Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE 2021-2027: Il-Kummissjoni tappella lill-mexxejja biex jistabbilixxu pjan direzzjonali biex jintlaħaq ftehim fil-ħarifa

Brussell, it-13ta' gunju 2019

Qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-20 u l-21 ta' Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea qed issejjaħ lill-mexxejja biex jagħmlu pressjoni biex imexxu ‘l quddiem in-negozjati dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE 2021–2027 biex ikun jista' jintlaħaq ftehim sal-ħarifa. Il-ftehim huwa fil-qrib, iżda għad fadal ħafna xogħol xi jsir, peress li hemm ħafna x'nitilfu.

F'Komunikazzjoni ppubblikata llum, il-Kummissjoni tħares lejn dak li nkiseb s'issa u tidentifika l-kwistjonijiet pendenti ewlenin li jeħtieġ li jiġu indirizzati, u twitti t-triq għal ftehim malajr. Iż-żmien għaddej u d-dewmien għall-baġit tal-futur tal-UE jiswa ħafna flus. Jekk ma jkunx hemm ftehim fil-ħin, dan jaffettwa lill-istudenti, il-bdiewa u r-riċerkaturi, kif ukoll lil ħaddieħor li jibbenefika mill-baġit tal-UE. Il-baġit fit-tul attwali tal-UE 2014–2020 ġie adottat sitt xhur tard b'konsegwenzi negattivi għal kull ċittadin, fl-Istati Membri tagħna u lil hinn (ara l-Anness).

Biex jiġi evitat xenarju simili, illum il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew jistabbilixxi pjan direzzjonali biex jintlaħaq ftehim dwar il-baġit fit-tul tal-UE fil-ħarifa u tistieden lill-Kunsill biex imexxi l-ħidma ‘l quddiem bħala kwistjoni ta' prijorità.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Diġà sar ħafna xogħol biex titressaq il-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit fit-tul tal-UE tal-ġejjieni. Jiena nifraħ lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri fil-Kunsill għall-ħidma u l-impenn tagħhom. Issa huwa ż-żmien li ningranaw. Bl-ogħla rata ta' parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej fl-aħħar 20 sena u b'kampanja aktar iffokata fuq kwistjonijiet Ewropej minn qatt qabel, l-2019 hija sena ta' tiġdid għall-Unjoni tagħna. Ftehim dwar il-baġit futur tagħna mhuwiex biss li l-kontijiet ikun jaqblu iżda jinvolvi li nqabblu l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet tagħna mal-mezzi baġitarji t-tajba. Ir-riskji huma kbar iżda b'kuraġġ u rieda politika, hemm ċans li jintlaħaq ftehim sal-ħarifa.”

Il-Kummissarju Ewropew inkarigat mill-Baġit u r-Riżorsi Umani, Günther H. Oettinger, qal: “Bis-saħħa tal-ħidma tajba ta' tliet Presidenzi konsekuttivi tal-Kunsill, diġà ilħaqna ftehim parzjali dwar 12-il fajl settorjali, filwaqt li n-negozjati jistgħu jibdew wara l-16. B'mod speċjali huwa meħtieġ ftehim dwar il-qafas ġenerali. Jeħtieġ li dan jintlaħaq malajr kemm jista' jkun – f'isem l-istudenti, il-bdiewa u r-riċerkaturi tagħna, fost ħafna oħrajn li jiddependu fuq il-baġit tal-UE .”

F'Mejju u Ġunju 2018, il-Kummissjoni ressqet proposta għal baġit fit-tul ġdid u modern, strettament immirat lejn il-prijoritajiet tal-Unjoni, inklużi l-proposti leġiżlattivi għat-37-il programm settorjali. Fuq din il-bażi, diġà sar ħafna xogħol kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-Kunsill. Sar progress dwar il-qafas ġenerali; ħafna mill-proposti settorjali ġew tal-inqas parzjalment magħluqa.

Matul in-negozjati, ħafna mill-elementi li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet inizjalment kienu diġà rċevew appoġġ wiesa' mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dawn jinkludu:

  • enfasi aktar b'saħħitha fuq il-valur miżjud Ewropew;
  • l-istruttura ssimplifikata u aktar trasparenti tal-baġit futur;
  • it-tnaqqis fl-għadd ta' programmi u l-ħolqien ta' programmi integrati ġodda f'oqsma bħal investiment fin-nies, is-suq uniku, l-investimenti strateġiċi u d-drittijiet u l-valuri;
  • iż-żieda fl-enfasi fuq is-sinerġiji bejn l-istrumenti;
  • is-simplifikazzjoni tar-regoli ta' finanzjament;
  • aktar flessibbiltà biex tiġi żgurata reazzjoni rapida f'dinja li qed tinbidel b'mod mgħaġġel.

Qed isir ukoll progress fid-diskussjonijiet dwar il-proposti li ġejjin:

  • L-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività għaż-żona tal-euro;
  • Il-mekkaniżmu l-ġdid li jiżgura li n-nuqqasijiet ġeneralizzati fl-istat tad-dritt ma jqegħdux f'riskju l-baġit tal-UE;
  • Il-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi mmodernizzat in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE.

Fl-istess ħin, kwistjonijiet politiċi ewlenin, b'mod partikolari l-aspetti finanzjarji, għadhom qed jiġu diskussi. Issa wasal iż-żmien li jiġu indirizzati. Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju għandu jniedi fażi ġdida ta' negozjati politiċi b'enfasi dejjem akbar fuq kwistjonijiet finanzjarji u kwistjonijiet strateġiċi oħra. Dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li jintlaħaq ftehim f'waqtu u li l-programmi l-ġodda jibdew joperaw sal-1 ta' Jannar 2021.

It-twassil fil-ħin tal-baġit futur ifisser riżultati konkreti għall-Ewropej kollha: Dan joħloq għexieren ta' eluf ta' impjiegi fir-riċerka fl-2021 diġà u ħafna iktar fl-ekonomija usa'. Dan ikun jiżgura li iktar minn 100,000 proġett ta' Politika ta' Koeżjoni jibdew fil-ħin, jippermetti li 1,000,000 żagħżugħ u żagħżugħa jibbenefikaw minn skambju tal-Erasmus u jippermetti li 40,000 żagħżugħ u żagħżugħa jieħdu sehem f'azzjoni ta' solidarjetà madwar l-Ewropa fl-2021. Dan jappoġġa n-negozji l-ġodda u l-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju biex iwettqu l-investimenti tagħhom, iżid sostanzjalment l-investimenti u l-kapaċitajiet fid-difiża u jgħin biex jipproteġi l-fruntieri tal-Unjoni mit-traffikar, il-kuntrabandu u l-frodi.

It-tlestija tal-ħidma dwar il-qafas futur u l-programmi ta' nfiq fil-ħin biex ikunu jistgħu jiġu implimentati b'mod sħiħ sal-1 ta' Jannar 2021 se tkun ta' sfida, iżda tista' ssir, bil-kundizzjoni li l-Kunsill Ewropew ikun fuq quddiem.

Informazzjoni ġenerali

Fit-2 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ressqet proposta għal baġit modern, ibbilanċjat u ġust biex jinkisbu l-prijoritajiet tal-Ewropa kif stabbiliti mill-Mexxejja fi Bratislava fl-2016 u f'Ruma fl-2017. Il-proposta ġiet segwita mill-ewwel minn proposti leġiżlattivi għal 37 programm settorjali li jagħmlu parti mill-baġit fit-tul tal-ġejjieni. Fuq din il-bażi soda, il-Kummissjoni ħadmet id f'id mal-Presidenza Bulgara, dik Awstrijaka u dik Rumena biex in-negozjati jimxu ‘l quddiem.

Fir-rigward taż-żmien, mill-bidu nett, il-Kummissjoni kienet favur skeda ta' żmien ambizzjuża. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2018, il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal ftehim fil-Kunsill Ewropew fil-ħarifa tal-2019. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib ħafna mal-Presidenzi attwali u futuri, u b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, biex jinkiseb dan l-objettiv.

Għal Aktar Informazzjoni

-Skeda informattiva (it-13 ta' Ġunju 2019)

-il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ Pjan direzzjonali għal ftehim dwar il-baġit fit-tul tal-Unjoni għall-2021–2027 (it-13 ta' Ġunju 2019)

Stqarrija għall-istampa dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2018 għall-baġit fit-tul li jmiss tal-Ewropa

Il-baġit tal-UE għall-futur

 
 

ANNESS ta'IP/19/2952, 13/06/2019

Kull dewmien fl-adozzjoni tal-baġit tal-UE se jkollu konsegwenzi għaċ-ċittadini u għan-negozji.

Annex

IP/19/2952

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos