Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ewropa li tipproteġi: L-UE tirrapporta dwar il-progress fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew

Brussell, I-14ta' gunju 2019

Illum il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jirrapportaw dwar il-progress miksub fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u dwar it-tagħlimiet ewlenin misluta mill-elezzjonijiet Ewropej, bħala kontribut għad-diskussjonijiet tal-mexxejja tal-UE l-ġimgħa d-dieħla.

Il-protezzjoni tal-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi mid-diżinformazzjoni hija sfida ewlenija għas-soċjetajiet madwar id-dinja kollha. Biex tindirizza dan, l-UE wriet il-kapaċità tagħha ta' tmexxija u daħħlet fis-seħħ qafas b'saħħtu għall-azzjoni kkoordinata, b'ħarsien sħiħ tal-valuri u d-drittijiet fundamentali Ewropej. Il-Komunikazzjoni konġunta tal-lum tistabbilixxi kif il-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni u l-Pakkett għall-Elezzjonijiet għenu fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u biex jippreservaw l-integrità tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. 

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE u l-Viċi President Federica Mogherini, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà Julian King u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel qalu fi stqarrija konġunta:

“Il-parteċipazzjoni għolja rekord fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew issottolinjat l-interess imsaħħaħ taċ-ċittadini fid-demokrazija Ewropea. L-azzjonijiet tagħna, inkluż it-twaqqif ta' netwerks elettorali fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew, għenu biex nipproteġu d-demokrazija tagħna mit-tentattivi ta' manipulazzjoni.

Ninsabu fiduċjużi li l-isforzi tagħna kkontribwew biex jiġi limitat l-impatt tal-operazzjonijiet ta' diżinformazzjoni, inkluż minn atturi barranin, permezz tal-koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Membri. Madankollu, fadal ħafna xi jsir. Fil-verità l-elezzjonijiet Ewropej ma kinux għalkollox liberi mid-diżinformazzjoni; dan m'għandniex naċċettawh bħala norma ġdida. Imħuħ malizzjużi jbiddlu l-istrateġiji tagħhom b'mod kostanti. Irridu nagħmlu ħilitna biex inkunu pass qabilhom. Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni hija sfida komuni u fit-tul għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-Istati Membri.

Qabel l-elezzjonijiet kellna evidenza ta' mġiba malizzjuża u koordinata li t-tir tagħha kien li xxerred materjal diviżiv fuq il-pjattaformi online, inkluż permezz ta' bots u accounts foloz. Għaldaqstant il-pjattaformi online għandhom responsabbiltà partikolari biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni. Bl-appoġġ attiv tagħna, Facebook, Google u Twitter għamlu ċertu progress bis-saħħa tal-Kodiċi ta' Prattika dwar id-diżinformazzjoni. L-aħħar rapporti ta' kull xahar, li qed nippubblikaw illum, jikkonfermaw din ix-xejra. Issa qed nistennew li l-pjattaformi online jżommu l-momentum u jżidu l-isforzi tagħhom, u jimplimentaw l-impenji kollha skont il-Kodiċi.”

Filwaqt li għadu kmieni wisq biex wieħed jasal għall-konklużjonijiet finali dwar il-livell u l-impatt tad-diżinformazzjoni fl-elezzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew, huwa ċar li l-azzjonijiet meħuda mill-UE — flimkien ma' bosta ġurnalisti, verifikaturi tal-fatti, pjattaformi, awtoritajiet nazzjonali, riċerkaturi u s-soċjetà ċivili — għenu biex jiskoraġġixxu l-attakki u jesponu t-tentattivi ta' interferenzi fil-proċessi demokratiċi tagħna. Iż-żieda fl-għarfien pubbliku għamlitha aktar diffiċli għall-atturi bi skopijiet malizzjużi biex jimmanipulaw id-dibattitu pubbliku.

B'mod partikolari, l-azzjoni tal-UE ffukat fuq erba' aspetti komplementari: 

  1. L-UE saħħet il-kapaċitajiet tagħha biex tidentifika u tiġġieled id-diżinformazzjoni permezz tat-Task Forces ta' Komunikazzjoni Strateġika u ċ-Ċellola ta' Fużjoni tal-UE Kontra t-Theddid Ibridu fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Tejbet ukoll ir-rispons ikkoordinat billi waqqfet Sistema ta' Twissija Rapida biex tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. 
  1. L-UE ħadmet ma' pjattaformi online u mal-industrija permezz ta' Kodiċi ta' Prattika volontarju dwar id-diżinformazzjoni biex iżżid it-trasparenza tal-komunikazzjonijiet politiċi u jimpedixxu l-użu manipulattiv tas-servizzi tagħhom, u hekk tiżgura li l-utenti jkunu jafu għaliex jaraw kontenut politiku u reklami politiċi speċifiċi, minn fejn dawn ikunu ġejjin u min hu warajhom.
  1. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, għenu biex jiżdiedu l-għarfien u r-reżiljenza għad-diżinformazzjoni fis-soċjetà, b'mod partikolari permezz ta' aktar tixrid ta' messaġġistika bbażata aktar fuq il-fatti kif ukoll premezz ta' sforzi aktar b'saħħithom għall-promozzjoni tal-litteriżmu fil-media.
  1. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, appoġġat miżuri biex tiżgura l-integrità tal-elezzjonijiet u biex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi tal-Unjoni. It-twaqqif ta' netwerks elettorali fil-livell tal-UE kif ukoll nazzjonali, b'links għas-Sistema ta' Twissija Bikrija, tejjeb il-kooperazzjoni fuq it-theddid potenzjali.

Iżda għad fadal aktar xi jsir biex jiġu protetti l-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-UE. Id-diżinformazzjoni hija theddida li qed tevolvi malajr. It-tattiki użati minn atturi interni u esterni, b'mod partikolari dawk li għandhom rabtiet ma' sorsi Russi, qed jevolvu malajr daqs il-miżuri adottati mill-istati u mill-pjattaformi online. Jinħtieġu riċerka kontinwa u riżorsi umani adegwati sabiex jiġu miġġielda xejriet u prattiki ġodda, biex jiġu identifikati u esposti aħjar il-kampanji tad-diżinformazzjoni, u biex tiżdied it-tħejjija fil-livell tal-UE kif ukoll nazzjonali. 

Aġġornament permezz ta' pjattaformi online skont il-Kodiċi ta' Prattika

Il-pjattaformi online għandhom responsabbiltà partikolari biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni. Illum il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll l-aħħar rapporti ta' kull xahar minn Google, Twitter u Facebook skont il-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni li huwa awtoregolatorju. Ir-rapporti ta' Mejju jikkonfermaw ix-xejra fl-evalwazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Minn Jannar 'il hawn, il-pjattaformi kollha għamlu progress rigward it-trasparenza tar-reklamar politiku u rigward l-iżvelar pubbliku ta' dawn ir-reklami fil-libreriji li jipprovdu għodod utli għall-analiżi tal-infiq fuq ir-reklami minn atturi politiċi fl-UE kollha. Filwaqt li Facebook ħa l-passi biex jiżgura t-trasparenza tar-reklamar ibbażat fuq kwistjonijiet, Google u Twitter għad iridu jistinkaw biex ilaħħqu miegħu f'dan ir-rigward.

L-isforzi biex tiġi żgurata l-integrità tas-servizzi għenu biex ċekknu l-ambitu tat- tentattivi ta' manipulazzjoni mmirata lejn l-elezzjonijiet tal-UE, iżda jeħtieġ li l-pjattaformi jispjegaw aħjar kif l-eliminazzjoni ta' bots u ta' profili foloz illimita t-tixrid tad-diżinformazzjoni fl-UE. Google, Facebook u Twitter irrappurtaw titjib fl-iskrutinju tar-reklami pubbliċitarji biex jillimitaw il-prattiki malizzjużi tal-lixkar u biex inaqqsu d-dħul mir-reklamar għal dawk li jissupplixxu d-diżinformazzjoni. Madankollu, ma sarx biżżejjed progress fl-iżvilupp ta' għodod biex jiżdiedu t-trasparenza u l-affidabbiltà tas-siti web li jospitaw ir-reklami.

Minkejja l-kisbiet, għad fadal xi jsir: jeħtieġ li l-pjattaformi online kollha jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata li tippermetti li jiġu identifikati l-imħuħ malizzjużi involuti u l-Istati Membri mmirati. Dawn imisshom ukoll jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom mal-verifikaturi tal-fatti u jagħtu s-setgħa lill-utenti biex jidentifikaw id-diżinformazzjoni b'mod aħjar. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li l-pjattaformi jagħtu lill-komunità ta' riċerka aċċess effettiv għad-data, f'konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data personali. F'dan ir-rigward, l-inizjattiva reċenti meħuda minn Twitter biex jiġu rilaxxati settijiet ta' data rilevanti għal skopijiet ta' riċerka tiftaħ triq li tippermetti riċerka indipendenti dwar l-operazzjonijiet ta' diżinformazzjoni minn atturi bi skopijiet malizzjużi. Il-Kummissjoni tistieden lill-pjattaformi japplikaw ukoll il-politiki tat-trasparenza għar-reklamar politiku tagħhom fl-elezzjonijiet nazzjonali li jmiss.

Il-passi li jmiss

Kif deskritt fil-konklużjonijiet tiegħu f'Marzu, il-Kunsill Ewropew se jerġa' jqajjem il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-elezzjonijiet u tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni fis-Summit ta' Ġunju. Ir-rapport tal-lum se jikkontribwixxi għal dan id-dibattitu tal-mexxejja tal-UE li se jfasslu l-perkors favur azzjoni politika msaħħa.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għadhom impenjati li jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jipproteġu d-demokrazija tal-UE mid-diżinformazzjoni u mill-manipulazzjoni. Din is-sena wkoll, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett għall-elezzjonijiet u se tivvaluta l-effettività tal-Kodiċi ta' Prattika. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra aktar azzjonijiet biex tiżgura u ttejjeb ir-rispons tal-UE għat-theddida.

Kuntest

L-Unjoni Ewropea ilha tindirizza d-diżinformazzjoni b'mod attiv mill-2015. Wara deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2015, ġie mwaqqaf it-Task Force East StratCom tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), bħala sfida għall-kampanji għaddejjin tar-Russja għad-diżinformazzjoni. Fl-2016, ġie adottat il-Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, segwit fl-2018 mill-Komunikazzjoni Konġunta dwar iż-żieda tar-reżiljenza u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jindirizzaw theddid ibridu.

F'April 2018, il-Kummissjoni tat spjega ġenerali ta' approċċ Ewropew u tal-għodod awtoregolatorji li jindirizzaw id-diżinformazzjoni online. F'Ottubru 2018, il-Kodiċi ta' Prattika ġie ffirmat minn Facebook, Google, Twitter u Mozilla kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet kummerċjali li jirrappreżentaw il-pjattaformi online, l-industrija tar-reklamar, u dawk li jirreklamaw. Barra minn hekk, Facebook, Google u Twitter impenjaw ruħhom li jirrapportaw kull xahar dwar il-miżuri li ttieħdu qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) immonitorjat il-progress mill-qrib u ppubblikat valutazzjonijiet ta' kull xahar flimkien mar-rapporti ppreżentati. Barra minn hekk, fit-22 ta' Mejju Microsoft issieħbet mal-Kodiċi ta' Prattika u impenjat ruħha li tirrispetta l-impenji kollha tagħha.

Il-Kodiċi ta' Prattika jmur id f'id mar-Rakkomandazzjoni inkluża fil-pakkett għall-elezzjonijiet imħabbar mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu tal-2018 dwar l-Istat tal-Unjoni biex jiġu żgurati elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew liberi, ġusti u siguri. Il-miżuri jinkludu iktar trasparenza fir-reklamar politiku online u l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet għall-użu illegali tad-data personali biex jiġi influwenzat ir-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej. Ġie rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri jwaqqfu netwerks nazzjonali ta' kooperazzjoni fi kwistjonijiet elettorali u li jipparteċipaw f'netwerk elettorali Ewropew.

Għal Aktar Informazzjoni

Skeda informattiva: Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni — Aġġornament dwar l-implimentazzjoni

Rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni

Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni

Pakkett għall-iżgurar ta' elezzjonijiet Ewropej liberi u ġusti

Ir-rapporti ta' Mejju dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika

Kodiċi ta' Prattika — Mistoqsijiet u Tweġibiet

Paġna tal-elezzjonijiet Ewropej fuq is-sit web EUvsDisinfo

Segwina fuq Twitter: @FedericaMog, @Ansip_EU, @VeraJourova, @JKingEU, @GabrielMariya

@EUvsDisinfo

@EU_MediaLit

 

IP/19/2914

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos



Photos