Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Suq Uniku Diġitali: Il-Kummissjoni tippubblika gwida dwar il-moviment liberu ta' mhux personali

Brussell, id-29ta' mejju 2019

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida ġdida dwar kif ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad- jaffettwaw il-moviment liberu ta' mhux personali.

Bħala parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, ir-Regolament il-ġdid dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali, li beda japplika fl-Istati Membri, se jippermetti li d-data tinħażen u tiġi pproċessata kullimkien fl-UE mingħajr restrizzjonijiet mhux iġġustifikati. Il-gwida tal-lum timmira li tgħin lill-utenti – partikularment intrapriżi żgħar u medji – jifhmu l-interazzjoni bejn dawn ir-regoli l-ġodda u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) - speċjalment fejn is-settijiet ta' data jkunu magħmulin minn data personali kif ukoll mhux personali.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, stqarr: “Sal-2025, l-ekonomija tad-data tal-EU27 x'aktarx li tipprovdi 5.4 % tal-PDG tagħha, li huwa ekwivalenti għal €544 biljun. Madankollu, dan il-potenzjal enormi jibqa' limitat jekk id-data ma tkunx tista' tiċċirkola b'mod ħieles. Billi nneħħu restrizzjonijiet ta' lokalizzazzjoni sfurzata tad-data, inkunu qegħdin nagħtu lil aktar nies u negozji ċ-ċans li jisiltu l-aqwa frott mid-data u mill-opportunitajiet li toffri. Il-gwida tal-lum issa tagħti ċarezza sħiħa dwar kif ir-regoli stretti tagħna dwar il-protezzjoni tad-data personali jaffettwaw il-moviment liberu ta' data mhux personali.

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, żiedet tgħid: “L-ekonomija tagħna kulma jmur qiegħda tiġi xprunata mid-data. Bir-Regolament dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, għandna f'idejna qafas komprensiv għal spazju komuni Ewropew tad-data, kif ukoll għall-moviment ħieles tad-data kollha fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-gwida li qegħdin nippubblikaw illum se tgħin lin-negozji, partikolarment l-intrapriżi żgħar u medji, jifhmu kif iż-żewġ Regolamenti jolqtu ‘l xulxin.”

Flimkien mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li beda japplika sena ilu, ir-Regolament il-ġdid dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali jipprevedi ambjent stabbli legali u kummerċjali għall-ipproċessar tad-data. Ir-Regolament il-ġdid jipprevjeni li l-pajjiżi tal-UE jdaħħlu fis-seħħ liġijiet li jisfurzaw, b'mod inġustifikabbli, li d-data tinżamm esklussivament fit-territorju nazzjonali. Huwa l-ewwel att legali ta' dan it-tip fid-dinja. Ir-regoli l-ġodda jżidu ċ-ċertezza tad-dritt u l-fiduċja għan-negozji, u jagħmluha aktar faċli biex l-SMEs u n-negozji ġodda (start-ups) jiżviluppaw servizzi innovattivi, jisfruttaw l-aqwa offerti ta' servizzi ta' pproċessar tad-data fis-suq intern, u jespandu n-negozju transfruntiera.

Il-gwida tal-lum tagħti eżempji prattiċi ta' kif għandhom jiġu applikati r-regoli meta negozju jkun qiegħed jipproċessa settijiet ta' data magħmulin minn data kemm personali u kemm mhux personali. Tispjega wkoll il-kunċetti tad-data personali u d-data mhux personali, inkluż settijiet tad-data mħalltin; telenka l-prinċipji tal-moviment liberu tad-data u tal-prevenzjoni tar-rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data, kemm fil-qafas tal-GDPR u kemm fil-qafas tar-Regolament dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali; u tkopri n-nozzjoni tal-portabbiltà tad-data fil-qafas tar-Regolament dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali. Il-gwida tinkludi wkoll ir-rekwiżiti awtoregolatorji stabbiliti fiż-żewġ Regolamenti.

Sfond

Il-Kummissjoni ppreżentat il-qafas għall-moviment liberu tad-data mhux personali f'Settembru 2017 bħala parti mid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Jean-Claude Juncker, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-Ekonomija Ewropea tad-Data u tal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. Ir-Regolament il-ġdid beda japplika lbieraħ, it-28 ta' Mejju. Bħala parti mir-regoli l-ġodda, il-Kummissjoni kienet obbligata li tippubblika gwida dwar l-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), partikolarment fir-rigward ta' settijiet ta' data magħmulin minn data kemm personali u kemm mhux personali.

Ir-regoli dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali huma konformi mar-regoli eżistenti għall-moviment liberu u għall-portabbiltà tad-data personali fl-UE. Ir-regoli l-ġodda:

  • Jiżguraw il-moviment liberu transfruntiera tad-data: Jistabbilixxu qafas għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data mal-UE kollha, billi jipprevjenu restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni tad-data. L-Istati Membri se jkollhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe restrizzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tad-data li għad fadal jew li tinsab ippjanata, u min-naħa tagħha l-Kummissjoni se tivvaluta jekh mhumiex ġustifikabbli. Iż-żewġ Regolamenti se jaħdmu flimkien biex jippermettu l-moviment liberu ta' kwalunkwe data – personali u mhux personali –, u b'hekk joħolqu spazju komuni Ewropew għad-data. Fil-każ ta' sett ta' data mħallat, id-dispożizzjoni tal-GDPR li tiggarantixxi l-moviment liberu tad-data personali se tapplika għall-parti tas-sett bid-data personali, u l-prinċipju tal-moviment liberu ta' data mhux personali se japplika għall-parti mhux personali.
  • Jiżguraw id-disponibbiltà tad-data għall-kontroll regolatorju: L-awtoritajiet pubbliċi se jkunu jistgħu jaċċessaw id-data għall-iskrutinju u l-kontroll superviżorju kull fejn tinħażen jew tiġi pproċessata fl-UE. L-Istati Membri jistgħu jippenalizzaw lil utenti li, meta mitlub minn awtorità kompetenti, ma jipprovdux aċċess għad-data maħżuna fi Stat Membru ieħor.
  • Iħeġġu l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta għas-servizzi tal-cloud biex jiffaċilitaw il-bdil bejn fornituri tas-servizzi tal-cloud sa Novembru 2019. B'hekk is-suq għas-servizzi tal-cloud se jkun aktar flessibbli, u s-servizzi tad-data fl-UE se jkunu aktar affordabbli.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni tippubblika gwida dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali - Mistoqsijiet u Tweġibiet

Gwida għar-Regolament dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali

Qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-UE - Mistoqsijiet u Tweġibiet

Ir-Regolament dwar il-moviment liberu ta' data mhux personali

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data: sena minn mindu twaqqaf

Gruppi ta' ħidma tal-partijiet ikkonċernati dwar il-qlib tal-cloud u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-cloud

Informazzjoni prattika dwar il-moviment liberu tad-data fuq il-portal L-Ewropa Tiegħek

 

IP/19/2749

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar