Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ġustizzja fil-katina tal-provvista tal-ikel: Il-Kummissjoni tipproponi li żżid it-trasparenza tal-prezzijiet

Brussell, it-22ta' mejju 2019

Wara li pprojbiet il-prattiki kummerċjali inġusti u tejbet il-kooperazzjoni bejn il-produtturi, illum il-Kummissjoni qiegħda tressaq it-tielet element biex iġib kundizzjonijiet aktar ġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel, billi ddaħħal aktar trasparenza fil-mod kif il-prezzijiet jiġu rrappurtati tul il-katina.

Illum il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta li se tagħmel disponibbli informazzjoni essenzjali dwar kif jiġu ddeterminati l-prezzijiet hekk kif il-prodotti agroalimentari jimxu tul il-katina tal-provvista tal-ikel.

Id-differenzi fil-prezzijiet tax-xiri u tal-bejgħ jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar kostijiet intermedjarji bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ (fosthom it-trasport, l-assigurazzjoni, il-ħżin eċċ.). Trasparenza msaħħa tkun tista' tirfed deċiżjonijiet ta' negozju aħjar, u ttejjeb il-fiduċja f'negozjar ġust minn stadju għall-ieħor tal-katina tal-provvista tal-ikel. L-aċċess faċli u f'waqtu għal informazzjoni dwar l-iżviluppi fis-suq huwa wkoll fondamentali biex wieħed ikun jista' jikkompeti b'mod effettiv fi swieq globali.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan, stqarr: “Li nsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel ilu u għadu prijorità tal-Kummissjoni. Billi ntejbu t-trasparenza tas-suq, inkunu qegħdin nagħtu lok għal aċċess ugwali għall-informazzjoni dwar il-prezzijiet, b'aktar ċarezza, u b'hekk il-katina alimentari tagħna ssir iktar ġusta u iktar ibbilanċjata. Dawn ir-regoli ġodda se jikkomplementaw id-Direttiva li tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali inġusti, adottata dan l-aħħar, billi se jagħtu setgħa wkoll lill-atturi żgħar u l-iktar dgħajfin tal-katina tal-provvista tal-ikel. L-introduzzjoni ta' dawn ir-regoli tixhed l-appoġġ pubbliku tassew qawwi li hemm mal-UE kollha sabiex insaħħu r-rwol tal-bidwi fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Filwaqt li hemm ammont kbir ta' informazzjoni disponibbli dwar l-iżviluppi fis-swieq agrikoli (prezzijiet, volumi ta' produzzjoni, stokks, eċċ.), ma hemm kważi ebda informazzjoni dwar swieq ewlenin oħrajn fil-katina tal-provvista tal-ikel, speċifikament dawk li joperaw bejn il-bdiewa u l-konsumaturi fil-livelli tal-ipproċessar tal-ikel u tal-bejgħ bl-imnut. Din l-asimmetrija fl-informazzjoni bejn il-bdiewa u l-atturi l-oħra fil-katina tal-provvista tal-ikel tpoġġi lill-bdiewa f'pożizzjoni żvantaġġata sew fis-suq, u tnawwar il-fiduċja fin-negozjar ġust. In-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-iżviluppi fis-suq mingħand il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut sar jissejjaħ il-“kaxxa s-sewda” tal-katina tal-provvista tal-ikel. Il-proposta tal-lum tiftaħ dik il-kaxxa.

Il-miżuri proposti se jkopru s-setturi tal-laħam, tal-bajd, tal-prodotti tal-ħalib, tal-frott u l-ħaxix, tal-għelejjel li jinħartu, taz-zokkor u taż-żejt taż-żebbuġa. Jibnu fuq sistemi u proċeduri ta' ġbir tad-data li huma diġà implimentati, użati mill-operaturi u mill-Istati Membri biex jirrappurtaw informazzjoni dwar is-suq lill-Kummissjoni, iżda issa b'firxa usa'. Kull Stat Membru se jkun responsabbli għall-ġbir tad-data dwar il-prezzijiet u s-suq. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jagħżlu l-iktar approċċ kosteffettiv, u ma jimmirawx lill-intrapriżi żgħar u medji biex inaqqsu l-piż amministrattiv. L-Istati Membri se jikkomunikaw id-data lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha se tippubblika l-monitoraġġ fuq il-portal tagħha tad-data agroalimentari kif ukoll fl-osservatorji tas-suq tal-UE. Huwa essenzjali li l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru tkun preċiża u f'waqtha.

Skont il-proċeduri tal-Kummissjoni għar-Regolamentazzjoni aħjar, issa l-proposta tinsab ippubblikata għal perjodu ta' konsultazzjoni pubblika ta' erba' ġimgħat. Wara dan se tiġi adottata mill-Kummissjoni Ewropea, u huwa ppjanat li tidħol fis-seħħ sitt xhur wara l-adozzjoni tagħha.

Sfond

Il-Kummissjoni ilha mill-bidu tal-mandat tagħha tħabrek favur katina tal-provvista tal-ikel iktar ġusta u iktar ibbilanċjata.

Fl-2016 twaqqfet it-Task Force għas-Swieq Agrikoli (AMTF), bil-għan li tivvaluta r-rwol tal-bdiewa fil-katina usa' tal-provvista tal-ikel, u li tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif ir-rwol tagħhom jista' jissaħħaħ u jittejjeb.

Abbażi ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni varat valutazzjoni tal-impatt tal-bidu u konsultazzjoni pubblika dwar it-titjib tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-2017, li flimkien koprew it-tliet elementi li ġejjin: il-prattiki kummerċjali inġusti, il-kooperazzjoni fost il-produtturi, u t-trasparenza tas-suq.

Stħarriġ riċenti mal-UE kollha, ippubblikat fi Frar 2018, juri li maġġoranza kbira ta' dawk li wieġbu (88 %) iqisu li huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel. Biex ikomplu jikkonfermaw din ix-xejra, 96 % ta' dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-2017 dwar il-modernizzazzjoni tal-PAK qablu mal-proposta li t-titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur għandu jkun għan tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE.

Is-sena l-oħra l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha biex tipprojbixxi l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel. Il-koleġiżlaturi vvutaw favur dik il-proposta f'April 2019. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw il-protezzjoni ta' 100 % tal-bdiewa Ewropej, kif ukoll tal-fornituri żgħar u medji, kontra l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Għal aktar tagħrif

Proposta għal aktar trasparenza tas-suq fil-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE

Il-Kummissjoni tilqa' l-appoġġ tal-Parlament favur il-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali inġusti

IP/19/2629

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar