Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

rescEU: L-UE tistabbilixxi l-flotta inizjali għat-tifi tan-nar għall-istaġun tan-nirien fil-foresti li jmiss

Brussell, il-21ta' mejju 2019

Bi tħejjija għar-riskju ta' nirien fil-foresti matul is-sajf li ġej, il-Kummissjoni llum qed tniedi l-ewwel flotta ta' inġenji tal-ajru għat-tifi tan-nar skont is-sistema rescEU l-ġdida biex jiġu indirizzati d-diżastri naturali. S'issa seba' ajruplani tat-tifi tan-nar u sitt ħelikopters se jkunu parti mill-flotta rescEU matul perjodu ta' tranżizzjoni inizjali, u l-Kummissjoni qed taħdem flimkien mal-pajjiżi parteċipanti biex iżżid assi addizzjonali fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-President Jean-Claude Juncker qal: “rescEU huwa rispons konkret, rispons Ewropew, biex ngħinu lil ħafna ċittadini li jiffaċċaw it-theddida ta' diżastri naturali. Bħala Ewropej, konna lkoll ixxukkjati meta ħafna nies tilfu ħajjithom f'dawn l-aħħar snin minħabba nirien fil-foresti mill-Portugall lejn il-Greċja. Is-solidarjetà Ewropea trid tfisser li nipproċteġu ċ-ċittadini u ngħinu lil xulxin f'mumenti diffiċli. rescEU toffri soluzzjonijiet prattiċi u tipprattika b'mod konkret is-solidarjetà Ewropea.”

Il-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Christos Stylianides qal: “Il-nirien tal-foresti ma jistennewx. Biex jiġu salvati l-ħajjiet u jiġu protetti ċ-ċittadini, l-UE u l-Istati Membri tagħha ngħaqdu flimkien u għamlu r-rescEU realtà. Bir-rescEU, għandna xibka ta' sikurezza ulterjuri fi żminijiet ta' kriżi. Jiena kburi ħafna li qed nara l-flotta Ewropea tagħna tat-tifi tan-nar tal-foresti ssir realtà dan is-sajf. Nixtieq nirringrazzja lil kull Stat Parteċipanti li kkontribwixxa għal din il-flotta – li tippreparana bl-aħjar mod possibbli għall-istaġun tan-nirien ta' din is-sena.”

Kapaċitajiet għat-tifi tan-nar

  • Ħames Stati Membri tal-UE, li ntlaqtu spiss minn nirien fil-foresti f'dawn l-aħħar snin, poġġew l-ajruplani u l-ħelikopters tagħhom għad-dispożizzjoni tal-flotta ta' tranżizzjoni tal-2019 tar-rescEU.
  • L-assi inizjali huma: 2 inġenji tal-ajru mill-Kroazja, inġenju tal-ajru minn Franza, 2 inġenji tal-ajru mill-Italja, 2 inġenji tal-ajru minn Spanja, u 6 ħelikopters mill-Iżvezja.

Miżuri ta' tħejjija u ta' monitoraġġ għall-istaġun tan-nirien fil-foresti li jmiss

Barra mill-ħolqien tal-flotta tar-rescEU, il-Kummissjoni Ewropea qed issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u koordinament biex tkun preparata għall-istaġun tan-nirien fil-foresti.

  • Iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza 24/7 (ERCC) tal-UE se jissaħħaħ permezz ta' tim ta' appoġġ għan-nirien fil-foresti, b'esperti mill-Istati Membri matul is-sajf.
  • L-ERCC se jorganizza vidjokonferenzi regolari mal-Istati Membri matul is-sajf biex jaqsmu l-informazzjoni dwar ir-riskju tan-nar madwar l-Ewropa.
  • Biex jiġu identifikati emerġenzi ta' nirien fil-foresti se tintuża s-sistema Satellitari tal-UE Copernicus.
  • L-Istati Membri kollha tal-UE flimkien mal-pajjiżi sħab ipparteċipaw fil-laqgħa annwali dwar in-nirien fil-foresti fi Brussell biex iħejju ruħhom għall-istaġun tan-nirien fil-foresti li jmiss.
  • Matul dawn l-aħħar xhur saru diversi eżerċizzji fuq il-post dwar in-nirien fil-foresti. Dawn jinkludu l-eżerċizzji fuq il-post ta' MODEX għall-protezzjoni ċivili u dwar in-nirien fil-foresti, b'esperti u timijiet ta' salvataġġ minn diversi pajjiżi tal-UE fil-gżira ta' Cres, il-Kroazja, mis-7 sal-10 ta' April 2019. Saru aktar eżerċizzji fi Split, fil-Kroazja u f'Aix-en-Provence, Franza.

L-għan fit-tul huwa li jiżdiedu aktar kapaċitajiet u assi u tinbena riżerva tar-rescEU aktar b'saħħitha.

L-Ewropa rat diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem severi f'dawn l-aħħar snin: nirien tal-foresti, għargħar, maltempati u terremoti li rriżultaw f'telf ta' ħajjiet — aktar minn 100 fl-2018. Bħala mezz biex jipproteġi aħjar liċ-ċittadini fil-bżonn, ir-rescEU isaħħaħ il-kapaċità kollettiva tal-Unjoni biex tipprevjeni, tipprepara ruħha u tilqa' għad-diżastri li jaffettwaw is-soċjetajiet tagħna minn issa.

Sfond

Għaliex ġie stabbilit ir-rescEU?

Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE għalissa kien ibbażat fuq sistema, li permezz tagħha l-UE tikkoordina l-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Parteċipanti ta' pajjiż li jkun talab l-assistenza. L-offerti ta' assistenza jiġu kkoordinati miċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza bbażat fi Brussell. F'dawn l-aħħar snin, kundizzjonijiet estremi tat-temp u theddidiet emerġenti oħrajn kienu ta' sfida kbira għall-kapaċità tal-Istati Membri li jgħinu lil xulxin, speċjalment meta bosta Stati Membri kellhom jiffaċċaw l-istess tip ta' diżastru fl-istess ħin. F'każijiet bħal dawn meta l-assi jkunu limitati jew ma jkunx hemm minnhom, l-UE ma kellhiex kapaċità ta' riżerva biex tassisti lill-Istati Membri f'diffikultà.

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva

Mistoqsijiet & Tweġibiet — UE li tipproteġi: Il-pjan tal-UE biex tissaħħaħ il-protezzjoni ċivili daħal fis-seħħ

IP/19/2553

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar