Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Edukazzjoni f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza: L-UE tħabbar finanzjament umanitarju rekord għall-2019 u tniedi l-Kampanja #RaiseYourPencil

Brussell, I-14ta' mejju 2019

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħabbret finanzjament bla preċedent ta' EUR 164 miljun għal proġetti ta' Edukazzjoni f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza għall-2019. Flimkien ma' personalitajiet famużi internazzjonali u Belġjani kif ukoll madwar 400 studenta u student, il-Kummissjoni nediet kampanja fuq il-midja soċjali biex tqajjem kuxjenza u solidarjetà fost iż-żgħażagħ Ewropej.

Christos Stylianides, il-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet qal: “L-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza hija prijorità assoluta għall-Unjoni Ewropea.Mill-2015, l-appoġġ tagħna żdied minn 1 % tal-baġit umanitarju Ewropew fl-2015 għal 10 % fl-2019. L-Unjoni Ewropea qiegħda tmexxi bl-eżempju. Hija promotur dinji tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Qegħdin nagħmlu investiment konkret għall-paċi billi ngħinu lit-tfal kollha jkollhom aċċess għal skola, kull fejn ikunu u f'kull ħin. L-edukazzjoni hija l-pedament għall-bqija tal-kwistjonijiet. Hija tarka li tħares kontra l-vjolenza, l-isfruttament sesswali, jew ir-radikalizzazzjoni, speċjalment fi kriżijiet umanitarji. Tikkontribwixxi biex it-tfal iħossuhom aktar sikuri u tagħtihom opportunitajiet għal ġejjieni aħjar.

Grazzi għall-finanzjament mill-UE, bejn l-2015 u l-2018 aktar minn 6.5 miljun tifla, tifel, għalliema u għalliem f'55 pajjiż milqut minn kriżi gawdew minn aċċess aħjar għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità minn meta l-Unjoni Ewropea żiedet l-appoġġ għat-tfal maqbuda fi kriżijiet umanitarji.

L-avveniment #School4All

Illum il-Kummissarju Ewropew Christos Stylianides ħabbar il-finanzjament ġdid waqt l-Avveniment ta' Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' Emerġenza #School4All fi Brussell. L-avveniment laqqa' aktar minn 400 student tal-iskola sekondarja, għalliem, fassal tal-politika u prattikant tal-għajnuna umanitarja, flimkien mar-Rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Denis Mukwege u l-kantanti Belġjani Axelle Red u Typh Barrow.

Il-kampanja #RaiseYourPencil

Il-kampanja #RaiseYourPencil tnediet illum biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi garantit l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal kollha milquta mill-kriżijiet fid-dinja u biex iż-żgħażagħ Ewropej jiġu inkoraġġiti juru solidarjetà mal-pari tagħhom madwar id-dinja li ma jistgħux imorru skola minħabba f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Il-kampanja se tibqa' għaddejja sa' Settembru 2019 u se tkopri ż-żminijiet meta l-istudenti żgħażagħ minn pajjiżi Ewropej jispiċċaw is-sena skolastika tagħhom u meta jirritornaw l-iskola wara l-vaganzi tas-sajf. Permezz tal-lapes, li huwa simbolu universali li jirrappreżenta l-iskola u t-tagħlim, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lil kulħadd juża #RaiseYourPencil fuq il-midja soċjali għall-promozzjoni ta' #School4All.

Sfond

Illum kważi 75 miljun tifla u tifel madwar id-dinja ma għandhomx aċċess, jew għandhom aċċess limitat għall-iskola minħabba kunflitti jew diżastri naturali. Madankollu l-edukazzjoni mhux talli hija dritt fundamentali tal-bniedem, iżda hija wkoll ħtieġa essenzjali għat-tfal f'emerġenzi. Hija mezz meħtieġ għall-ħarsien, it-tolleranza u t-tama għat-tfal biex iwettqu l-ħolm tagħhom u jibnu l-ġejjieni tagħhom.

F'dawn l-aħħar snin l-UE żiedet il-finanzjament f'dan il-qasam tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Minn meta l-Kummissarju Stylianides iddikjara l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza bħala qasam ta' prijorità fl-2015, is-sehem tal-baġit tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni li jintefaq fuq l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza żdied minn 1 % fl-2015 għal 10 % fl-2019. Filwaqt li fl-2015 il-Kummissjoni nefqet kważi EUR 13-il miljun fuq l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, sa tmiem l-2018 din iċ-ċifra żdiedet għal total ta' EUR 290 miljun.

B'riżultat ta' dan, l-UE tinsab fuq quddiem nett fil-livell dinji b'rabta mal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Il-finanzjament tal-Kummissjoni jingħata permezz tas-sħab li jimplimentaw l-għajnuna umanitarja, prinċipalment NGOs, aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali li jwettqu proġetti umanitarji.

Għal aktar informazzjoni

Il-kampanja #RaiseYourPencil

Edukazzjoni f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza

IP/19/2452

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar