2017 ammonta għal EUR 6 biljun biss, għadd dejjem qed jikber ta' kumpaniji Ewropej qed jistabbilixxu ruħhom hemmhekk biex jitwaqqaf ċentru li jaqdi r-reġjun ta' Mekong. L-importazzjonijiet ewlenin tal-UE mill-Vjetnam jinkludu tagħmir tat-telekomunikazzjonijiet, żraben u tessuti, għamara u prodotti agrikoli. Il-parti l-kbira tal-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Vjetnam jinkludu oġġetti bħal makkinarju u tagħmir tat-trasport, sustanzi kimiċi u ikel u xorb.

Il-ftehimiet li ntlaħqu mal-Vjetnam, flimkien ma' dawk li ġew iffirmati dawn l-aħħar ma' Singapore, jgħinu biex titwitta t-triq għal ftehim bejn reġjun u ieħor mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (l-ASEAN).

Għal aktar tagħrif

Paġni dwar il-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Vjetnam

Skeda informattiva

Gwida għall-ftehim

Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam

IP/19/3388

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos