Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Madwar l-UE kollha issa japplikaw regoli u garanziji ġodda fil-proċedimenti kriminali

Brussell, il-11ta' gunju 2019

Illum, tibda tapplika d-direttiva dwar is-salvagwardji speċjali għat-tfal. Din hija l-aħħar waħda minn sett ta' sitt direttivi tal-UE li jiggarantixxu d-drittijiet proċedurali għall-persuni madwar l-UE, li jikkompletaw is-sett sħiħ tad-drittijiet.

Minbarra dawn id-drittijiet ġodda għat-tfal, id-direttiva li tiggarantixxi l-aċċess għall-għajnuna legali bdiet tapplika fl-5 ta' Mejju. Dan il-pakkett ta' regoli tal-UE jiżgura li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għal trattament ġust u ugwali jiġu rispettati fil-proċedimenti kriminali u li jiġu applikati b'mod simili fl-Istati Membri kollha.

Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President inkarigat mill-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, qal: “Kull sena, 9 miljun ruħ ikunu involuti fi proċedimenti kriminali fl-Ewropa. Stat tad-dritt li jiffunzjona tajjeb irid jiżgura li kull Ewropew ikun jista' jiddependi fuq li jirċievi trattament ġust u ugwali quddiem il-liġi. Jeħtieġ li nkomplu niddefendu u nrawmu l-istat tad-dritt tagħna sabiex titrawwem il-fiduċja soda fis-sistemi tal-ġustizzja tagħna u l-kapaċità tagħhom li jipproteġu liċ-ċittadini u lis-soċjetajiet tagħna kollha tagħna.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, żiedet tgħid: “It-tfal jistħoqqilhom protezzjoni speċjali fi proċedimenti kriminali. Bir-regoli l-ġodda aħna niżguraw li l-privatezza tagħhom tiġi rispettata jew li jinżammu separati mill-adulti. Barra minn hekk, kulħadd fl-UE issa jista' jkun żgur li jkollu aċċess għal għajnuna legali jekk ikollu bżonnha. Filwaqt li l-ġustizzja trid issir, irridu niżguraw ukoll li tkun qed issir b'rispett sħiħ lejn id-drittijiet u l-valuri fundamentali tagħna.”

Issa japplikaw id-drittijiet li ġejjin:

  • Salvagwardji speċjali għat-tfal -Fl-UE, kull sena aktar minn miljun tifel u tifla jiffaċċaw proċedimenti tal-ġustizzja kriminali. It-tfal huma vulnerabbli u jeħtieġu protezzjoni speċjali waqt l-istadji kollha tal-proċedimenti. Bir-regoli l-ġodda li japplikaw mil-lum, it-tfal għandhom jiġu assistiti minn avukat u jkunu detenuti separatament mill-adulti jekk jintbagħtu l-ħabs. Il-privatezza trid tiġi rispettata u l-interrogazzjonijiet għandhom jiġu rrekordjati b'mod awdjoviżiv jew irrekordjati b'mod xieraq ieħor.
  • Id-dritt għall-għajnuna legali -Jekk ikunu suspettati jew akkużati, in-nies għandhom id-dritt għall-għajnuna legali, jiġifieri, appoġġ finanzjarju, pereżempju, jekk ma jkollhomx ir-riżorsi biex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti.

Ir-regoli tal-UE jiddefinixxu kriterji ċari biex tingħata l-għajnuna legali. Id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-għajnuna legali jridu jittieħdu f'waqthom u b'mod diliġenti, u n-nies iridu jiġu infurmati bil-miktub jekk l-applikazzjoni tagħhom tiġi miċħuda kompletament jew parzjalment.

Dawn id-drittijiet jikkomplementaw id-drittijiet l-oħra li diġà japplikaw fl-UE:

  • Id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess — Il-kunċett tal-preżunzjoni tal-innoċenza jeżisti fl-Istati Membri kollha tal-UE, iżda r-regoli tal-UE jiżguraw li dan id-dritt jiġi applikat bl-istess mod madwar l-UE kollha. Ir-regoli jiċċaraw li l-oneru tal-provi biex tiġi stabbilita l-ħtija huwa tal-prosekuzzjoni, u li mhijiex il-persuna akkużata li trid turi li mhix ħatja.
  • Id-dritt li jkollok avukat — Persuna suspettata jew akkużata, irrispettivament minn fejn tkun fl-UE, għandha d-dritt li tikkonsulta avukat. Id-dritt għal aċċess għal avukat japplika wkoll fil-proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, kemm fl-Istat Membru li jeżegwih, kif ukoll fl-Istat Membru minn fejn ikun inħareġ.
  • Id-dritt għall-informazzjoni -In-nies iridu ikunu infurmati minnufih bl-att kriminali li jkunu suspettati jew akkużati li wettqu. Iridu jkunu infurmati minnufih ukoll bi drittijiethom waqt il-proċedimenti kriminali, jew bil-fomm jew bil-miktub. Iridu jingħataw aċċess għall-materjali tal-kawża.
  • Id-dritt għal interpretazzjoni u traduzzjoni - L-interpretazzjoni trid tiġi pprovduta mingħajr ħlas matul kull interrogazzjoni, inkluż interrogazzjonijiet mill-pulizija, matul kull seduta tal-qorti u matul kull seduta interim meħtieġa, kif ukoll matul laqgħat essenzjali bejnek u bejn l-avukat tiegħek.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri li għadhom ma implimentawx ir-regoli iridu jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura li r-regoli jiġu applikati b'mod korrett għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Dan jista' jsir anke permezz ta' sessjonijiet ta' ħidma u laqgħat ta' esperti.

Sfond

L-Artikoli 47–49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jipproteġu d-drittijiet li ġejjin:

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-aktar tlieta reċenti minn dawn id-Direttivi dwar id-drittijiet proċedurali għall-persuni suspettati u akkużati f'Novembru 2013.

Iż-żewġ direttivi dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni u dwar id-dritt għall-informazzjoni japplikaw għall-Istati Membri kollha, ħlief għad-Danimarka. L-erba' direttivi l-oħra (l-aċċess għas-servizzi ta' avukat, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għall-għajnuna legali, u s-salvagwardji għat-tfal) japplikaw għall-Istati Membri kollha, minbarra l-Irlanda, ir-Renju Unit u d-Danimarka.

Għal Aktar Informazzjoni

Skeda informattiva - id-drittijiet tiegħek jekk ġejt akkużat jew issuspettat b'reati kriminali fl-UE

IP/19/2910

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar