Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tal-Enerġija: Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex ikunu aktar ambizzjużi fil-pjanijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi

Brussell, it-18ta' gunju 2019

Illum il-Kummissjoni ppubblikat il-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE, u b'mod partikolari l-miri miftiehma tal-UE dwar l-enerġija u l-klima għall-2030.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni sabet li l-pjanijiet nazzjonali diġà jirrappreżentaw sforzi sinifikanti iżda tindika diversi oqsma fejn hemm lok għal aktar titjib, b'mod partikolari fir-rigward ta' politiki mmirati u individwalizzati li jiżguraw li nilħqu l-miri tal-2030 u li nibqgħu fit-triq lejn in-newtralità tal-klima fuq perjodu ta' żmien itwal. L-Unjoni Ewropea hija l-ewwel fost l-ekonomiji ewlenin li stabbiliet qafas legalment vinkolanti biex twettaq il-wegħdiet tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi u din hija l-ewwel darba li l-Istati Membri ħejjew abbozzi ta' pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima (NECPs). Madankollu, l-pjanijiet bħalissa mhumiex suffiċjenti kemm f'termini ta' sorsi rinnovabbli kif ukoll f'termini ta' kontributi għall-effiċjenza enerġetika, u biex nilħqu l-għanijiet kumplessivi tal-UE għall-klima u l-enerġija jeħtieġ li b'mod kollettiv inkunu aktar ambizzjużi.

Il-Viċi President tal-Unjoni tal-Enerġija, Maroš Šefčovič, qal: “B'dawn l-ewwel pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima l-Unjoni tal-Enerġija waslet fil-livell nazzjonali: l-Istati Membri kollha, bħall-UE, jippreżentaw politiki għat-tranżizzjoni tal-klima u l-enerġija b'mod integrat u b'perspettiva ta' għaxar snin. L-Istati Membri kollha pproduċew abbozzi impressjonanti fi żmien relattivament qasir, iżda l-ebda abbozz ma jista' jkun perfett. Il-pjanijiet finali huma mistennija sa tmiem is-sena u r-rakkomandazzjonijiet tagħna juru fejn huma meħtieġa aktar sforzi: pereżempju, aktar ambizzjoni, aktar dettall tal-politika, ħtiġijiet ta' investiment speċifikati aħjar, jew aktar ħidma fuq il-ġustizzja soċjali. Iċ-ċarezza u l-prevedibbiltà huma vantaġġ kompetittiv reali għall-politika Ewropea għall-enerġija u l-klima. Ejja nieħdu l-aħjar li nistgħu minn din l-opportunità u nagħtu spinta finali lill-pjanijiet nazzjonali.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete qal: “F'Novembru li għadda pproponejna li l-Unjoni Ewropea għandha tkun newtrali għall-klima sal-2050. Fil-passat urejna u wittejna t-triq 'il quddiem. Bi pjaċir qed nara li għadd dejjem jikber ta' Stati Membri qed isegwu l-eżempju tagħna u qed jaħdmu lejn dak l-għan. Wara evalwazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri, ninsab pożittiv dwar l-isforzi sinifikanti li saru. Madankollu, hemm bżonn jerġa' aktar ambizzjoni fil-pjanijiet finali biex l-UE titqiegħed fit-triq it-tajba fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija tagħna. Nistieden lill-Kunsill jiftaħ dibattitu dwar il-prijoritajiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni u jgħin biex niżguraw li l-pjanijiet finali jkun fihom livell adegwat ta' ambizzjoni.”

L-UE hija impenjata li żżomm mal-impenji tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra u tipproduċi enerġija sigura, affordabbli u sostenibbli għaċ-ċittadini tagħha. Ħloqna sistema unika ta' governanza tal-enerġija u tal-klima fejn kemm l-Unjoni u kif ukoll l-Istati Membri tagħha jippjanaw flimkien u jilħqu l-miri tagħna għall-2030 b'mod kollettiv u jwettqu tranżizzjoni soċjalment ġusta u kosteffettiva lejn ekonomija newtrali għall-klima sal-2050.

Fl-analiżi tagħha tal-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali, il-Kummissjoni ħarset lejn il-kontribut aggregat tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri għall-2030 tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE. Kif inhuma bħalissa, l-abbozzi tal-NECPs ma joffrux biżżejjed kontributi, la għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u lanqas għall-effiċjenza enerġetika. Għas-sorsi rinnovabbli, id-distakk jista' saħansitra jkun daqs 1.6 punti perċentwali. Għall-effiċjenza enerġetika, id-distakk jista' saħansitra jkun daqs 6.2 punti perċentwali (jekk jitqies il-konsum tal-enerġija primarja) jew 6 punti perċentwali (jekk jitqies il-konsum tal-enerġija finali).

L-aħbar it-tajba hi li l-Istati Membri issa għandhom sitt xhur biex jgħollu l-livell ta' ambizzjoni nazzjonali tagħhom. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-valutazzjonijiet dettaljati għandhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri jiffinalizzaw il-pjanijiet tagħhom sa tmiem l-2019, u jimplimentawhom b'mod effettiv fis-snin li ġejjin. Il-pjanijiet nazzjonali għandhom ikunu ċari u prevedibbli għan-negozji u għas-settur tal-finanzi biex jistimulaw l-investimenti privati meħtieġa. Il-pjanijiet se jiffaċilitaw ukoll il-programmazzjoni tal-finanzjament tal-Istati Membri mill-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss ta' bejn l-2021 u l-2027.

 

Il-passi li jmiss

Il-liġijiet tal-UE dwar l-Unjoni tal-Enerġija jirrikjedu lill-Istati Membri jqisu kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jew li jippubblikaw ir-raġunijiet tagħhom biex ma jqisuhomx. L-Istati Membri huma wkoll meħtieġa li jinvolvu lill-pubbliku fit-tħejjija tal-pjanijiet finali sa tmiem is-sena.

L-iskadenza biex jintbagħtu l-pjanijiet finali hija stabbilita għall-31 ta' Diċembru 2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-lum u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huma parti minn proċess reċiproku mal-Istati Membri li se jiżgura li sa dak iż-żmien il-verżjonijiet finali tal-NECPs ikunu dettaljati, robusti u ambizzjużi biżżejjed.

Il-Kummissjoni Ewropea hija lesta li tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiffinalizzaw l-NECPs tagħhom sa tmiem l-2019, billi tibni fuq il-proċess ta' kooperazzjoni eċċellenti li jeżisti llum.

 

Kuntest

L-Istati Membri huma meħtieġa, skont ir-Regolament il-ġdid dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika (parti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha), li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2018, li jistabbilixxu pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima ta' għaxar snin għall-perjodu mill-2021 sal-2030.

L-Istati Membri kellhom jippreżentaw l-abbozzi tal-NECPs tagħhom sa tmiem l-2018, li mbagħad kellhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni fil-fond mill-Kummissjoni. Ir-Regolament jiddikjara li jekk l-abbozzi tal-NECPs ma jikkontribwixxux biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija – b'mod individwali u/jew kollettiv – il-Kummissjoni tista', sal-aħħar ta' Ġunju 2019, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex jemendaw l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom.

L-NECPs finali għall-perjodu 2021-2030 iridu jiġu ppreżentati mill-Istati Membri sa tmiem l-2019.

 

Għal aktar tagħrif

Mistoqsijiet u tweġibiet

Skeda informattiva dwar il-pakkett globali

NECPs

Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija

Komunkazzjoni Pjaneta Nadifa għal Kulħadd – Strateġija għad-dekarbonizzazzjoni għall-2050

 

IP/19/2993

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos