Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data: sena minn mindu twaqqaf

Brussell, it-22ta' mejju 2019

Fil-25 ta' Mejju 2019, Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data se jagħlaq sena mill-applikazzjoni tiegħu. Biex tiġi ċċelebrata l-okkażjoni, AndrusAnsip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, u Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri ħarġu l-istqarrija li ġejja:

“Il-25 ta' Mejju jaħbat l-anniversarju tar-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data tal-Ewropa, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, magħruf ukoll bħala l-GDPR. Dawn ir-regoli li jbiddlu l-qagħda attwali mhux biss għamlu l-Ewropa aktar adattata għall-era diġitali, saru wkoll punt ta' referenza globali.

L-għan ewlieni tar-regoli kien li jagħtu s-setgħa lin-nies u jgħinuhom jiksbu aktar kontroll fuq id-data personali tagħhom. Dan diġà qed iseħħ peress li n-nies qed jibdew jużaw id-drittijiet il-ġodda tagħhom u aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej semgħu bir-regolament.

Barra minn hekk, il-kumpaniji issa jibbenefikaw minn sett wieħed ta' regoli li japplika fl-Unjoni kollha tagħna. F'dak li għandu x'jaqsam mad-data, dawn irranġaw il-qagħda tagħhom li wassal għal aktar sigurtà tad-data u għal relazzjoni bbażata fuq il-fiduċja mal-klijenti tagħhom.

Il-GDPR ta lill-awtoritajiet l-għodda biex jindirizzaw il-ksur. Pereżempju, sena wara, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li għadu kif ġie stabbilit irreġistra aktar minn 400 każ transfruntier madwar l-Ewropa. Dan huwa xhieda tal-benefiċċju addizzjonali tal-GDPR, minħabba li l-protezzjoni tad-data ma tiqafx mal-fruntieri nazzjonali.

In-nies qed isiru aktar konxji - u dan huwa sinjal pożittiv ħafna. Ċifri ġodda juru li kważi sittin fil-mija tan-nies jafu li hemm awtorità għall-protezzjoni tad-data f'pajjiżhom. Din hija żieda sinifikanti minn erbgħin fil-mija fl-2015. L-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data għandhom rwol essenzjali biex jagħmlu l-GDPR jikseb riżultati konkreti.

Il-liġi l-ġdida saret il-bażi regolatorja tal-Ewropa li tifforma t-tweġiba tagħna f'ħafna oqsma oħra. Ir-regoli b'saħħithom dwar il-protezzjoni tad-data jgħinu biex jiġu żviluppati l-politiki u t-teknoloġiji bbażati fuq il-fiduċja tan-nies, mill-Intelliġenza Artifiċjali, għall-iżvilupp tan-netwerks 5G għall-integrità tal-elezzjonijiet tagħna.

Il-prinċipji tal-GDPR qed jinfirxu wkoll il hinn mill-Ewropa. Miċ-Ċilì sal-Ġappun, mill-Brażil sal-Korea t'Isfel, mill-Arġentina sal-Kenja qed naraw li qed jitfaċċaw liġijiet ġodda dwar il-privatezza,

ibbażati fuq salvagwardji b'saħħithom, drittijiet individwali infurzabbli u awtoritajiet ta' superviżjoni indipendenti . Din il-konverġenza ‘l fuq toffri opportunitajiet ġodda biex tippromwovi l-flussi ta' data bbażati fuq il-fiduċja u s-sigurtà.

Il-GDPR biddel ix-xenarju fl-Ewropa u lil hinn minnha. Iżda l-konformità hija proċess dinamiku u ma sseħħx mill-lum għal għada. Il-prijorità ewlenija tagħna għax-xhur li ġejjin hija li niżguraw implimentazzjoni xierqa u ugwali fl-Istati Membri. Inħeġġu lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-kelma u l-ispirtu tal-GDPR sabiex jinħoloq ambjent prevedibbli u jiġi evitat piż żejjed għall-partijiet interessati, b'mod partikolari l-SMEs. Se nkomplu wkoll il-kollaborazzjoni mill-qrib tagħna mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data flimkien man-negozji u mas-soċjetà ċivili biex nindirizzaw il-kwistjonijiet l-aktar jaħarqu u niffaċilitaw l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda.”

Sfond

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa sett uniku ta' regoli b'approċċ komuni tal-UE għall-protezzjoni tad-data personali, applikabbli direttament fl-Istati Membri. Huwa jsaħħaħ il-fiduċja billi jqiegħed lill-individwi lura fil-kontroll tad-data personali tagħhom u fl-istess ħin jiggarantixxi l-fluss liberu tad-data personali bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-protezzjoni ta' data personali hija dritt fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

Il-GDPR ilu japplika mill-25 ta' Mejju 2018. Minn dakinhar, kważi l-Istati Membri kollha adattaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom fid-dawl tal-GDPR. L-Awtoritajiet nazzjonali tal-Protezzjoni tad-Data huma responsabbli għall-infurzar tar-regoli l-ġodda u qed jikkoordinaw aħjar l-azzjonijiet tagħhom grazzi għall-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Huma qed joħorġu linji gwida dwar aspetti ewlenin tal-GDPR biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda.

Il-Kummissjoni se tevalwa din is-sena ta' applikazzjoni tal-GDPR f'avveniment li għandu jsir fit-13 ta' Ġunju. Kif previst mill-GDPR, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda fl-2020.

Illum se jinħarġu l-ewwel riżultati ta' Ewrobarometru speċjali dwar il-protezzjoni tad-data li jiġbor l-opinjonijiet ta' aktar minn 27,000 ruħ minn madwar l-UE. Il-Kummissjoni Ewropea se tirrilaxxa r-riżultati sħaħ tal-Ewrobarometru fl-avveniment tal-anniversarju fit-13 ta' Ġunju.

Għal Aktar Informazzjoni

IP/19/2610

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar