Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: Tnedija tal-ewwel operazzjoni konġunta li qatt saret barra mill-UE

Tirana, il-21ta' mejju 2019

Illum, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Albaniżi, qed tniedi l-ewwel operazzjoni konġunta li qatt saret fit-territorju ta' pajjiż ġar tal-UE iżda li mhuwiex membru tagħha. Fit-22 ta Mejju, timijiet mill-Aġenzija se jiġu skjerati flimkien mal-gwardji tal-fruntiera Albaniżi fil-fruntiera bejn il-Greċja u l-Albanija biex isaħħu l-ġestjoni tal-fruntieri u jtejbu s-sigurtà mal-fruntieri esterni tal-UE, fi ftehim sħiħ mal-pajjiżi kollha kkonċernati. Din l-operazzjoni timmarka fażi ġdida għall-kooperazzjoni mal-fruntiera bejn l-UE u s-sħab tal-Balkani tal-Punent, u hija pass ieħor lejn l-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tal-Aġenzija.

L-avveniment tat-tnedija qed isir f'Tirana, fl-Albanija, fil-preżenza ta' Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza, Fabrice Leggeri, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, Edi Rama, il-Prim Ministru Albaniż u Sandër Lleshaj, il-Ministru għall-Intern tal-Albanija.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos, qal: “Bl-ewwel skjerament li qatt sar ta' timijiet Ewropej ta' Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta barra mill-UE, qed nibdew kapitlu ġdid fjamant fil-kooperazzjoni tagħna fuq il-migrazzoni u l-ġestjoni tal-fruntieri mal-Albanija u mar-reġjun kollu kemm hu tal-Balkani tal-Punent. Din hija bidla radikali u pass verament storiku li jqarreb dan ir-reġjun lejn l-UE billi jaħdem b'mod ikkoordinat u b'appoġġ reċiproku fuq sfidi kondiviżi bħall-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u l-protezzjoni tal-fruntieri komuni tagħna.”

Fabrice Leggeri, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, qal: “Illum nimmarkaw stadju importanti għall-aġenzija tagħna u għall-kooperazzjoni usa' bejn l-Unjoni Ewropea u l-Albanija. Qed inniedu l-ewwel operazzjoni konġunta kompleta barra mill-Unjoni Ewropea biex nappoġġjaw lill-Albanija fil-kontroll tal-fruntieri u fl-indirizzar tal-kriminalità transfruntiera.

Filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar l-Albanija tibqa' responsabbli għall-protezzjoni tal-fruntieri tagħha, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tista' tagħti appoġġ u assistenza kemm f'forma teknika kif ukoll f'forma operazzjonali. It-timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se jkunu jistgħu jappoġġjaw lill-gwardji tal-fruntieri Albaniżi, pereżempju, fit-twettiq tal-verifiki fil-fruntieri fil-punti ta' qsim, u jipprevjenu dħul mhux awtorizzat. L-operazzjonijiet u l-iskjeramenti kollha fil-fruntiera Albaniża mal-Greċja se jitwettqu bi ftehim sħiħ kemm mal-awtoritajiet Albaniżi kif ukoll ma' dawk Griegi.

Fil-bidu tal-operazzjoni, l-Aġenzija se tkun qed tiskjera 50 uffiċjal, 16-il karozza tal-pattulji u vann b'viżjoni termika minn 12-il Stat Membru tal-UE (l-Awstrija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Latvja, in-Netherlands, ir-Rumanija, il-Polonja u s-Slovenja) biex tappoġġja l-Albanija fil-kontroll tal-fruntieri u l-indirizzar tal-kriminalità transfruntiera.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi terzi prijoritarji u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se jikkontribwixxi għall-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni irregolari, se jkompli jtejjeb is-sigurtà mal-fruntieri esterni tal-UE u se jsaħħaħ il-kapaċità tal-Aġenzija li taġixxi fil-viċinat immedjat tal-UE, filwaqt li jqarreb dak il-viċinat lejn l-UE.

Sfond

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista' twettaq skjeramenti u operazzjonijiet konġunti fit-territorju ta' pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE, soġġetti għall-konklużjoni preċedenti ta' ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż ikkonċernat. Il-ftehim dwar l-istatus negozjat mal-Albanija u ffirmat f'Ottubru 2018 daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2019. Huwa l-ewwel ftehim tax-xorta tiegħu li sar operazzjonali ma' pajjiż sieħeb tal-Balkani tal-Punent.

Ftehimiet simili ġew inizjalati mal-Maċedonja ta' Fuq (Lulju 2018), mas-Serbja (Settembru 2018), mal-Bożnija-Ħerzegovina (Jannar 2019) u mal-Montenegro (Frar 2019) u qed jistennew il-finalizzazzjoni.

Aktar kmieni din is-sena, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jsaħħu l-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u tawha l-livell xieraq ta' ambizzjoni li jikkorrispondi għal-isfidi komuni li qed tiffaċċja l-Ewropa fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri tagħha. Dan se jippermetti li jsiru operazzjonijiet konġunti u skjeramenti f'pajjiżi lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-Ftehim dwar l-istatus bejn l-UE u l-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-Albanija

Stqarrija għall-istampa: Il-ġestjoni tal-fruntieri: L-UE tiffirma ftehim mal-Albanija dwar kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (il-5 ta' Ottubru 2018)

Stqarrija għall-istampa: Border management: European Border and Coast Guard Agency strengthens operational cooperation with Albania (12 ta' Frar 2018)

IP/19/2591

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar