Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Mobbiltà Nadifa: Il-Kummissjoni tressaq proposta dwar l-ittestjar tal-emissjonijiet tal-karozzi f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali

Brussell, I-14ta' gunju 2019

Illum, bi tweġiba għal deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tipproponi li terġa' ddaħħal ċerti aspetti tal-ittestjar tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali (RDE) f'leġiżlazzjoni li għandha tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. 

Il-Kummissjoni Ewropea ilha attiva ħafna biex tippromwovi l-kwalità tal-arja, biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima u biex tappoġġa l-mixja lejn mobbiltà nadifa. L-azzjonijiet jinkludu testijiet ġodda u aktar affidabbli tal-emissjonijiet f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali kif ukoll test tal-laboratorju mtejjeb. Dawn l-isforzi diġà qed jagħtu r-riżultati. Tipi ġodda ta' vetturi diżil ittestjati kemm fil-laboratorju kif ukoll fit-triq f'kundizzjonijiet tad-dinja reali u li tqiegħdu fis-suq minn Settembru 2017 jemettu b'mod sinifikanti inqas minn tipi eqdem ta' vetturi diżil.

F'Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali annullat xi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ittestjar tal-Emissjonijiet f'Sewqan Reali. Il-Qorti qieset li l-hekk imsejħa “fatturi ta' konformità” ma kellhomx jiġu adottati permezz tal-proċedura tal-komitoloġija, iżda permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. L-annullament huwa ta' natura parzjali u ma jaffettwax il-proċedura tat-test RDE attwali, li tibqa' fis-seħħ u trid tibqa' titwettaq fl-approvazzjoni tat-tip.

Il-Qorti pposponiet l-effetti tal-annullament parzjali għal Frar 2020 biex tagħti żmien lill-Kummissjoni timplimenta s-sentenza. Biex tiġi evitata l-inċertezza legali dwar l-approvazzjonijiet tat-tip li ngħataw minn Settembru 2017 — meta l-proċedura tat-test RDE saret obbligatorja — il-Kummissjoni llum qed tipproponi li jerġgħu jiddaħħlu l-istess fatturi ta' konformità fit-test legali. Il-Kummissjoni qed tressaq il-proposta legali permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif mitlub mill-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni b'hekk taġixxi biex tiżgura ċ-ċertezza legali meħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali, għall-industrija u għall-konsumaturi.

Ladarba jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, ir-Regolament se jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha u se jsir obbligatorju tliet ijiem wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

Kuntest

Il-qafas legali għall-RDE ġie żviluppat bil-proċedura tal-komitoloġija, billi l-Kummissjoni tagħmel proposta lill-esperti nazzjonali, li jistgħu jemendaw il-proposta qabel ma ssir il-votazzjoni. Imbagħad, it-test jitressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fejn jiġi approvat inkella rifjutat. Din kienet il-proċedura segwita għall-adozzjoni tal-Att 2 tal-RDE (Regolament 2016/646), meta l-kompromess li nstab mill-esperti tal-Istati Membri fit-28 ta' Ottubru 2015 sussegwentement ġie approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

F'Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali annullat xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Att 2 tal-RDE, jiġifieri l-hekk imsejħa “fatturi ta' konformità”. Il-fatturi ta' konformità jistabbilixxu d-diskrepanza permessa bejn il-limitu regolatorju tal-emissjonijiet li jiġi ttestjat f'kundizzjonijiet tal-laboratorju u l-valuri tal-proċedura tal-RDE meta l-karozza tkun misjuqa minn sewwieq reali fi triq reali, bil-għan li din id-diskrepanza titnaqqas b'mod progressiv.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx il-ħtieġa teknika tal-fatturi ta' konformità, iżda qieset li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha meta stabbiliet il-fatturi ta' konformità tal-RDE permezz tal-komitoloġija minflok bil-leġiżlazzjoni ta' kodeċiżjoni (jiġifieri l-proċedura leġiżlattiva ordinarja). Fi Frar 2019 il-Kummissjoni ressqet appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fuq il-bażi li hija ma taqbilx mal-evalwazzjoni legali tal-Qorti li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha.

Għal Aktar Informazzjoni 

IP/19/2837

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar